Prayer Cafè: SAN PAWL – taħdita minn Fr. Joseph Agius, il-Ġimgħa, 8 ta’ Frar 2019.
Il-laqgħa bdiet bit-Talba tal-Moviment.
L-ewwel parti ta’ din it-taħdita ser tkun fuq il-ħajja ta’ San Pawl, u t-tieni parti fuq xi punti prinċipali tad-duttrina tiegħu u l-impatt li din kellha fuq il-Kristjaneżmu. It-Teoloġija tal-Knisja, li hi bbażata fuq it-Testment il-Ġdid, ġeneralment hi bbażata fuq id-duttrina ta’ San Pawl u ta’ San Ġwann.
San Pawl twieled fid-bidu tal-era nisranija f’Tarsu taċ-Ċiliċja, fix-xlokk tat-Turkija, xi 22 kilometru ‘l bogħod mill-Mediterran. Il-familja kienet Lhudija ta’ osservanza stretta (Ġudajiżmu). San Pawl isemmi lill-oħtu u neputi fl-ittri tiegħu. F’Tarsu kellu l-ewwel edukazzjoni tiegħu. Tgħallem il-Ġudajiżmu u l-Kultura Griega, li narawha mit-tip ta’ Grieg li kien juża fl-ittri tiegħu, u l-mod kif kien kellem lill-Griegi f’diskors li kien għamel f’Ateni.
San Pawl kellu żewġ ismijiet – l-isem Lhudi “Sawl”, u l-ieħor Ruman “Paulos” peress li kien ċittadin Ruman. Meta beda jxandar il-Vanġelu inqeda’ l-iktar bl-isem Ruman.
Kompla l-istudji tiegħu f’Ġerusalemm, għand wieħed mill-aqwa Rabbin – Gamaljel. Mingħandu kellu formazzjoni tista’ tgħid liberali tal-Ġudajiżmu, fl-interpretazzjoni tal-Liġi ta’ Mose’. Studja Ġerusalemm madwar is-sena 30 sa 36 W.K.
Kien f’dan iż-żmien li probabbli San Pawl kien involut fil-persekuzzjoni tal-insara. Din kellha l-bidu tagħha fl-oppożizzjoni li l-Lhud kienu għamlu lil Ġesu’ ta’ Nazzaret, li wasslithom biex dendluh fuq is-salib. Wara l-mewt ta’ Ġesu’ ppersegwitaw anke lill-insara Lhud li kienu ġew minn barra l-Palestina, fosthom Stiefnu. Kien f’din il-fażi li San Pawl beda jeħodha kontra l-insara.
Il-Konverżjoni ta’ San Pawl
Il-kelma “konverżjoni” hi tajba, imma rridu nżommu quddiem għajnejna li wara fl-esperjenza fit-triq ta’ Damasku, San Pawl ma ċaħad assolutament xejn mill-fidi li kellu qabel. Fit-triq ta’ Damasku ntebaħ li ċ-ċentru tal-fidi tiegħu, li kienet il-wegħdiet li Alla kien għamel mall-poplu Lhudi fit-Testment il-Qadim, seħħew fil-ġrajja ta’ Kristu. Allura nistgħu nikkunsidraw l-aċċettazzjoni tal-Kristjaneżmu minn San Pawl mhux eżatt bħala konverżjoni, imma aktar bħala żvilupp fil-fidi Lhudija tiegħu. Hi konverżjoni fis-sens li, minħabba din l-aċċettazzjoni li Kristu hu t-twettiq tal-wegħdiet li Alla għamel lill-Poplu Lhudi fit-Testment il-Qadim, San Pawl biddel kompletament l-atteġġjament tiegħu lejn il-Kristjaneżmu u l-komunitajiet insara. Dil-bidla b’xi mod nistgħu nsejħulha “konverżjoni”.
Il-ġrajja fit-triq ta’ Damasku għandha aspett ieħor. Jekk naqraw ir-rakkonti li għamel Luqa fl-Atti tal-Appostli, u r-riferimenti li għamel San Pawl fid-diskorsi tiegħu, dan iktar jinsisti fuq il-fatt li f’dik l-esperjenza rċieva s-sejħa għall-apostolat biex ixandar il-Vanġelu. Kif intebaħ b’dan, mar jagħmel irtir fid-deżert tas-Sirja. Meta reġa’ lura beda jxandar il-Vanġelu f’Damasku, u hawnhekk ħalla mressjoni tajba.
Meta beda jxandar il-Vanġelu, peress li qatt ma kellu kuntatt personali ma’ Kristu, u peress li l-mandatt biex ikun appostlu rċevih f’dik is-sejħa, ried ikun ċert minn dak li kien qed jgħallem. Allura mar Ġerusalemm biex jitkellem ma’ Pietru, ħalli dak li kien qed jgħallem jaqbel ma’ dak li Pietru kien ħa mingħand Ġesu’. L-insara ta’ Ġerusalemm ma tantx fdawh lil Pawlu, għax kienu jafuh bħala wieħed li jippersegwita lill-Knisja. Wara rritorna lejn Tarsu, art twelidu.
Sadanittant, il-Kristjaneżmu kien beda jinfirex lil hinn mix-xtut tal-Palestina. Kien hemm komunita’ mportanti f’Antijokja, is-Sirja. Kien hawnhekk li l-insara bdew jissejjħu Kristjani. Kien hemm bżonn li din il-komunita’ tissaħħaħ. Allura Barnaba mar Tarsu u sejjaħ lil Pawlu u ħadu miegħu fl-Antijokja. Dawn it-tnejn jingħad li rċevew il-mandatt tagħhom b’intervent tal-Ispirtu s-Santu.
San Pawl għamel tlett vjaġġi missjunarji. L-ewwel wieħed għamlu ma’ Barnaba. Fil-bidu mexxa Barnaba, u mbagħad San Pawl ħa l-inizzjattiva u mexxa hu. Marru tajjeb. Waqqfu diversi komunitajiet insara u ġrat ħaġa li ma kinux qed jistennewha – il-Vanġelu ġie milqugħ mill-pagani, u mhux mill-Lhud.
Din ħolqot problema, għax kien hemm Lhud oħra li kienu aċċettaw il-Kristjaneżmu u dawn dehrilhom li l-pagani konvertiti kellhom isiru Lhud bħalhom. Rieduhom joqgħodu għal-Liġi ta’ Mose’. Meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm ikkonvertew għall-Kristjaneżmu, dawn ħassewhom marbutin bl-obbligi kollha li kienet marbuta l-komunita’ Lhudija. Kienu jmorru regolarment is-Sinagoga. Dawn ippretendew li l-pagani konvertiti jsiru Lhud bħalhom, jiġifieri joqgħodu għall-Liġi ta’ Mose’. San Pawl ma ridx dan. Għalhekk iltaqa’ l-Konċilju ta’ Ġerusalemm, b’inizzjattiva ta’ San Pawl u Barnaba. Ġie deċiż li l-Liġi ma tobbligax lill-pagani li jsiru Lhud.
Il-Konċilju ta’ Ġerusalemm, pero’, m’affrontax problema li minħabba fiha kienu tlewwmu Pawlu u Pietru. Kienet tolqot żewġ gruppi ta’ nsara – dawk li ġejjin mill-Ġudajiżmu u dawk li ġejjin mill-paganiżmu. Tal-ewwel ħassuhom marbutin mal-Liġi ta’ Mose’. Kienu josservaw ċertu drawwiet ta’ purita’ ritwali li ma kinux iħalluhom jitħalltu ma’ dawk li ma josservawx l-istess normi. Għalhekk kienet saret impossibbli għaż-żewġ gruppi li jiltaqgħu flimkien u jiċċelebraw il-Liturġija flimkien. Bl-atteġġjament tiegħu, Pietru kien ta l-impressjoni li din is-sitwazzjoni kienet ħaġa aċċettabbli, għalhekk San Pawl ħadha bi kbira.
Kien hemm ukoll it-tieni u t-tielet vjaġġ missjunarju. Fi tmiem it-tielet vjaġġ, San Pawl tela’ Ġerusalemm, fejn iltaqa’ ma’ Trożimu, li kien pagan. Il-Lhud ħasbu li San Pawl kien daħħlu fit-tempju, daru għalih u kienu s-suldati Rumani li salvawlu ħajtu. Arrestawħ u dam fil-ħabs sentejn. Meta ntebaħ li l-Gvernatur il-ġdid seta’ jagħtih f’idejn il-Lhud, Pawlu appella biex jintbgħat Ruma. Telaq minn Ċesarija Marittima u spiċċa Malta.
Il-vjaġġ li wasslu Malta ma kienx wieħed missjunarju. Infatti, matul il-vjaġġ, ma jgħidx kelma waħda fuq Ġesu’. Għalkemm l-awtur tar-rakkont isemmi xi mirakli u fejqan li għamel hawn imma ma jgħid xejn dwar predikazzjoni li San pawl seta’ għamel hawn.
San Pawl ma kienx jitlef okkażżjoni biex ixandar lil Kristu. Għalkemm m’hemmx miktub hekk, pero’ fil-vjaġġ xandar lil Kristu, u anke hawn Malta, kif inżommu fit-tradizzjoni tagħna. Meta farfar il-lifgħa fin-nar u ħasbuh xi alla, San Pawl approfitta ruħu minn dan l-inċident biex ixandar lil Kristu. Luqa ma jgħidx hekk, għax ir-rakkont tiegħu jsegwi l-proġett t’Alla kif fehmu hu. Fl-Atti tal-Appostli k1, v8: “Meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa u tkunu xhieda Tiegħu li xxandru l-Vanġelu Tiegħu f’Ġerusalemm, fil-Lhudija, fis-Samarija, u sat-truf tal-art”. San Luqa jsegwi din l-iskema – l-ewwel ix-xandir tal-Vanġelu f’Ġerusalemm, fil-Lhudija, fis-Samarija, u mbagħad ix-xandir tal-Vanġelu barra x-xtut tal-Palestina – Antijokja, l-Ażja Minuri, l-Greċja u l-Afrika.
San Pawl kien parti mit-twettiq ta’ dan il-proġett. Kellu jxandar il-Vanġelu sat-trufijiet tal-art. Luqa ma ppretendiex li l-Vanġelu jixxandar fid-dinja kollha, imma meta l-Vanġelu ġie mxandar Ruma – iċ-ċentru tal-Imperu Ruman li kien jirrappreżenta d-dinja ta’ dak iż-żmien – dik għalih kienet sat-trufijiet tal-art. Allura ppreżenta lil San Pawl bħala individwu totalment ikkonċentrat fuq din il-missjoni f’Ruma. Infatti injora għall-kollox kull xandir ieħor li San Pawl seta’ għamel tul dan il-vjaġġ. L-Atti tal-Appostli jagħlaq proprju bix-xandir tal-evanġelju f’Ruma – sat-trufijiet tal-art.
Meta wasal Ruma, San Pawl kien f’ħabs domiċiljarju – fid-dar – imma kellu liberta’ kbira, u anke għamel xi vjaġġ. Ħa l-martirju taħt Neruni, bejn wieħed u ieħor fis-sena 67 W.K. Indifen fejn ħa l-martirju, fejn illum hemm il-Basilika ta’ San Paolo Fuori Mura, li nbiet fis-seklu IV.
It-Tagħlim ta’ San Pawl
Il-ġrajja fit-triq ta’ Damasku kienet importanti għal San Pawl għaliex mhux biss intebaħ li l-Kristjaneżmu hu t-twettiq tal-wegħdiet li Alla kien għamel lill-antenati tiegħu fit-Testment il-Qadim, mhux biss intebaħ li kien imsejjaħ għall-apostolat, imma kellu intuizzjoni oħra dwar ir-rapport ta’ kull nisrani ma’ Kristu. Fl-esperjenza li kellu Ġesu’ qallu: “Jien Ġesu’ li inti qiegħed tippersegwitah”. San Pawl intebaħ bl-identita’ – l-għaqda – li hemm bejn kull nisrani u Kristu. Fl-ittri tiegħu jitkellem diversi drabi fuq din l-għaqda: “Batejna ma’ Kristu, issallabna ma’ Kristu, mitna ma’ Kristu, indfinna ma’ Kristu, qomna ma’ Kristu, konna gglorifikati ma’ Kristu, insaltnu ma’ Kristu”.
San Pawl jirrappreżenta din l-għaqda b’mod figurattiv – id-dielja li fiha ġew imlaqqmin friegħi ġodda. Il-kambjament li ġġib magħha din l-għaqda ma’ Kristu hu wieħed morali – mitna għad-dnub u qomna għall-grazzja. Din hi l-parteċipazzjoni tagħna fil-Misteru tal-Għid.
San Pawl iqabbel ir-rwol ta’ kull nisrani fil-komunita’ lokali ma’ diversi partijiet tal-ġisem tal-bniedem. Dan fih ħafna membri li kollha għandhom rwol partikolari. Allura anke l-insara fi ħdan il-komunita’ għandhom rwol partikolari. Pero’ hemm armonija bejniethom, u l-insara għandhom jiffunzjonaw bejniethom eżattament kif jiffunzjonaw id-diversi membri tal-ġisem tal-bniedem.
San Pawl jitkellem hekk għax ħabbat wiċċu ma’ problema kbira fil-komunita’ ta’ Korintu. Kien hemm firda fuq diversi livelli. Kien hemm grupp li kien tgħammed minn San Pietru, grupp li kien tgħammed minn San Pawl, ieħor minn Apollo. Kienu qed jikkunsidraw ruħhom bħala tlett gruppi differenti. Barra din il-firda, kien hemm oħra ta’ natura ekonomika. Dak iż-żmien, maċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija kien hemm ikla, tradizzjonalment tissejjaħ “Agape”. F’din l-ikla kien ikun hemm min ikollu biex jiffanga, u kien ikun hemm min jibqa’ bil-ġuħ, minħabba li kien hemm din id-diversita’ ekonomika bejn it-tlett gruppi li kienu fi ħdan il-komunita’ ta’ Korintu.
Fil-komunita’ ta’ Korintu kien hemm ukoll il-Kariżmatiċi. Kien hemm xi wħud li kellhom doni tal-Ispirtu s-Santu. B’xi mod dawn kienu qed iħarsu ‘l isfel lejn dawk li ma kellhom l-ebda don. San Pawl ma felaħx għal din is-sitwazzjoni. Kien għalhekk li tħaddet fuq il-fatt li fil-ġisem hemm ħafna membri li, għalkemm diversi, ilkoll jikkoperaw flimkien għall-ġid tal-ġisem. L-istess, id-diversita’ fil-komunita’ għandha sservi biex il-gruppi jgħinu lil xulxin għall-ġid tal-komunita’ kollha. San Pawl qallhom li għalkemm tgħammdu minn persuni differenti, il-magħmudija hi waħda. “Fl-Ewkaristija lkoll tieklu minn ħobża waħda u tingħaqdu ma’ Kristu. Min għandu d-don tal-Ispirtu s-Santu, hu dan l-istess Spirtu li qed jagħtihom, allura għandu jkun hemm din l-għaqda bejnietkom u ġġibu ruħkom eżatt bħal ma d-diversi membri tal-ġisem iġibu ruħhom għall-ġid tal-istess ġisem”.
Din l-ideja wasslet lil Pawlu għal ideja oħra – dik tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu. Jikkunsidra l-Knisja Universali bħala l-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, u lil Kristu bħala r-ras tal-Knisja. Jippreżentah hekk taħt żewġ aspetti. Fl-aspett semitiku, ir-ras, meta tintuża metaforikament fil-lingwi Semitiċi, tindika awtorita’. Hemm imbagħad l-aspett Grieg, li kienu jqisu r-ras bħala l-prinċipju vitali tal-bniedem – dak li jagħti l-ħajja. Meta San Pawl jippreżenta lil Kristu taħt dan l-aspett, qed juri li Kristu hu dak li minnu tieħu s-saħħa l-Knisja.
Il-Lhud li kienu kkonvertew għall-Kristjaneżmu kienu konvinti li kienu għadhom marbutin bl-obbligi tal-Liġi ta’ Mose’, u ppretendew li l-pagani li kkonvertew kellhom joqgħodu għal din il-Liġi. San Pawl ra d-diffikultajiet ta’ din l-ideja u skopra li kienet iktar faċli li tikkonverti lill-pagani milli lil-Lhud. Kellhom problema ta’ natura fiżika – li jmorru Ġerusalemm biex jagħtu qima lil Alla fil-festi tal-Lhud, joqgħodu għaċ-ċirkonċiżżjoni, etċ. San Pawl kien tal-ideja li fil-każ tal-pagani l-Liġi ta’ Mose’ ma torbotx. Il-Konċilju ta’ Ġerusalemm aċċetta din l-ideja.
Kien hemm ukoll raġuni teoloġika li San Pawl jittratta fl-Ittra lir-Rumani u fl-Ittra lill-Galatin – il-problema tal-ġustifikazzjoni – kif wieħed isalva. Il-Bibbja kollha tippreżenta lil Alla bħala Esseri Sovran li l-bniedem irid joqgħod għalih. Pero’, fit-tradizzjoni Lhudija, kemm tat-Testment il-Qadim, u anke l-Ġudajiżmu ta’ żmien San Pawl, kienu jenfasizzaw ħafna il-ħniena t’Alla. Kienu qed jippromwovu l-ideja li, jekk inti tagħmel ċerti affarijiet, tista’ b’xi mod tikkundizzjona lil Alla biex Hu jtik dak li għandek bżonn – is-salvazzjoni. Fit-Testment il-Qadim hemm test li jitkellem fuq l-elemożina’, l-offerta tas-sagrifiċċji. Imma l-Ġudajiżmu u xi Lhud li kienu kkonvertew waħħluha f’rashom li jekk wieħed joqgħod għal-liġi ta’ Mose’ b’xi mod jista’ jikkondizzjona lil Alla biex Hu jtih is-salvazzjoni. Jappellaw għall-ħniena t’Alla bl-osservanza tal-Liġi ta’ Mose’.
Din l-ideja lil San Pawl ma niżlitlux. Għalih Alla hu bħal fuħħari, li b’ċappa tafal jagħmel oġġett ta’ unur. Bl-ebda mod ma jista’ l-bniedem jikkundizzjona lil Alla. Fl-Ittri tiegħu lir-Rumani u lil Galatin jinsisti ħafna li s-salvazzjoni l-bniedem ma jiksibiex bl-osservanza tal-Liġi ta’ Mose’, imma bil-fidi fi Kristu. Alla diġa’ tana s-salvazzjoni permezz ta’ Kristu. Il-bniedem jaċċetta dan id-don jekk jibda jemmen fi Kristu.
Il-laqgħa għalqet bit-talba tal-Missierna.