Esperjenza Ġesù – Irtir Randan 2015
Ir-Randan hu żmien ta’ tiġdid għall-Knisja, għall-komunitajiet u għall-persuni individwali. Sa mill-bidu tiegħu l-Moviment Kerŷgma kien iżomm dan iż-żmien tar-Randan bħala żmien ta’ grazzja fejn wieħed jista’ jġedded il-konverżjoni personali u jikber aktar fil-fidi u fl-imħabba lejn Alla.
Din is-sena l-Moviment Kerŷgma ippropona din l-Esperjenza Ġesù bit-tema “Mgħallem Tajjeb X’Għandi Nagħmel Jien, Biex Nikseb il-Ħajja ta’ Dejjem?” fejn ta l-opportunità lil kulħadd: adulti, żgħażagħ, adolexxenti u tfal u familji sħaħ biex jiltaqgħu u jqattgħu tlett ijiem ġewwa s-Seminarju tal-Virtù bejn is-6 u 8 ta’ Marzu 2015.
Il-programm kien imżewwaq b’mumenti ta’ talb u quddies immexxija minn Fr Reno Muscat, Dumnikan, adorazzjoni Taizè, Via Crucis, filmat b’tema reliġjuża, eċċ. Din is-sena flok il-priedki tas-soltu minn saċerdot kien hemm innovazzjoni fejn saru tlett Forums li fihom ġie diskuss id-diskors tal-Papa Franġisku għar-Randan 2015. B’hekk il-protagonisti kienu l-parteċipanti nnifishom fejn xtarru dan id-diskors li kien ibbażat ħafna fuq l-indifferenza globalizzata li teżisti llum.
Dawn huma ftit mill-kummenti ta’ uħud li attendew:
……..”Attendejt dawn it-tlett ijiem biex ninqata’ mir-rutina ta’ kuljum u nirrifletti fuq il-kelma t’Alla f’ħajti. Il-Forums għoġbuni għax taw l-opportunità lil kulħadd jesprimi ruħu dwar il-messaġġ tal-Papa Franġisku.”
……..”Laqatni ħafna s-sens ta’ għaqda u s-sempliċità. Kollox kien organizzat tajjeb sa lanqas dettal. Il-leaders kienu ‘caring’ ħafna u b’hekk kullħadd ħassu milqugħ. Apparti mill-quddies, mumenti ta’ talb u Taizè, inħoss li Alla kellimni bl-esperjenza tan-nies li konna waqt il-Forums. Li tisma’ nies lajċi jitkellmu u jaqsmu magħna l-esperjenzi tagħhom għeni ħafna.”
……….”Hassejt li għandi nattendi għax almenu tlett ijiem fis-sena nagħtihom kompletament lil Ġesù. Laqatni ħafna l-passaġġ tal-Papa għax meta tixtarru fih ħafna x’titgħallem. L-programm kien kollu tajjeb.”
………..”Biex tkun esperjenza li qatt ma għamilt qabel u biex nesperjenza iżjed lil Ġesù. Li laqatni ħafna f’dan l-irtir huwa l-imħabba u l-għajnuna għal xulxin mill-membri tal-Kerŷgma.”
Youth Alive Foundation – rebbieħa tal-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2014
Il-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2014 organizzat mill-Moviment Kerŷgma din is-sena intrebaħ mill-Youth Alive Foundation minn Marsascala. Ir-rebbieħ tal-premju, li huwa sponsorjat minn APS Bank, ġie mħabbar mill-President tal-Moviment Kerŷgma, is-Sinjura Tania Borg.
Il-preżentazzjoni tat-trofew saret mis-Sur Edgar Preca, li kien qed jirrapreżenta lil President ta’ Malta, fi tmiem ta’ quddiesa li saret fil-Knisja ta’ San Duminku r-Rabat, il-Ġimgħa, 30 ta’ Jannar 2015. Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Prof. Emanuel P. Delia, Ċermen tal-APS Bank li sponsorjaw l-okkażżjoni u s-Sinjura Tania Borg, President tal-Moviment Kerŷgma, apparti mistednin oħra.
“Youth Alive Foundation hija organizzazzjoni ta’ voluntiera żgħażagħ li taf il-bidu tagħha bl-isem Youth Alive lura fl-1996 fi ħdan il-komunità parrokkjali ‘Madonna tas-Sacro Cuor’ f’Tas-Sliema. Il-ħidma ewlenija tagħha dejjem kienet il-formazzjoni taż-żgħażagħ permezz ta’ parteċipazzjoni attiva fil-komunità mibnija fuq sisien sodi ta’ katekeżi tal-Kelma t’Alla u l-ispiritwalità Franġiskana. F’Awwissu 2007, Youth Alive ġiet stabbilita bħala fondazzjoni, biċ-ċentru tagħha “Dar Frate Jacoba” ġewwa Wied il-Għajn, liema dar kienet ingħatatilhom b’donazzjoni minn żewġ nisa ta’ qalb kbira u ġeneruża. Din id-dar tikkonsisti f’razzett antik ta’ 200 sena u raba madwarha ta’ numru ta’ tmiem.
Dar Frate Jacoba tistrieħ fuq tliet pilastri: l-ispiritwalità, il-karità u l-ambjent. Ir-residenti jgħixu f’komunità miftuħa, bis-sistema tal-permakultura, li hija l-aħjar sistema li tħaddan fiha t-tliet pilastri. Din hija l-ewwel u attwalment l-unika komunità f’Malta li b’mod ħolistiku tgħix ir-realtajiet tal-ispiritwalità, il-karità u l-ambjent b’mod sostenibbli.
Din id-Dar tilqa’ fi ħdanha żgħażagħ għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli, li sikwit jirreferu għalihom bħala ‘każijiet soċjali’ u li jkunu bla dar. Dawn iż-żgħażagħ jgħixu flimkien mar-residenti bil-għan li jkunu parti mill-komunità. Hemm ukoll numru ta’ żgħażagħ oħra li jattendu għal numru ta’ siegħat jew ġranet biex jingħataw is-servizzi offruti. Is-sistema ta’ terapija li tintuża fid-Dar issir b’ħidma fuq l-ambjent li fih wieħed jgħix, aktar milli fuq l-individwu, biex ma ssirx vjolenza fuq il-karattru tiegħu. Dan l-ambjent huwa neċessarju għax il-karattru tal-individwu jkun jista’ joħroġ mingħajr inibizzjonijiet u b’hekk jaffronta l-biżgħat tiegħu. Meta s-sistema ta’ terapija li tintuża taħdem fuq l-ambjent li l-persuna tgħix fih, ma ssirx vjolenza fuq il-karattru tagħha. Għalhekk dawn iż-żgħażagħ jitgħallmu jgħinu lil xulxin u jikkollaboraw flimkien, jgħinu kemm fl-għelieqi kif ukoll fit-trobbiji tal-annimali, apparti li jagħmlu x-xogħol normali tagħhom barra mid-Dar jew jattendu l-iskola. Bħalissa Youth Alive Foundation qed tieħu ħsieb ħames żgħażagħ b’eta’ bejn 11 u 17-il sena. Peress li f’Malta għandna numru konsiderevoli ta’ dawn il-każijiet soċjali, Youth Alive Foundation iddeċidiet li testendi d-Dar biex tkun tista’ tilqa’ sa 16 minn dawn iż-żgħażagħ. Dan il-proġett jikkonsisti f’basement, semi-basement u sular ieħor bi ħdax-il kamra tas-sodda. Il-binja hija diġa lesta u issa ser jibdew ix-xogħol tal-finishing. Għalkemm ix-xogħolijiet kollha huma dipendenti fuq d-donazzjonijiet ġenerużi tan-nies, il-Fondazzjoni tagħmel numru ta’ attivitajiet ta’ fund-raising peress li l-ispiża għall-binja l-ġdida tammonta għal €200,000. Fost dawn insibu skemi ta’ pledges, open weekends fejn jinbiegħ xogħol artiġjanali kif ukoll prodotti tal-ikel maħdumin hemm stess matul is-sena mir-residenti, u attivitajiet soċjali bħal barbeques u ikliet. Il-voluntiera jingħataw korsijiet frequenti ta’ formazzjoni, irtiri, spiritwalita’, fost oħrajn.
L-istil ta’ ħajja fid-Dar jimplika proċess li jirrikjedi ħafna paċenzja. Hija mixja li taf il-punt tat-tluq tagħha iżda l-punt tal-wasla għadu mistur. It-tlajja’ u l-inżul, it-tumbati u l-iskossi ma jonqsux. Kull mument, sabiħ jew ikrah, huwa pass ieħor f’dan il-vjaġġ tal-Youth Alive Foundation.”
Iż-żgħażagħ nominati għal dan il-Premju kienu: Joseph Cauchi mill-Għarb, Għawdex, Franco Cefai miż-Żebbug, Għawdex, Andrea Grima minn Ħal Luqa, Edward Mifsud mill-Fgura u l- Youth Alive Foundation mill-Marsascala.
Dan it-trofew jingħata kull sena f’ġieħ il-mejjet Dr Rudolph Saliba li kien l-ewwel president tal-Moviment Kerŷgma. Is-Sur Preca feraħ lir-rebbieħ u lin-nominati l-oħrajn. Huwa stqarr li, li tkun nisrani llum huwa diffiċli ħafna kif jidher minn dak li għaddej f’pajjiżi oħra fejn insara qed jiġu mmassakrati kuljum. F’Malta wkoll li tkun nisrani ma għadiex moda. Madankollu dan mhux iżommhu milli juri t-twemmin tiegħu anki fil-postijiet pubbliċi. It-talb huwa importanti ħafna. Huwa qal li sfortunatament il-midja prattikament dejjem tagħti aktar importanza lin-negattiv taż-żgħażagħ, bħal meta huma jieħdu d-droga imma ma jagħmlux l-istess ħaġa biex jippromwovu żgħażagħ oħra, tant tajba, u l-ġid li qed jagħmlu fis-soċjetà. Il-ħames nominati huma eżempju eċċellenti ta’ dan.
Evangelion #45 [Diċembru 2014]
ĦAJTI HI AVVENT – Irtir Avvent 2014
Ġurnata flimkien ma’ Ġesu
Nhar il-Ħadd 30 ta’Novembru huwa l-EWWEL ĦADD TAL-AVVENT. Il-Moviment Kerŷgma qed joffri l-possibilità li nkomplu nikbru flimkien permezz ta’ ġurnata ta’ spiritwalità. L-attivitajiet matul il-ġurnata jinkludu mumenti ta’ talb, esperjenza, workshops, videos, kif ukoll Quddiesa. Se jkun hemm attivitajiet differenti għall-adulti, adolexxenti u tfal.
Dawk li se jattendu huma mitluba jimlew il-formola u jħalluha fis-segreterija tal-Moviment Kerŷgma. Il-prezz hu ta’ €10 għall-adulti u €5 għat-tfal bejn il-5 u s-16-il sena. Il-prezz jinkludi coffee break u one course meal, deżerta u tazza softdrink. Id-data tal-għeluq hi t-Tlieta 25 ta’ Novembru 2014.
Għal-aktar informazzjoni agħfas hawn!
Biex tniżżel il-formola agħfas hawn!
Il-Presepju fil-Kunvent – L-aħħar preparamenti!
L-aħħar preparamenti għall-wirja “Il-Presepju fil-Kunvent” għaddejin ġmielhom. “Il-Presepju fil-Kunvent” hija wirja ta’ presepji li ġew mibnija waqt il-korsijiet ta’ bini tal-presepji li ġew organizzati mill-Moviment Kerŷgma fix-xhur tas-sajf. Bħalissa qed issiru l-aħħar irtokki fuq dawn il-presepji (ara ir-ritratti hawn taħt) u dan ix-xogħol ser jilħaq il-qofol tiegħu waqt din il-wirja li ser issir bejn is-6 u l-14 ta’ Diċembru, fiċ-Ċentru Kulturali Kerŷgma. Waqt din il-wirja ser ikun hemm kafeterija fejn minbarra li jieħu kafe, wieħed jista jixtri u jduq ikel tradizzjonali tal-Milied. Barra min hekk ser wieħed ser ikun jista jixtri ponsjetti u kotba. Dan kollu żgur li se jgħin lill-dawk li jattendu biex iħossu l-ispirtu tal-Milied.
Il-Presepju fil-Kunvent
Mis-Sibt 6, sal-Ħadd 14 ta’ Diċembru
Fiċ-Ċentru Kulturali Kerŷgma, Kunvent San Duminku, ir-Rabat
6 – 8, 13 – 14 December: mit-08:00 sat- 20:00
9 -12 December: mid-09:00 sal-12:00, mill-17:00 sat-20:00
Premju Żagħżugħ tas-Sena 2014 – Nominazzjonijiet Miftuħa
Il-Moviment Kerŷgma, għal sena oħra, qed jorganizza l-“Premju Żagħżugħ tas-Sena” bil-għan li joħroġ fil-beraħ l-impenn taż-żgħażagħ b’mod nisrani fis-soċjetà Maltija.
Il-Premju hu miftuħ għal dawk iż-żgħażagħ kollha li juru sens kbir ta’ impenn fil-ħajja nisranija tagħhom ta’ kuljum.
Tistgħu tniżżlu kopja tar-Regolamenti u Formola tal-Applikazzjoni biex tkunu tistgħu tinnomminaw xi żagħżugħ jew żagħżugħa li taħsbu li jikkwalifikaw u jimmerithom ikunu nnominati għal dan il-premju prestiġjuż. Jekk tixtiequ tinnominaw aktar minn persuna waħda, tistgħu tagħmlu dan fuq kopja oħra tal-Formola tal-Applikazzjoni.
L-applikazzjonijiet u d-dokumenti relatati għall-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2014 għandhom jaslu fl-uffiċċju tal-Moviment Kerygma sa mhux aktar tard mil-Ġimgħa-28 ta’ Novembru 2014 fl-12.00pm.
Regolamenti u Formola tal-Applikazzjoni
Se jiġi organizzat Wine & Pizza Party, nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Lulju. Għal iktar informazzjoni għafas hawn!
Kors fil-Bini tal-Presepju!
Il-Grupp Kulturali Natività, fi ħdan il-Moviment Kerŷgma, għal sena oħra se jerġa jorganizza korsijiet fil-bini tal-presepju, fil-Kunvent tal-Patrijiet Dumnikani r-Rabat. Dawn il-korsijiet huma miftuħa kemm għal-Adulti, kif ukoll għat-tfal u se jibdew f’Ġunju u oħrajn f’Awwissu. Kull kors jieħu tmien lezzjonijiet. Il-prezz ta’ dan il-kors huwa ta’ €70 li jinkludi it-tagħlim kif ukoll l-materjal kollu. Ix-xogħol kollu jiġi esebit f’wirja li tittella’ f’Diċembru.
Għal aktar informazzjoni jew biex tirriserva post ċempel fuq 21453375 bejn id-09:00 u l-16:00 jew ibgħat email fuq info@kerygma.org.
Evangelion No. 38
AĦBARIJIET U AVVIŻI MILL-MOVIMENT KERŶGMA – April 2014
.
ITTRA TA’ RINGRAZZJAMENT
Qed nippubblikaw ittra ta’ ringrazzjament li l-Moviment Kerŷgma bagħat lil eks-President ta’ Malta, l-Eċċ. Tiegħu Dr. Ġorġ Abela.
7 ta’ April 2014
Għażiż Dr. Abela,
F’isem il-membri kollha tal-Moviment Kerŷgma, l-Eżekuttiv u jien personali nixtieq nirringrazzjak għas-sapport li dejjem tajt lil-Moviment Kerŷgma tul is-snin, speċjalment f’dawn l-aħħar ħames snin tal-presidenza tiegħek. Is-sapport li tajtna bil-preżenza tiegħek fil-Premju Żagħżugħ tas-Sena żgur li mhux ser jintesa’ minn ħadd minna.
Nixtiequ nifirħulek u nirringrazzjawk ukoll għax-xogħol tant siewi li int wettaqt għall-poplu kollu Malti u Għawdxi. Żgur li l-presidenza tiegħek ser tibqa’ imfakkra għat-tħabbrik bla waqfien tiegħek favur nies li qed ibatu u li huma fil-veru bżonn. L-imħabba u l-ħeġġa li int urejt biex tgħin lill-batut kif ukoll kif irnexxielek tgħaqqad il-poplu Malti u Għawdxi kollu warajk f’kull inizjattiva li ħadt, żgur li ser jibqgħu mnaqqxin fl-istorja ta’ pajjiżna.
Nawgurawlek u nibgħatulek l-isbaħ xewqat għall-fażi li jmiss fil-ħajja tiegħek. Insellu għalik u għall-familja tiegħek u nwegħdukom it-talb tagħna biex Alla jkompli jieqaf magħkom ilkoll.
Tiegħek fi Kristu,
Fr. Charles Fenech OP
.
KONFERENZA TAL-LAJĊI DUMNIKANI
Ser tiġi organizzata Konferenza tal-Lajċi Dumnikani fil-Kunvent San Duminku r-Rabat f’dawn il-ġranet/ħinijiet:
Il-Ġimgħa 9 ta’ Mejju fis-7.00 pm u Is-Sibt 10 ta’ Mejju fid-9.15 am.
L-ispeaker prinċipali ser tkun Dr. Donna Orsuto li tgħallem fl-Università f’Ruma. It-tema ser tkun “The Joy of Christian Living” u ser titkellem dwar l-irwol tal-lajċi fil-knisja – diskors li ser ikun mibni fuq l-eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku “Il-Ferħ tal-Vanġelu”.
Kulħadd huwa mistieden.
.
PELLEGRINAĠĠ
Il-Moviment ser jagħmel pellegrinaġġ għas-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima f’Gwardamangia nhar it-Tnejn 26 ta’ Mejju 2014 fis-6.30pm. Ser ikollna quddiesa li titqaddes minn Fr. Charles Fenech OP waqt li l-kant isir mill-Christour Children’s Choir tal-Moviment Kerŷgma. Ser ikollna kowċ li titlaq minn Pjazza San Duminku, Rabat fis-5.45pm. Dan għandu jkun pellegrinaġġ tal-Moviment kollu u għalhekk kulħadd huwa mħeġġeġ biex jattendi. II-prezz għat-trasport huwa ta’ €2 kull persuna. Bookings fis-Segreterija l-Ġimgħa filgħaxija jew permezz ta’ email fuq : movimentkerygma@gmail.com
.
PASTA NIGHT
Nhar is-Sibt 31 ta’ Mejju 2014 ser norganizzaw Pasta Night fiċ-Ċentru Moviment Kerŷgma fis-7.30pm. Ser ikun hemm 3 tipi ta’ pasta – Lasagne, Timpana u Penne Bolognese. Il-prezz huwa €12 għall-kbar u €5 għat-tfal bejn is-6 u 11-il sena. Tfal sa 5 snin ma jħallsux. Il-prezz jinkludi wkoll inbid jew soft drink u deżerta. Kulħadd huwa mistieden inklużi familji u ħbieb. Bookings mis-segreterija l-Ġimgħa filgħaxija wara l-laqgħat jew mil-leaders tagħkom. Tistgħu ċċemplu wkoll mit-Tlieta sal-Ġimgħa bejn 12.00 u s-2.30pm fuq 21459942. Postijiet huma limitati u għalhekk tħallux għall-aħħar. Id-data tal-għeluq hija l-Erbgħa 28 ta’ Mejju 2014. Ħlas bil-quddiem jekk jogħġobkom.
.
Assembleja Ġenerali
L-Assembleja Ġenerali tal-Moviment Kerŷgma ser issir fiċ-Ċentru Kulturali Kerŷgma nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Ġunju fis-6.30pm, b’din l-aġenda:
a. Talba tal-Moviment Kerŷgma;
b. Qari tal-minuti;
c. Rapport Amministrattiv:
i. Ħidmiet ta’ matul is-sena;
ii. Studju dwar l-evanġelizzazzjoni kontinwa tal-Moviment.
d. Rapport Finanzjarju;
e. Nomina ta’ Awdituri;
f. Mozzjonijiet/emendi għall-Istatut.
Membri mħallsa tal-Moviment jistgħu jressqu emendi għall-Istatut sa nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Mejju 2014 billi jibgħatuhom f’envelope magħluq lid-Direttur Ġenerali Moviment Kerŷgma, Ċentru Kulturali Kerŷgma, Kunvent Patrijiet Dumnikani, Rabat RBT 2521.
.