Joy Boys ir-rebbieħa tal-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2015
12 ta’ Frar 2016
Il-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2015 organizzat mill-Moviment Kerŷgma din is-sena intrebaħ mill-grupp Joy Boys mill-Għarb, Għawdex. Ir-rebbieħ tal-premju, li huwa sponsorjat minn APS Bank, ġie mħabbar mill-President tal-Moviment Kerŷgma, is-Sinjura Tania Borg.
Il-preżentazzjoni tat-trofew saret mill-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, fi tmiem ta’ quddiesa li saret fil-Knisja ta’ San Duminku r-Rabat, il-Ġimgħa, 12 ta’ Frar 2016. Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm ir-raġel tal-President is-Sur Edgar Preca, il-Prof. Emanuel P. Delia, Ċermen tal-APS Bank li sponsorjaw l-okkażżjoni u s-Sinjura Tania Borg, President tal-Moviment Kerŷgma, Dr George Hyzler Ċerman tal-Board tal-Għażla u mistednin oħra.
“ Joy Boys huwa grupp ta’ żgħażagħ, ta’ bejn is-sittax u t-tletin sena, mwielda l-Għarb. Żgħażagħ li bla dubju jmissu qalb kulħadd għal ħidma u l-impenn tagħhom fil-volontarjat b’mod speċjali r-residenti ta’ l-Għarb bil-modi ta’ impenji li juru lejn kulħadd.
Dan il-grupp ta’ żgħażagħ tista’ tgħid li jmiddu jdejhom għal kollox b’mod partikolari xogħol ta’ l-idejn. Fil-ħin liberu tagħhom jagħtu servizz fil-bżonnijiet fil-knisja, iċ-ċentru parrokkjali u xogħol fil-maħżen tal-armar tal-festa, iffukati fuq xogħol ta’ restawr fuq l-armar tal-festa tar-raħal. Dan jinkludi brix, żebgħa, manutenzjoni fuq l-armar kif ukoll jagħmlu ‘fiber glass’ li jieħu ħafna ħin ta’ xogħol ta’ paċenzja u dedikazzjoni iżda fuq kollox xogħol li jitlob attenzjoni minn l-att ta’ saħħa. Kull meta tkun se ssir xi attivita’ fir-raħal dawn ikunu minn ta’ l-ewwel li jagħtu daqqa t’id biex kollox jimxi ħarir. Ta’ sikwit jorganizzaw ikliet u attivitajiet għal fundraising biex imbagħad il-flus imorru f’ħafna manutenzjonijiet li jsiru fir-raħal b’mod partikolari għall-manutenzjoni taċ-ċentru parrokkjali. Dan iċ-ċentru huwa t-tieni dar għaż-żgħażagħ tal-lokalita’ fejn isirilhom laqgħat ta’ informazzjoni spiritwali, attivitajiet u ħafna aktar sabiex dawn iż-żgħażagħ jkollhom opportunitajiet li jiltaqgħu f’ambjent sabiħ u li jkollhom iċ-ċans li jitgħallmu aktar.
Kif tkun qed toqrob il-festa tar-raħal dawn iż-żgħażagħ jinsew kollox biex ikunu jistgħu jiffokaw fuq l-armar, manutezjoni u ħafna aktar li għandu x’jaqsam magħha. Dan jolqot armar fil-knisja ta’ ġewwa u ta’ barra, armar madwar ir-raħal, attivitajiet oħra u ħafna aktar. Ta’ min jgħid li dawn iż-żgħażagħ kollha għandhom l-impjieg tagħhom u għalhekk iqattgħu l-bqija tal-ħin tagħhom jaħdmu. Xi drabi jibqgħu jaħdmu matul il-lejl. Tista’ tgħid li kważi biddlu l-bozoz kollha għal dawk LED u saru wkoll fistuni ġodda. Ħafna drabi jagħmlu xogħol ta’ armar fejn bosta drabi ikunu fil-għoli u jkun ta’ periklu.
Fis-sajf li għadda, dan il-grupp għamel esperjenza missjunarja ġewwa l-Albanija, fil-parroċċa
ta’ Dun Manwel Cutajar jisimha Torovice. Hemmhekk iż-żgħażagħ tal-Għarb wettqu xogħol ta’ kostruzzjoni u manutenzjoni fi djar ta’ 3 familji fost l-ifqar tal-Albanija. Prinċipalment dan kien jinkludi kisi u żebgħa tal-ħitan tad-djar, installazzjoni tas-sistema tal-elettriku u f’każ minnhom kisi tal-art. L-ispejjeż għal din il-kostruzzjoni tħallsu mid-donazzjonijiet li ġabru mil-parruċċani tal-Għarb. Dawn iż-żgħażagħ ħadmu bla heda. Ta’ min isemmi li f’ġurnata minnhom dawn għaġnu b’idejhom 17-il xkora kisi u 5 xkejjer siment.
Huma ppreparaw ukoll u qassmu 150 hamper b’ikel bażiku għall-ifqar fost il-fqar tal-Albanija. Fost l-oħrajn dan kien jinkludi ross, għaġin, dqiq u żejt. Il-hampers tqassmu f’raħal mitluf ġol-muntanji magħruf bħala Malecaj-Kampi, post li fil-passat kien kamp ta’ konċentrament. Dawn il-hampers li ma jiswew xejn għalina huma kollox għalihom.
Huma rregalaw ukoll baqra lill-mara armla fqira ta’ 38 sena, mara li sofriet ħafna mir-raġel tagħha meta kien għadu ħaj. Din il-baqra li tiswa €700, ġiet iffinanzjata minn familja mill-Għarb Għawdex u ser tkun ta’ għajnuna kbira għall-għixien ta’ din il-mara miskina u l-erba ulied tagħha.
Iz-żgħażagħ irregalaw wkoll 8 nagħġiet li jiswew €500 biex koppja oħra jkollha biex tgħajjex lil 4 uliedha.
Huma żaru ukoll dar li tospita persuni b’diżabilità severa mmexxija mis-Sorijiet ta’ Madre Tereża, fir-raħal ta’ Shkoder.
Dan il-grupp ta’ żgħażagħ bla dubju ma jieqaf qatt. Il-kalendarju ta’ attivitajiet għas-sena 2016 jinsab preparat u mimli daqs bajda. Uħud mill-attivitajiet ikunu fundraising u oħrajn attivitajiet filantropiċi kemm fil-komunita’ parrokkjali u anke oħrajn f’istituti barra l-lokalita’. Wara l-esperjenza fil-missjoni fl-Albanija dan il-grupp ta’ żgħażagħ iħares ‘il quddiem għall-esperjenza oħra, fejn il-grupp jinsab ċert li oħrajn ser jakkumpanjawhom. L-esperjenza fl-Albanija ħalliet impatt pożittiv fuqhom spiritwalment u soċjalment u b’mod speċjali fuq il-popolazzjoni fqira ta’ l-Albanija. Iż-żgħażagħ fi ħdan dan l-grupp issibhom dejjem lesti għal kull eventwalita’ sabiex iwettqu kull xorta ta’ xogħol fil-volontarjat u jwettqugħ b’dedikazzjoni u impenn kbir.”
Iż-żgħażagħ nominati għal dan il-Premju kienu: Gabriel Cassar minn Kirkop, Nicholas Cassar miż-Żebbuġ Għawdex, Joy Boys mill-Għarb Għawdex, Nikita Mizzi mill-Birgu u l-Oratorju Salesjan Sliema.
Dan it-trofew jingħata kull sena f’ġieħ il-mejjet Dr Rudolph Saliba li kien l-ewwel president tal-Moviment Kerŷgma. Is-Sinjura Marie-Louise Coleiro Preca ferħet lill-rebbieħa, l-finalisti l-oħra u l-Moviment Kerygma għall-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment annwali fejn jesponu il-ħidma volontarja ta’ tant żgħażagħ. Qalet li l-iktar ħaġa importanti mhux li tagħti l-flus iżda li tagħti mill-ħin tiegħek biex tgħin lill-oħrajn, ħin li qatt ma jistax jiġi rkuprat. Hija qalet li x-xogħol volontarju jittrasforma l-persuna li tagħmlu imma speċjalment is-soċjetà nnifisha f’pajjiż li għandu bżonn kbir tal-valur tal-imħabba. Għalkemm għal grazzja ta’ Alla aħna m’għandniex gwerer, ġirien qrib tagħna huma għaddejjin minn ħafna konflitti u żminijiet diffiċli ħafna b’familji sħaħ għaddejjin minn tant tbatija u telf, bażikament minħabba l-riżultat ta’ l-egoiżmu. Għalhekk huwa importanti ħafna li aħna nkomplu nsaħħu l-valur tal-imħabba għall-oħrajn anke fis-soċjetà tagħna li qed tiffaċċja sfidi kbar. Hemm il-possibbiltà li jiġri lilna wkoll li l-egoiżmu jikber u ninsew it-tbatija ta’ ħaddieħor. Għalhekk huwa importanti li dawn iż-żgħażagħ ikomplu jgħinu lill-oħrajn u b’hekk jibdlu s-soċjetà tagħna. Dan il-valur tal-imħabba għall-oħrajn kien mgħoddi lilna minn missirijietna u huwa importanti li jkompli jikber u jissaħħaħ u li aħna ngħaddu dawn il-valuri lill ġenerazzjonijiet futuri. Hija temmen li hemm ħafna li qed jgħinu f’dan ir-rigward u għalhekk hi awgurat lil finalisti li qatt ma jieqfu jagħtu daqqa t’id-oħrajn fil-bżonn.