“Jeħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira.” – Prayer Cafè – 29 ta’ Jannar 2016
F’ Prayer Café nhar id-29 ta’ Jannar tkellimna dwar il-Qari tal-Ħadd 31 ta’ Jannar, f’Malta biss se jitratta fuq dwar in-Nawfraġju ta’ San Pawl. Ġurnata għażiża għalina l-Maltin b’mod speċjali għax kienet il-bidu tal-fidwa tagħna lejn il-fidi nisranija. Huwa privileġġ li isem taċ-ċkejken pajjiżna jissemma fi ktieb daqshekk Kbir! Ma nafx intom imma jien jaqbadni xewk xewk nisma lil isem pajjizi jissemma f’dan il-pasaġġ. L-aktar tkun f’xi pajjiż barrani jkollok aptit tqum tgħajjat ‘ Oi jien Malti! ’
Wara li lkoll ħadna kikkra kafe, nġbarna billi għidna t-Talba tal-Moviment u nqara l–pasaġġ tat-tieni qari mehud mill-Atti 27:16-28,6 passaġġ pjutost twil li juri kif il-poplu Malti qaleb għar-reliġjon Nisranija.
Dawn li ġejjin huma xi punti li ssemmew dwar x’laqatna f’dan il-passaġġ. Ssemma li kif meta l-lifgħa gidmet id Pawlu u dan ma ġralu xejn naraw li l-Maltin ndunaw li kien hemm xi ħaġa sopranaturali f’Pawlu.
Fuq il-ġifen Pawlu ma kienx imdawwar b’insara, anzi b’suldati Rumani u priġunieri oħra. Imma hu bla ebda biża’ xorta qasam it-twemmin tiegħu magħhom: “..dal-lejl deherli Anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli, ‘Tibżax, Pawlu…..Alla tak il-ħajja ta’ dawk kollha li qegħdin jivjaġġaw miegħek. ..” U huma f’sitwazzjoni ta’ baħar u mewt semgħuh, emmnuh. Setgħu qabduh u tefgħuh il-baħar dak il-ħin imma emmnuh. Mhux hekk biss imma hu “qabad il-ħobż, radd il-ħajr ‘l Alla quddiem kulħadd qasam u beda jiekol.” F’dak l-abissi li kienu fih San Pawl jaddi l-messaġġ tiegħu u jikkonforthom bih! Tant emmnuh li meta nduna li xi baħrin kienu qed jipprovaw jaħarbu mill-ġifen qatgħu l-ktajjen u ħallew d-dgħajsa titlaq għal riħa. Pawlu li hu marbut mar-rieda t’Alla – jorbot it-tama t’Alla fih u jaddiha lil oħrajn.
Niesu stess li kienu jafu min hu Alla ma emmnuhx lil Pawlu u kemm il-darba riedu jaħtfuh …imma f’dan il-passaġġ naraw kif kemm il-ġentili ta’ fuq il-ġifen u l-barbari li laqgħuh fuq l-art emmnuh.
U llum qegħdin naċċettawh l-messaġġ ta’ Ġesu? Bil-paroli u r-reliġjożita ngħidu iva kieku – mmorru l-quddies , quddiesa nhar ta’ Ħadd ma nitilfuhiex, nqerru, nitqarbnu, imma x’ħin niġu biex niddiskutu l-emigranti llegali? X’TAĦSBU? Nibdew nqasqsu hemm? Kieku ġie San Pawl llum – konna nilqgħuh jew nerġgħu nibgħatuh lura minn fejn ġie! Il-Maltin ta’ dak iż-żmien mhux li ma aċċetawhomx imma nsibu “Laqgħuna tajjeb…qabdulna ħuġġieġa…”. Sa ftit żmien ilu konna niftaħru bihom dawn il-frazijiet. Imma llum għadna poplu ospitabli? Jew ospitabli għal ġinġlin biss jew għal dawk li jġibulna l-flus f’pajjiżna? L-oħrajn le, le għax huma ta’ piż fuqna u saħansitra ssib lil min juża r-reliġjon bi skuza biex nibgħatuhom lura għax inkella dawn se jkaxkruna!! U l-Papa Franġisku jipriedka l-ħniena mal-foqra!!
Lura għal passaġġ. Nsibu l-frazi “.kien ilhom erbatax-il ġurnata sajmien … tlifna kull tama li nsalvaw…” min jaf f’liema stat fiżiku kienu! Pero nsibu li San Pawl qalilhom “lanqas xagħara waħda mhi se tintilef.” X’konvinzjoni ! Xi twemmin dak! L-erbatax-il ġurnata tfakkarna fl-erbatax- il jum li l-poplu Lhudi għamel qabel l-mogħdija tal-Anġlu. U dawn l-erbatax-il ġurnata mhumiex il-mogħdija ta’ Malta? F’San Luqa 12:7 nsibu “ U intom, sa x-xagħar ta’ raskom, kollu magħdud..” Xi sbuħija din il-Kelma t’Alla! Kif jagħqad kollox flimkien.
Problema li jista’ jkollna f’dan it-test hu li nintilfu fir-romantiċiżmu tiegħu… Ara Malta!
Il-baħar fil-kuntest bibliku ħafna drabi għandu kuntest negattiv jew denomiku. Din it-tempesta u dan il-ġifen għaddej minn fuq it-tempesta nistgħu nqabbluh mal-ħażen li jrid jibla’ kollox . Mat-taqbid li niltaqgħu miegħu fil-ħajja ta’ kuljum. “Wara li xebgħu ,bdew iħeffu l-ġifen u jwaddbu l-qamħ il-baħar.” Bl-iskop biex isalvaw l-ġifen. (Ma kienx xi ġifen ckejken, kellu “mitejn u sitta u sebgħin” persuna fuqu.) Kultant aħna wkoll jkollna narmu din it-tagħbija tagħna biex insalvaw. Tkun iebsa..deċizzjoni iebsa, biex tarmija imma neċesarja jekk trid isalva. Nogħqodu attenti ma nintrabtux mal-valur materjali u ngħerqu bih b’kollox.Għax imbagħad jintilef dak li għereq u aħna miegħu.
San Pawl ħeles mill-għarqa … l-missjoni tiegħu kienet għadha ma spiċċatx. Il-konverzjoni tagħna waħda minnhom. Il-kapaċita t’Alla li joħloq il-grazzja mid-disgrazzja. Kemm hi kbira l-providenza t’Alla. Fl-ewwel qari mill-ktieb tal-Għerf 14:3 nsibu “ O Missier, bil-provvidenza tiegħek inti tmexxih(il-bniedem). ” Provvidenza divina fil-kuntest bibliku ħafna drabi meqjusa bħala l-ħaġa li fuq kollox hemm Alla u jekk Alla jrid jagħmel l-ġid b’xi ħaġa lanqas erbatax-il ġurnata ta’ baħar jibla’ l-art mhu se jwaqqfu.
Ir-Rebħa ta’ Kristu fuq id-dnub u fuq il-mewt u fuq ix-xitan ma jista’ jwaqqafha xejn. Għamilt x’għamilt il-ħniena t’Alla li qed niċċelbraw din is-sena hija kbira ħafna. Alla ma jgħejja qatt iħenn. Aħna ngħejjew nitolbu dik il-ħniena, jew ix-xitan jaqtalna qalbna. Imma l-provvidenza t’Alla hija kbira – dak li għalina ma jagħmilx sens – dak li narawh jikrolla quddiem għajnejna li jkollna nduru fuq il-Mulej u nistaqsu; ‘ Imma għaliex Mulej? Għaliex it-tajjeb ibgħati u l-ħażin jirnexxi? U hija iebsa meta tara lil xi ħadd jiġi minnek f’qiegħ ta’ sodda magħkus b’xi marda. Irridu nintelqu f’idejn il-Mulej għax jekk hemm xi ħadd li vera jħobbna huwa Hu. Forsi l-ġenituri tagħna imma anke dik qed tirrokka llum! L-imħabba tiegħu immensa.
Dak li rebaħ Ġesu għalina jiżboq kull forza tal-ħażen. Ġesu li ma kien jonqsu xejn kif kien jgħid San Pawl lil Filippini, Hu ftaqar kompletament għalina biex isalvana, ġie fostna u mill-bidu sal-mewt ħlief kuntrarju ma rax. Imbagħad aħna nippretendu li kollox għandu jiġina sew? Li taċċetta r-rieda t’Alla mhux dejjem hija faċli.
Il-qofol ta’ dan il-passaġġ hu “Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara Alla tak il-ħajja ta’ dawk kollha li qegħdin jivjaġġaw miegħek. Mela qawwu qalbkom, ġbieb. Jien nemmen f’Alla li hekk isir, sewwa sew kif tħabbar lili. Jeħtieġ iżda li naħbtu ma gżira.” “Jien nemmen f’Alla li hekk isir” – il-fidi ta’ San Pawl kienet kbira. L-istess San Pawl li 15/20 sena qabel kien jgħix skond il-preċetti tal-liġi tal-Lhud u kien jaħseb li permezz bihom hu se jiġi meħlus..iżda issa narawh jara s-salvazzjoni tiegħu permezz tal-fidi bħal ma jgħid il-Galatin.
“Jeħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira.” Ma qalx se naħbtu ma gżira jew se ninkaljaw ma gżira qal JEĦTIEĠ. Għaliex jeħtieġ ? Xi trid minna Mulej? Imma żgur li meta xi ħadd jgħid jeħtieġ hu sinjal li għandu xi ħaġa f’moħħu.
Bħal meta fil-passaġġ li smajna l-ġimgħa l-oħra Ananija ddubita meta l-Mulej qallu jieħu ħsieb lil San Pawl wara li waqa’ fit-triq ta’ Damasku; qallu ‘Mulej dan ġie hawn biex iħarbatna’ U l-Mulej qallu ‘Mur Ananija għax minn dan se nagħmel għodda prezzjuża għalija u jeħtieġ li jbati għalija. Kellu pjan Alla.
Għaliex JEĦTIEĠ? Nitolbu fuqha l-aħwa għax tinkludi lilna lkoll li nissejħu Maltin. Il-kburija li semmejna fil-bidu għax hemm isem pajjizna fi ktieb daqshekk importanti l-BIBBJA, ġġib magħha responsabilta. Jekk San Pawl ġieu ħallielna teżor sabiħ jeħtieġ nipproteġuh u nwassluh.
Hawn inqara l-vanġelu tal-Ħadd mehud minn Mk 16:15-20 fejn insibu l-Mulej jibgħat lill-appostli tiegħu jxandru l-Bxara t-Tajba lill-bnedmin kollha. Dan hu li Ġesu jrid minna “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu.” Dan ma jfissirx li rridu nsiefru iżda jfisser li rridu nagħtu xhieda tal-fidi tagħna ma dawk li niltaqgħu magħhom f’ħajjitna –jalla l ezempju tagħna jkun xhieda ta’ dik il-ħtieġa li l-Mulej ra fin-Nawfraġju ta’ San Pawl. Mela nitolbu biex kull wieħed minna jinduna x’jeħtieġ il-Mulej minnu.
Quote: Min jagħmel it-tajjeb mhux dejjem apprezat.
(Ma għandniex naħsbuha darbtejn meta hemm bżonn ta’ kelma jew azzjoni tajba għandna nagħmluha għax dan hu mod ieħor kif aħna nxandru l-bxara tal-vanġelu. )
Il-laqgħa ntemmet bit-talba tal-Missierna.