Prayer is all-powerful. Let us use it to bring peace to the Middle East and peace to the world. #weprayforpeace
— Pope Francis (@Pontifex) June 7, 2014
We remember the Philippines, Vietnam and the entire region hit by Typhoon Haiyan. Please be generous with prayers and concrete help.
— Pope Francis (@Pontifex) November 11, 2013
“Niftakru fil-Filippini, il-Vietnam u r-reġjuni milquta mit-typhoon Haiyan. Kunu ġenerużi fit-talb u għajnuna materjali.”
Silta mill-mission statement tal-Moviment Kerŷgma tgħid li aħna l-membri għandna ngħixu b’impenn fit-tixrid ta’ l-Aħbar it-Tajba, li trid tkun ċentrata fuq Ġesù Kristu. Fit-talba tal-moviment ukoll nghidu “sabiex b’għemilna u ħidmietna inwasslu l bxara t-tajba fl-ambjent ta’ madwarna”
Għalhekk d-diskors li għamel il- Papa Franġisku lill-katekisti fis-27 ta’ Settembru 2013 huwa ispirazzjoni għalina bħala moviment. Dawn huma xi siltiet tad-diskors li wieħed tajjeb li jirrifletti fuqhom.
“Il-katekeżi hi pilastru għall-edukazzjoni fil-fidi. Anki jekk xi drabi jista’ jkun diffiċli, għax taħdmu ħafna, tħabirku tant u ma jidhrux ir-riżultati mixtieqa, hi ħaġa sabiħa nedukaw fil-fidi! Forsi hu l-aqwa wirt li nistgħu ngħaddu: il-fidi! Nedukaw fil-fidi, biex din tikber. Li ngħinu lit-tfal, lill-adolexxenti, liż-żgħażagħ, lill-adulti biex isiru jafu u jħobbu dejjem iżjed lill-Mulej hi waħda mill-isbaħ avventuri edukattivi, għax inkunu qed nibnu l-Knisja!
“Inkunu” katekisti! Mhux nagħmluha ta’ katekisti: dan ma jiswiex! Jien nagħmilha ta’ katekista għax nieħu gost ngħallem… Imma jekk int m’intix katekista, ma jiswa xejn! M’intix sa tagħti frott! Li tkun katekista hi vokazzjoni: “tkun katekista”, din hi l-vokazzjoni, u mhux tagħmilha ta’ katekista. Attenti, m’għidtx “tagħmluha ta’” katekisti, imma “tkunu” katekisti, għax dan jinvolvi l-ħajja kollha kemm hi. Inwasslu lill-oħrajn biex jiltaqgħu ma’ Ġesù permezz tal-kliem u permezz ta’ ħajjitna, bix-xhieda li nagħtu.
Li tkun katekista jfisser tagħti xhieda tal-fidi; tkun koerenti fil-ħajja tiegħek. U din m’hix ħaġa ħafifa. Aħna ngħinu, aħna niggwidaw lill-oħrajn lejn laqgħa ma’ Ġesù permezz ta’ kliemna u ta’ ħajjitna, bix-xhieda li nagħtu.”
Imbaghad il-Papa kellimhom fuq tlett punti u fil-qasir qalilhom hekk:
1. L-ewwel ħaġa, għal dixxiplu, hi li jibqa’ ma’ l-Imgħallem, jisimgħu, jitgħallem minnU. U dan jgħodd dejjem, din hi mixja li tibqa’ għaddejja tul ħajjitna kollha. Niftakar kemm drabi fid-djoċesi, fid-djoċesi l-oħra li kelli qabel, kont nara l-katekisti, fi tmiem il-kors fis-seminarju katekistiku, ħerġin jgħidu: “Issa nista’ nissejjaħ katekista!”. Dak ma jiswa xejn, m’għandek xejn, għadek għamilt biss triq żgħira! Dan li jgħodd għal dejjem! M’hux titlu, imma atteġġjament: li tkun miegħU; u jibqa’ jgħodd tul ħajtek kollha! Meta tmur għand il-Mulej, tħares lejn it-Tabernaklu u x’tagħmlu? . Jien ngħid, naħseb, nimmedita u nisma’. Imma int lill-Mulej tħallih iħares lejk? Inħallu lill-Mulej iħares lejna. Hu jħares lejna u dan hu mod kif nitolbu. F’waħda mill-ħarġiet tiegħi, hawn f’Ruma, waqt Quddiesa, resaq lejja sinjur, għadu pjuttost żgħir, u qalli: “Dun, għandi pjaċir li sirt nafek, imma jien ma nemmen f’xejn! M’għandix id-don tal-fidi!”. Fehem li hu don. “M’għandix id-don tal-fidi! X’tgħidli?”. “Taqtax qalbek. Hu jħobbok. ĦalliH iħares lejk! Xejn iżjed”. U dan ngħidu wkoll lilkom: ħalluh lill-Mulej iħares lejkom! Inħallih iħeġġiġli qalbi bin-nar tiegħu? Jekk fil-qalb tagħna m’hemmx is-sħana ta’ Alla, ta’ mħabbtu, tal-ħlewwa tiegħu, kif nistgħu aħna, imsejkna midinba, inħeġġu l-qlub ta’ l-oħrajn?
2. It-tieni ħaġa hi din. Nitilqu mill-ġdid minn Kristu jfisser nimitawh f’li noħorġu minna nfusna u mmorru niltaqgħu mal-persuna l-oħra. Din hi esperjenza sabiħa, hi xi ftit paradossali. Għaliex? Għaliex fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna nqiegħdu lil Kristu, u aħna nwarrbu miċ-ċentru! Iktar ma tingħaqad ma’ Ġesù u Hu jsir iċ-ċentru ta’ ħajtek, Hu iktar joħorġok minnek innifsek, ‘jiddeċentrak’ u jiftħek għall-oħrajn. Dan hu d-dinamiżmu veru ta’ l-imħabba, dan hu l-moviment ta’ Alla nnifsu! Alla hu ċ-ċentru, imma hu dejjem don li jingħata, relazzjoni, ħajja li tikkomunika lilha nfisha… Hekk ukoll insiru aħna jekk nibqgħu magħquda ma’ Kristu, Hu jdaħħalna f’dan id-dinamiżmu ta’ l-imħabba.
Il-qalb tal-katekista tgħix dejjem dan il-moviment tal-qalb li tħabbat ’il ġewwa u ’l barra: għaqda ma’ Ġesù u laqgħa mal-persuna l-oħra. Huma t-tnejn flimkien: jien ningħaqad ma’ Ġesù u noħroġ biex niltaqa’ ma’ l-oħrajn. Jekk jonqos wieħed minn dawn iż-żewġ movimenti l-qalb ma tibqax tħabbat, ma tistax tgħix. Hi tirċievi bħala don il-kerygma, u mbagħad min-naħa tagħha toffriha bħala don. Din il-kelma ċkejkna: don. Il-katekista jaf li rċieva don, id-don tal-fidi, u jagħtih b’don lill-oħrajn. U dan hu sabiħ. U ma jżommx għalih xi persentaġġ! Kull ma jirċievi, jagħtih! Din m’hix xi biċċa negozju! Dan hu kollu kemm hu don: don milqugħ u don mogħti. U l-katekista qiegħed hemm, f’nofs it-triq ta’ dan id-don. Dan hu hekk mill-istess natura tal-kerygma: hi don li joħloq missjoni, li dejjem jimbuttana ’l barra minna nfusna.
3. It tielet ħaġa hi dejjem f’din il-linja: nitilqu mill-ġdid minn Kristu jfisser ma nibżgħux immorru flimkien miegħU fil-periferiji. Hawn tiġini f’moħħi l-istorja ta’ Ġona, figura tassew interessanti, speċjalment fiż-żminijiet tagħna ta’ bidliet u ta’ inċertezza. Ġona hu bniedem twajjeb, b’ħajja trankwilla u ordnata; dan iwasslu biex f’moħħu jibni skemi ċari ħafna u biex jiġġudika kollox u lil kulħadd skond dawn l-iskemi, b’mod riġidu. Kollox għandu ċar, din hi l-verità. Hu riġidu! Għalhekk meta l-Mulej isejjaħlu u jordnalu jmur jippriedka f’Ninwé, il-belt kbira pagana, Ġona ma jħossx li għandu jagħmel dan. Imur hemm! Ninwé qiegħda ’l barra mill-iskemi tiegħu, qiegħda fil-periferija tad-dinja tiegħu. U allura jaħrab, imur Spanja, jaħrab ’il bogħod. Il-Ktieb ta’ Ġona! Huwa qasir, imma hi parabbola li tgħallimna ħafna, speċjalment lilna li qegħdin fil-Knisja.
X’jgħallimna? Jgħallimna ma nibżgħux noħorġu mill-iskemi mentali tagħna biex nimxu wara Alla, għax Alla dejjem imur xi mkien ieħor. Imma tridu tafu ħaġa? Alla ma jibżax! Hu dejjem imur lil hemm mill-iskemi tagħna! Alla ma jibżax mill-periferiji. Imma jekk intom tmorru fil-periferiji, hemm issibuh. Alla jibqa’ dejjem fidil, hu kreattiv Biex nibqgħu ma’ Alla jeħtieġ inkunu nafu noħorġu, ma nibżgħux noħorġu. Jekk katekista jħalli l-biża’ jirbħu, hu beżżiegħ; jekk katekista joqgħod trankwill, jispiċċa qisu statwa f’mużew: u minn dawn għandna ħafna! Għandna biżżejjed! Jekk jogħġobkom, ma rridux statwi ta’ mużew! Jekk katekista hu riġidu, jitqadded u jsir sterili.
Meta aħna l-Insara nibqgħu magħluqa fil-grupp tagħna, fil-moviment tagħna, fil-parroċċa tagħna, fl-ambjent tagħna, nibqgħu magħluqa u jiġrilna dak kollu li jiġrilu kull ma jibqa’ magħluq; meta kamra tkun magħluqa tibda tinxtamm ir-riħa ta’ l-umdità. U jekk persuna tkun magħluqa f’dik il-kamra, timrad! Meta Nisrani jingħalaq fil-grupp tiegħu, fil-parroċċa tiegħu, fil-moviment tiegħu, hu magħluq, jimrad.
Ġesù m’hux jgħidilna: Morru, irranġaw intom. Le, ma jgħidx hekk! Ġesù jgħid: Morru, jiena magħkom! Dan hu s-sabiħ li għandna u li jimliena bil-qawwa: jekk aħna mmorru, jekk noħorġu biex bl-imħabba nwasslu l-Vanġelu tiegħu, bi spirtu Appostoliku veru. Ġesù jistenniena fil-qalb ta’ dak ħuna, fil-ġisem miġruħ tiegħu, fil-ħajja mkasbra tiegħu, fir-ruħ tiegħu bla fidi.
Nibqgħu ma’ Kristu – nibqgħu fi Kristu – infittxu li nkunu dejjem iżjed ħaġa waħda miegħU; nimxu warajh, nixbhuh fil-moviment tiegħu ta’ mħabba, meta jmur jiltaqa’ mal-bniedem; u noħorġu, niftħu l-bibien, insibu l-kuraġġ li nfittxu toroq ġodda għat-tħabbir tal-Vanġelu.
Papa Franġisku – Diskors lill-katekisti (27 ta’ Settembru 2013)