IL-WIRT TAL-QADDISIN – Ktieb ġdid mill-Moviment Kerŷgma
Il-Moviment Kerŷgma għadu kemm ippubblika l-ktieb IL-WIRT TAL-QADDISIN. Meta tieħu dan il-ktieb f’idejk issib gawhar li jimlewk bil-ferħ iżda wkoll tagħraf il-bniedem magħqud ma’ Alla sa fejn jasal. Aħna nistqarru fil-Kredu: ix-xirka tal-qaddisin. Xi tfisser din ix-xirka tal-qaddisin? Hija l-komunjoni li tinbet mill-fidi u tgħaqqad bejniethom lil dawk kollha li huma ta’ Kristu bis-saħħa tal-Magħmudija. Hija għaqda spiritwali – ilkoll aħna magħqudin! – li ma tinkisirx bil-mewt, imma tibqa’ għaddejja fil-ħajja l-oħra. Fil-fatt dejjem jibqa’ rabta li ma tinkiser b’xejn bejnna, li aħna ħajjin f’din id-dinja, ma’ dawk li għaddew mill-għatba tal-mewt. Aħna, hawn isfel fl-art, flimkien ma’ dawk li għaddew għall-eternità, niffurmaw familja waħda kbira. Dan huwa l-iskop tal-Wirt tal-Qaddisin. Mgħandux biss valur ta’ storja u narrazzjoni iżda wkoll li jibni pont kuljum mall-Mulej fuq mudelli ta’ ħajjiet li għexu din il-ħajja biex jimxu wara Ġesù.
Il-Papa Franġisku fl-1 ta’ Novembru 2014 tenna li: “Din il-komunjoni meraviljuża, din l-għaqda meraviljuża bejn l-art u s-sema, titwettaq b’mod mill-aktar għoli u intens fil-Liturġija, u fuq kollox, fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija li tesprimi u ġġib fis-seħħ għaqda mill-aktar profonda bejn il-membri tal-Knisja. Fl-Ewkaristija, infatti, aħna niltaqgħu ma’ Ġesù ħaj u mal-qawwa tiegħu, u bis-saħħa tiegħu nidħlu f’komunjoni ma’ ħutna fil-fidi: ma’ dawk li jgħixu magħna fid-dinja u ma’ dawk li qabilna waslu fil-ħajja l-oħra, il-ħajja li ma tintemmx. Din ir-realtà timlina bil-ferħ: kemm hu sabiħ li jkollna tant ħutna fil-fidi li jimxu ma’ ġenbna, isostnuna bl-għajnuna tagħhom u flimkien magħna jimxu l-istess triq lejn is-sema. U hu ta’ konsolazzjoni li nafu li hemm ħutna oħra li diġà waslu s-sema, qed jistennewna u jitolbu għalina biex aħna nkunu nistgħu nikkontemplaw għall-eternità l-wiċċ glorjuż u mimli ħniena tal-Missier.
Fix-xirka l-kbira tal-qaddisin, Alla ried jirriżerva l-ewwel post għal Omm Ġesù. Marija hija ċ-ċentru tax-xirka tal-qaddisin bħala ħarriesa waħdanija tar-rabta tal-Knisja universali ma’ Kristu, tar-rabta tal-familja. Hi l-Omm, Hi Ommna, Ommna. Għal min irid jimxi wara Ġesù fit-triq tal-Vanġelu, Hi l-gwida żgura għax hija l-ewwel dixxiplu. Hi l-Omm attenta li tieħu ħsiebna li lilHa għandna nisqtarru kull xewqa u diffikultà li jkollna.”
Il-Wirt tal-Qaddisin huwa ktieb ta’ 524 paġna, hardbound b’marker li tista timmarka fejn tkun wasalt. Ktieb li jirrakkonta fid-dettal il-ħajja tal-qaddisin ta’ kull ġurnata bi kwotazzjoni mill-istess qaddisin. Il-ktieb jinbiegħ bil-prezz ta’ €20 mill-Libreriji ewlenin. Il-Ktieb huwa produzzjoni tal-Moviment Kerŷgma.