Il-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2013 organizzat mill-Moviment Kerŷgma din is-sena intrebaħ miż-żagħżugħ Bernard Borg. Ir-rebbieħ tal-premju, li huwa sponsorjat minn APS Bank, ġie mħabbar mid-Direttur Ġenerali tal-Moviment Kerŷgma, Fr. Charles Fenech OP. Rikonoxximent Speċjali ngħata wkoll lil Christopher Barbara minn Santa Lucija għax xogħol volontarju li jagħmel biex itejjeb il-ħajja tan-nies bid-dijabete.
Il-preżentazzjoni tat-trofew saret mill-Eċċellenża Tiegħu Dr George Abela, President ta’ Malta fi tmien ta’ quddiesa li saret fil-Knisja ta’ San Duminku r-Rabat il-Ġimgħa, 31 ta’ Jannar 2014. Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm in-Nutar Joseph Abela, Ċermen tal-Bord tal-Għażla, il-Prof. Emanuel P. Delia, Ċermen tal-APS Bank u Mrs Tania Borg, Presidenta tal-Moviment Kerŷgma apparti mistednin oħra.
Bernard Borg huwa student universitarju ta’ 25 sena minn Birkirkara. Bernard ilu snin involut fil-qasam taL-volontarjat u għal dawn l-aħħar 7 snin kien f’kuntatt u ħidma kontinwa mas-sorijiet ta’ Madre Teresa f’Malta. Infatti, huwa għex diversi esperjenzi mas-sorijiet. Din is-sena, Bernard iddiskuta mar-“Regional” u s-“Superjura” tas-sorijiet ta’ Madre Teresa biex jitwaqqaf Grupp ta’ Co-Workers f’Malta. Co-workers huwa grupp li waqfet Madre Teresa stess fejn isejjaħ żgħażagħ biex jidħlu f’impenn ta’ ħajja mill-qrib tas-sorijiet. Diġà hemm numru sabiħ ta’ żgħażagħ li ngħaqdu ma’ dan il-grupp u b’din l-inizjattiva ta’ Bernard iż-żgħażagħ vountiera Maltin jistgħu jgawdu mill-qrib l-esperjenza spiritwali mas-sorijiet ta’ Madre Teresa.
Bernard ħa inizzjattiva oħra u reġa ta l-ħajja lil grupp li kien ta’ kull xahar ittella’ serata ta’ divertiment għall-familji u anzjani li magħhom jaħdmu s-sorijiet ta’ Madre Teresa. Permezz ta’ dawn l-attivitajiet soċjali nies fil-komunità qed ikollhom ħin ta’ divertiment maż-żgħażagħ voluntiera u b’hekk tinħoloq atmosfera ta’ ħbiberija.
Esperjenza oħra ta’ Bernard hija Viva s-Sajf tat-Tfal fejn għal dawn l-aħħar 5 snin flimkien ma’ grupp ta’ voluntiera oħra organizzaw għal ħames ġimgħat Skola Sajf għat-tfal li jaħdmu magħhom s-sorijiet ta’ Madre Teresa. Matul dawn il-ħames ġimgħat il-voluntiera jgħixu f’dar tas-sorijiet, fejn jippreparw l-attivitajiet għat-tfal, jinbnew bħala komunità; u jikbru fl-ispiritwalità tas-sorijiet b’ħin ta’ talb, quddiesa u adorazzjoni kuljum. Din is-sena, Bernard kien personalment responsabbli għal din l-attività fejn flimkien ma’ żgħażagħ oħra organizzaw numru ta’ attivitajiet ta’ fundraising, pjanar ta’ trasport, loġistiċi tal-iskola, ikel għat-tfal u ħafna affarijiet oħra ta’ preparamenti li teħtieġ attività bħal din.
F’dan l-istess sajf, Bernard mar ukoll l-Ethiopia fejn għal 5 ġimgħat ħadem mas-sorijiet ta’ Madre Teresa u organizzazzjonijiet oħra u b’hekk kompla jibni l-esperjenzi li għex Malta mal-istess sorijiet. Waqt li kien fl-Ethiopia huwa kien jgħin fil-Home of the Dying u f’attivitajiet mat-tfal orfni, jqassam ikel lil foqra, fi sptar tas-sorijiet, fi skola Sajf tat-tfal, u xogħol ta’ manutenzjoni kemm fl-isptar kif ukoll fl-iskola.
Din is-sena għamel ukoll diversi esperjenzi f’ħidma kontinwa għal ħaddieħor. Daqs sena ilu ngħaqad mall-grupp S.T.A.N.D. (Striving Towards Ability Not Disability). Dan il-grupp jagħti lil żgħażagħ b’diżabilità opportunità ta’ esperjenza soċjali u spiritwali fil-komunità. Bernard ħadem b’ħafna inizjattiva u enerġija u integra mill-ewwel mal-membri ta’ dan il-grupp, kemm persuni b’diżabiltà, ġenituri kif ukoll helpers. Hu ġie nnominat u elett mill-membri tal-grupp biex ikun parti mill-eżekuttiv fejn r-rwol tiegħu hu ta’ fundraising activities organiser.
Bernard qed jistudja Social Work fl-Università u kien jagħmel parti mill-organizzazzjoni universitarja Studenti Ħarsien Soċjali li qegħda fi ħdan l-istess kors tiegħu. Fil-preżent Bernard huwa wkoll f’esperjenza fil-Marsa Open Centre. Bernard jieħu ħafna inizjattiva u l-ħidma ntensa tiegħu hija fis-skiet u tkun dejjem għall-ġid ta’ ħaddiehor.
Iż-żgħażagħ nominati għal dan il-Premju kienu: Antonella Bajada mill-Munxar, Christopher Barbara minn Sta. Lucia, Bernard Borg minn Birkirkara, Rebecca Cini minn Ħal-Balzan, Louis Cutajar mill-Fgura, Amanda Galea minn St Venera, Matthew Gellel mill-Birgu, Ryan Magro mill-Qrendi, Joseph Mizzi mill-Gharb, Elisa Saliba Saliba mill-Floriana u Saralina Savo mill-Pieta’.
Dan it-trofew jingħata kull sena f’ġieħ il-mejjet Dr Rudolph Saliba li kien l-ewwel president tal-Moviment Kerŷgma. Il-President Abela, feraħ lil dan iż-żagħżugħ u lin-nominati l-oħra u emfażiżża kif dan ix-xogħol voluntarju mhux biss ma gerfxilhomx l-istudji u x-xogħol tagħhom iżda fil-fatt kabbrilhom il-karattru tagħhom. Huwa qal li numru minnhom użaw il-ħin u l-ħilijiet tagħhom mhux biss biex jgħinu lil familji u ħbieb tagħhom lokalment iżda wessgħu ċ-ċirku tal-għijnuna tagħhom l-hinn minn pajjiżna mingħajr ebda preġudizzji. Dawn iż-żgħażagħ komplew juru kemm il-poplu Malti hu poplu ġeneruż.
Qabel iċ-ċerimonja tal-Premju Żagħżugħ tas-Sena ingħata wkoll Ċertifikat ta’ Mertu mill-President ta’ Malta lil Gianluca Bezzina għal xhieda li ta lis-soċjetà u lid-dinja ta’ żgħożija nisranija mibnija fuq valuri.
-
-
Premju Żgħażugħ tas-Sena 2013: 31/01/2014: Bernard Borg awardedthe Youth of the Year 2013
-
-
Premju Żgħażugħ tas-Sena 2013 – 31/01/2014: Bernard Borg receiving the trophy from the President of Malta.
-
-
Premju Żgħażugħ tas-Sena 2013 – 31/01/2014: Bernard Borg awarded the Youth of the Year 2013
-
-
Premju Żgħażugħ tas-Sena 2013: 31/01/2014: All nominees together with the Presidentand Fr Charles Fenech OP
Ritratti: Robert Soler