Ħajti hi Avvent – Prayer Café: 28 ta’ Novembru 2014
Sena B: L-Ewwel Ħadd tar-Randan: Evanġeju ta’ San Mark 13, 33-37.
It-laqgħa tal-lejla bdiet bit-Talba tal-Moviment Kerygma sabiex l-Ispirtu s-Santu idawwal lil dawk preżenti, dak l-Ispirtu li mingħajru aħna lanqas aħna kapaċi nduru lejn Alla u nesprimu dak kollu li qed inħossu u dak li għandna bżonn.
It-tema li l-Moviment Kerygma għal dan l-Avvent hija: “Ħajti Hi Avvent”. X’itfisser il-Kelma Avvent? Preparazzjoni u stennija għall-miġja ta’ Ġesú. Hawnhekk dawk preżenti ġew mistoqsija għal liema miġja ta’ Ġesú qegħdin nirreferu. Ħafna rrispondew li l-Avvent għandu jirreferi għall-miġja ta’ Ġesú fil-ħajja tagħna. Din il-miġja ta’ Ġesú fil-ħajja tagħna spiss noħduha for granted. Tajjeb li kuljum f’dan iż-żmien tal-Avvent nistaqsu: “Fhiex inhi qalbi għall-miġja ta’ Ġesú?
L-Avvent huwa wkoll bħar-Randan żmien penitenzjali. Għandna nippreparaw ukoll fih permezz ta’ sawm li jwassalna għall-konverżjoni. Għandu jkun proċess kontinwu ta’ konverżjoni.
L-evanġelju tal-Ħadd li ġej, l-ewwel Ħadd minn erbgħa tar-Randan tas-Sena B nużaw l-evanġelju ta’ San Mark li dejjem jgħinna niskopru min hu dan Ġesú. F’dan l-ewwel Ħadd tar-Randan l-evanġelju jpoġġina fl-istennija għall-miġja ta’ Ġesú. Hekk kif inpoġġu ħarsitna fuq il-Milied li kienet l-ewwel miġja ta’ Ġesú fid-dinja; il-Knisja qed tistedinna biex nippreparaw ruħna għat-tieni miġja ta’ Ġesú. Fit-tieni u t-tielet Ħadd niltaqgħu mal-figura ta’ San Ġwann il-Battista, il-prekursur li jippuntana lejn min hu Ġesú. Fir-raba’ Ħadd għandna l-figura ta’ Marija li se ġġibilna u twasslilna lil Ġesú.
Fil-laqgħa ġie moqri l-ewwel qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija 63, 16b-17.19b; 64, 2-7 kif ukoll inqara l-Evanġelju minn San Mark 13, 33-37.
In-nies preżenti ġew mistoqsija x’jaħsbu li huma l-kliem imporanti ta’ dan l-evanġelju? Dawk preżenti semmew l-aktar il-kelma ‘ishru’. Tishar tfisser li tgħasses, tkun attent, taħdem aktar mis-soltu. Ġesú jgħidilna biex nishru ma jmurx jiġi s-sid u jsibna reqdin. Ġesú mhux l-ewwel darba li tkellem fuq is-sahra bħal pereżempju meta talab lill-appostli qrib tiegħu biex jibqgħu miegħu fil-Ġnien tal-Ġetsemani. Is-sahra għalhekk hija l-kelma mportanti f’dan l-evanġelju. Betlem u l-art Lhudija kienu ilhom jistennew lill-Iben t’Alla imma twieled u ma ndunawx bih. Fil-Bibbja nsibu diversi referenzi għal dan l-irqad li jtellef is-sahra. Issemmew l-istejjer ta’ Sansun fost oħrajn, li qatgħulu xagħru waqt li kien rieqed. Dan l-irqad spiritwali itellef mill-ħajja u l-ħeġġa tagħna bħala nsara, itellef mill-imħabba li għandu jkollna fil-ħajja tagħna. Issemmiet l-Eżortazzjoni Appostolika “Ferħ tal-Evanġelju” tal-Papa Franġisku li fiha l-Papa jsemmi l-attiviżmu li forsi ninħakmu minnu meta nkunu nattendu f’xi grupp li jorganizza diversi attivitajiet. Importanti li l-attivitajiet li nkunu fihom għandu jkollhom l-iskop ta’ evanġelizzazzjoni li nwasslu lil Ġesú lil xulxin permezz tal-esperjenza komunitarja.
Aħna għalhekk irridu nishru sabiex nevanġelizzaw u nwasslu lil Ġesú ġewwa fina u lill-oħrajn. It-talb u l-formazzjoni, fosthom il-qari u l-meditazzjoni tal-Kelma t’Alla huwa essenzjali fil-ħajja tagħna. Nistgħu nagħmlu ħafna affarijiet imma mportanti li nkunu flimkien u bi skop wieħed. Inġieb l-eżempju ta’ arloġġ li jiddependi mhux biss mill-preċiżjoni ta’ kull rota/ingranaġġ li għandu imma wkoll jiddependi mill-qafas li jżomm dawn ir-roti kolha flimkien. Dan il-qafas li jżommna flimkien huwa t-talb u l-formazzjoni.
Meta nishru għandna noqogħdu attenti minn dawk l-affarijiet li forsi żgħar imma li jidħlu fin fin fil-ħajja tagħna; bħall-indifferenza u l-passivitá. Dawn huma l-affarijiet li jħalluna reqdin. Tishar tfisser li ma tħallix għal għada dak li għandek tagħmel. Importanti li nħossu li Alla diġá qiegħed magħna, aħna rridu nagħmlu sforz biex inħossu l-preżenza tiegħu fostna. Fl-ewwel qari nsibu: “Alla jħabrek għal min jittama fih.” Li aħna naċċettaw ir-rieda t’Alla f’ħajjitna permezz tal-umiltá iwassal lil Alla biex iħabrek għalina, li jagħtina grazzja, għajnuna speċjali. Meta aħna naċċettaw lilu fina, huwa jagħtina l-fidi li hija rigal mingħandu għalina biex ibiddel għall-aħjar il-ħajja tagħna.
Irridu nagħtu ċ-ċans lil Alla sabiex jagħmel dak li għandu jagħmel magħna. Il-paċenzja u l-perseverenza huma mportanti fil-ħajja tagħna sabiex nishru b’mod li jqawwina u jressaqna lejn Ġesú u lejn l-oħrajn.
Lejn l-aħħar tal-laqgħa issemma d-Dikors tal-Papa Franġisku lill-Parteċipanti ta’ Laqgħa organizzata mill-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida. Nixtiequ għalhekk nikkwotaw parti minnu li titkellem dwar l-imporanza li nżommu quddiem għajnejna l-iskop tal-attivitajiet u l-laqgħat kollha li aħna nagħmlu fil-ħajja tagħna speċjalment anke bħala Moviment reliġjuż:
“nitlobkom, ejjew ma niġrux wara l-ilħna tas-sireni li jsejħulna biex nagħmlu mill-pastorali serje ta’ inizjattivi mxerrda, bla ma jirnexxielna nagħrfu l-essenzjal ta’ l-impenn ta’ evanġelizzazzjoni. Xi kultant donna aktar imħabbtin biex inkattru l-attivitajiet milli biex inkunu attenti għall-persuni u għal-laqgħa tagħhom ma’ Alla. Pastorali li m’għandhiex din l-attenzjoni tibda ftit ftit issir sterili. Ma ninsewx nagħmlu bħalma għamel Ġesù mad-dixxipli tiegħu: wara li dawn marru fl-irħula biex iwasslu l-bxara tal-Vanġelu, reġgħu lura kuntenti bis-suċċessi tagħhom; imma Ġesù sejħilhom għalihom waħidhom, f’post maqtugħ min-nies biex joqgħod ftit waħdu magħhom (ara Mk 6:31). Pastorali mingħajr talb u kontemplazzjoni qatt ma tista’ tilħaq il-qalb tal-persuni. Tieqaf mal-qoxra mingħajr ma tħalli ż-żerriegħa tal-Kelma ta’ Alla tagħmel l-għeruq, tnibbet, tikber u tagħti l-frott (ara Mt 13:1-23).
Jien naf li lkoll kemm intom taħdmu ħafna, u għalhekk nixtieq inħallilkom l-aħħar kelma importanti: sabar. Sabar u perseveranza. Il-Verb ta’ Alla daħal fis-“sabar” fil-mument ta’ l-Inkarnazzjoni, u hekk baqa’, sal-mewt fuq is-Salib. Sabar u perseveranza. M’għandniex il-“bakketta maġika” għal kollox, imma għandna l-fiduċja fil-Mulej li sseħibna u ma titlaqna qatt waħidna. Fid-diffikultajiet kif ukoll fil-qtigħ il-qalb li huma preżenti mhux ftit fil-ħidma pastorali tagħna, għandna bżonn li qatt ma tonqosna l-fiduċja fil-Mulej u fit-talb li jweżinha.” (Papa Franġisku: Awla Pawlu VI. Il-Ġimgħa 19 ta’ Settembru 2014)