Prayer Cafè: IL-MIRAKLU TAT-TIEĠ TA’ KANA – taħdita mis-sur Charles Briffa, il-Ġimgħa, 18 ta’ Jannar 2019.
Il-laqgħa bdiet bit-Talba tal-Moviment. Wara nqara l-Vanġelu skond San Luqa.
Għalkemm dan il-Vanġelu ngħaqqduh maż-żwieġ, ma jitkellimx fuq l-għarajjes. L-għarus jissemma’ biss fl-aħħar tas-silta. Il-protagonisti ta’ dan il-Vanġelu huma Ġesu’ u Ommu Marija.
Marija probabbli kienet diġa’ taf li Binha kien kapaċi jagħmel dan il-miraklu. Pero’, meta qaltlu li kien spiċċalhom l-inbid, Hu qallha li ma kinitx għadha waslet is-siegħa Tiegħu. Ġesu’ diġa’ kellu d-dixxipli Miegħu. L-Evanġelista jaċċenna li dan kien l-ewwel miraklu Tiegħu.
Dan il-Vanġelu qed jagħtina l-bidu tal-ħidma ta’ Ġesu’. Kważi nisgħtu ngħidu li ħassu mhux lest. Ġesu’, meta twieled, ma kellux l-għerf mill-ewwel. Dan bnieh ftit ftit. Għalhekk, meta ġie f’dan il-punt kruċjali seta’ ħass hekk. Pero’ xorta jgħidilhom biex jimlew il-ġarar bl-ilma. Issa dawn il-ġarar kienu jintużaw għall-ħasil ritwali, u mhux għall-inbid.
Probabbli li min kien qed jara din ix-xena, ma kienx jaf x’ser jiġri. Hawnhekk issir il-bidla tal-ilma f’inbid. Issa fl-Antik Testment l-inbid huwa sinjal reali u rikk.
X’ifisser dan il-Vanġelu għalina? Is-sabiħ ta’ dan il-Vanġelu hu li fih naraw il-protezzjoni tal-omm. San Bernard jgħid fit-talba tiegħu: “Qatt ma nstema’ li xi ħadd intefa’ taħt il-ħarsien tiegħek, talbek il-għajnuna u inti ma smajtux”. Marija għamlet wiċċha għall-għarajjes, mingħajr ma talbuha. Avolja Ġesu’ qallha li għad mhux il-ħin, xorta qalet lill-qaddejja biex jagħmlu dak li jgħidilhom.
Hekk tagħmel magħna Marija meta jibda jonqos l-inbid f’ħajjitna – dak li jagħtiha togħma tajba. Għandna l-fiduċja li Marija lesta li tidħol għalina. Imma rridu nagħżlu aħna t-tip ta’ nbid.
Issa l-inbid fil-ħajja nużawh biex nifirħu. Imma s-soċjeta’ llum qed tuża nbid li jistordi u li jnessiena r-realta’. Kultant aħna jiġrilna li l-aqwa li jkollna spirtu, hu x’inhu, biex inessiena.
L-inbid li tahom Ġesu’ kien inbid mill-aqwa. Hu għalhekk li għandna jkollna fiduċja Fih. Bl-interċessjoni ta’ Ommna Marija, aħna għandna nitolbu nbid li hu veru tajjeb – mhux dak li jistordina, bħal ma taf tagħti d-dinja.
Issa aħna kuntant jista’ jiġrilna bħal dawk l-għarajjes – jibda jispiċċalna l-inbid u lanqas biss nittendu. L-Vanġelu ma jgħidilnix li l-għarus għamel paniku. Ħafna drabi l-inbid fil-ħajja tagħna jiżvinta bil-mod il-mod. Għalhekk tajjeb li nżommu l-għaqda m’Alla, għax Hu biss jista’ jagħtina dan l-inbid biex il-festa tkompli. U l-festa x’inhi? Il-festa hi l-ħajja tagħna fiċ-ċelebrazzjoni m’Alla. L-Evanġelista jgħidilna li t-tnejn kienu hemm għall-festa – Ġesu’ u Ommu. Jekk aħna ħa nkunu barra minn din il-festa, se nkunu barra mill-festa li għalija aħna ġejna mistednin.
Issa meta jispiċċalna l-inbid x’ser infittxu? Ħafna drabi l-ħajja iktar tagħti morr milli ħelu. Hawnhekk għandna nduru għal dik it-talba ta’ San Bernard. Huwa mportanti li noqgħodu ħafna attenti li ma jispiċċalnix l-inbid f’ħajjitna – dak il-ferħ li nħossu f’din il-festa li għaliha stedinna Ġesu’.
Il-problema tas-soċjeta’ llum hi li trid tgħix mingħajr Alla. Noqgħodu attenti għax faċli li nwarrbu l-ħarsa tagħna ‘l bogħod minn Alla. Noqgħodu attenti li minn din il-festa tat-tieġ ma nispiċċawx barra.
Dan il-Vanġelu għandu joħodna f’riflessjoni li aħna wkoll mistiedna għal tieġ ieħor, li mhu ser jispiċċa qatt, bil-preżenza ta’ Ġesu’ u Ommu Marija. Għandna nżommu f’moħħna din il-festa tat-tieġ, u li meta jispiċċalna l-inbid induru lejn din l-Omm.
Għalkemm il-kliem ta’ Ġesu’ lill-Ommu narawh xi daqsxejn iebes, hi xorta waħda daħlet għall-għarajjes. Hi fhemitu dan il-kliem, għax kienet taf li mill-mument li ħa tikkonsenja lil Ġesu’ f’idejn il-poplu, Hu ma kienx ser jibqa’ tagħha. Jekk elfejn sena ilu Ommna Marija għamlet wiċċha għall-għarajjes, illum lesta li tagħmel l-istess ma kull min jintefa’ taħt il-ħarsien tagħha.
Dan il-Vanġelu ġie ftit wara l-ġrajja tat-twelid u ftit qabel il-preżentazzjoni ta’ Ġesu’. Għandna nżommu f’moħħna li x-xewqa ta’ Ġesu’ kienet li lil dawn l-għarajjes jagħmilhom kuntenti. Pero’ xtaq jara l-isforz tal-bniedem. Qalilhom biex jimlew il-ġarar bl-ilma. L-istess għamel fil-Miraklu tat-Tkattir tal-Ħobż. Qal lid-dixxipli biex jaraw min għandu xi ħaġa tal-ikel.
Aħna rridu nitolbu biex meta l-inbid tagħna jonqos, jerġa’ jiġġenera ruħu. Pero’ rridu nagħmlu l-isforz tagħna. Ġesu’ ma jitlobnix ħwejjeġ kbar – Alla lest li jtina iktar milli għandna bżonn. Ħafna drabi nitolbu affarijiet materjali u dawn ma jiġux. Niftakru li l-mewt lanqas lil Ġesu’ ma ħafritha. Hawn nerġgħu niġu għas-simbolu tal-inbid – inbid itjeb minn dak li kellna. Tajjeb li nitolbu għas-saħħa. Pero’ għandna nemmnu li hemm xi ħaġa aktar qawwija. L-inbid li jagħtina Ġesu’ hu dak li jsalva r-ruħ u jdaħħalna fil-ħajja ta’ dejjem.
Mela lill-għarus jgħidulu li suppost ħareġ l-inbid it-tajjeb l-ewwel, u dak inqas tajjeb fl-aħħar. Din id-dinja hekk tgħidlek tagħmel. Qed tgħidilna li qed niġru wara l-baħħ. Fejn hu Alla tagħkom? Spiċċajt bla flus, bla xogħol, għamlulek kalunja, ma daħalx għalik! Niżel minn hemm? Qaluha anke lil Ġesu’ meta kien fuq is-salib. U min qalilu kien jafha l-Iskrittura Mqaddsa, u xorta sfidawh.
Aħna rridu nlestu għal din il-ġlieda. Nafu li hemm omm li lesta tidħol għalina. L-importanti li nagħmlu l-isforz tagħna. Nemmnu li fl-aħħar mill-aħħar Alla ħa jirbaħ, u se jtina inbid mill-aqwa. Kultant, meta tgħaddi minn xi kedda, tkun tixtieq tivvendika ruħek minn dak li jkun, jew tgħid “kemm nixtieq li jitla’ ż-żejt f’wiċċ l-ilma”. Imma l-arloġġ tal-Mulej huwa differenti: “Jien inħejjilkom mejda quddiem l-għedewwa tagħkom” – il-mument tat-trijonf tagħna, meta l-Mulej jgħidilna: “Idħlu għall-festa eterna. Idħlu f’dak li kien hemm imħejji għalikom”.
Ir-rebħa tagħna tkun li, fl-aħħar mill-aħħar, nidħlu fil-festa tat-tieġ, fejn Ġesu’, bl-interċessjoni t’Ommu Marija, ħejjilna nbid tajjeb li ma jispiċċax, u l-kalċi tagħna jkun imfawwar għal dejjem ta’ dejjem.
Il-laqgħa għalqet bit-Talba tal-Missierna.