Inkunu Xhieda b’Umilta’ – Prayer Cafè – 11 ta’ Diċembru 2015
L-laqgħa Prayer Cafe,bdiet bit-talba tal-Moviment u wara sar introduzzjoni fuq it-Tielet Ħadd tal-Avvent. Il-Ħadd li jirraprezenta l-Ferħ.
L-Avvent bħal Randan hu żmien ta’ penitenza. Wieħed hu mistenni li jagħmel sagrifiċċji biex imbagħad inkunu nistgħu nesperjenzaw il-Milied jew il-Qawmien ta’ Kristu mill-mewt (skond iż-żmien) . Fl-avvent żmien parties, drinks u ikliet l-penitenza donna saret issir b’għoti ta’ karita. Bħala nsara mistennija li nagħtu mingħajr ma nħallu l-id ix-xellugi tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija. Jiġifieri nagħtu mingħajr daqq tat-trombi.
Qabel beda l-Avvent sal-Festa ta’ Kristu Re, il-vanġeli kellhom messaġġ kemmxejn tal-biża’ ..l-ibħra jqumu…jiġi u jsibu rieqed..imma f’dan il-Ħadd il-vanġelu jgħidilna biex ma nibżgħux għax wara dan kollu ġej il-MESSIJA.
Il-liturġija ta’ nhar il-Ħadd tagħtina ħafna kuraġġ. Qisha simbolu tal-ħajja tagħna. Meta nkunu għaddejin minn żminijiet koroh, li kullħadd jaddi minnhom, f’qalbek tibda tgħid tibżax dan għad jaddi u anke min jibda jiprova jagħtik kuraġġ jgħidlek ‘ Kuraġġ issa jaddi qed nitlob għalik.’
Hawn inqara l-vanġelu ta’ nhar il-Ħadd li ġie mehud minn Luqa 3:10-18
Il-qari ta’ l-Ewwel Lezzjoni u S-Salm ta’ nhar il-Ħadd huma qari ta’ Ferħ . Anke l-qassis f’dan il-Ħadd jilbes ilbies roza sinjal ta’ Ferħ. Fl-ewwel lezzjoni nsibu: “infexx fil-hena u ifraħ b’qalbek kollha…minħabba fik jithenna b’hena kbir..fi mħabbtu jġeddek, jinfexx minħabba fik f’agħjat ta’ ferħ,bħallikieku f’jum ta’ festa.” “Aqbeż bil-ferħ, għanni…għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Israel.” Nsibu fis-salm. Fit-tieni lezzjoni mbagħad San Pawl jistieden lil insara Filippini biex “Ifirħu dejjem fil-Mulej..” Il-vanġelu mbagħad huwa aktar fuq nota kwieta għalkemm it-tema tibqa’ waħda ta’ ferħ u ta’ stennija ħerqana għal miġja tal-messija. “Il-poplu kien qiegħed jistenna ..”
Lil Ġwanni nsibuh bħala l-prekursur – dak li ġie qabel Ġesù. Il-vanġelu maqsum fi tliet partijiet. In-nies kienu jsegwu xi jgħid Ġwanni b’interess, hu kellu ħafna dixxipli warajh – staqsewh “X’għandna nagħmlu?” Nsibu tliet tipi ta’ nies: il-folla ġenerali: lil dawn Ġwanni qalilhom biex jaqsmu dak li għandhom mal-oħrajn. U dawn xi 2 ilbiesi kien ikollhom mhux gwardarobba mimlija bħal ħafna minna llum! Mbagħad kien hemm ukoll il-pubblikani li kienu jiġbru t-taxxi mill-poplu biex jgħadduhom lil ħakkiema tal-poplu, ir-Rumani. Lil dawn Ġwanni qalilhom biex ma jissikkaw lil ħadd b’taxxi żejda. Kien hemm ukoll suldati jisimgħuh u lil dawn Ġwanni ħeġġiġhom biex jikkuntentaw bil-paga tagħhom u ma jisirqu lil ħadd b’theddid.
Dan kollu jgħodd għalina lkoll llum, għandna lkoll nagħtu minn dak li għandna, u nkunu kuntenti bil-pagi li għandna. Bħala nsara għandna nkunu ta’ eżempju għall-oħrajn billi ħina nagħtuh kollu fuq ix-xogħol u mhux niskartaw jew nitilqu qabel il-ħin. Għandna nħallu lil ħaddieħor jgħaddi ħinu fuq il-post tax-xogħol trankwill u mhux nagħmlu l-ħajja tal-oħrajn infern. Dawn huma l-affarijiet li jagħtu xhieda li aħna nsara.
F’dan il-Vanġelu naraw ukoll l-umiltà ta’ Ġwanni l-Battista. Għalkemm kellu ħafna nies segwaċi tiegħu ma ħalliex li dan jitla’ għal rasu. Meta kien jiġi mistoqsi jekk hux hu l-mistenni Messija. Hu kien jgħidilhom li lanqas jistħoqqlu jkun is-serv tiegħu. “ ..jien ma jistħoqqlix inħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu..” Dak iż-żmien kellhom uzanza li meta jiġi mistieden id-dar il-qaddejja kienu jaħslulu saqajh. Din it-tip ta’ umilta rajnieha ukoll fil-Madonna mat-tħabbira tal-Anġlu li kellha tkun Omm Alla ma ħassithiex superjuri iżda wieġbet ‘Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej…’ Huwa importanti li naħdmu b’umiltà.
Ir-rwol tagħna llum mhuwiex differenti minn ta’ Ġwanni l-Battista. Aħna l-insara; sew jekk lajċi, sew jekk reliġjuzi importanti li nkunu l-prekursuri ta’ ĠESÙ. Importanti li nressqu n-nies lejn Ġesù u l-konverżjoni fil-ħajja tagħhom.
Is-sena tal-Ġublew tal-Ħniena bdiet fit-8 ta’ Diċembru 2015, solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni. Din se tkun sena tal-Grazzja u tal-Maħfra. Fl-antik, il-Poplu Lhudi kien jiċċelebra s-Sena tal-Ġublew kull 50 sena. Skont il-Levitiku l-iskjavi u l-priġunieri kienu jiġu meħlusa, id-djun maħfura u l-ħniena ta’ Alla tkun murija b’mod speċjali. [Levitiku 25:8-23]
[Lev:25:8] “Mbagħad tgħodd seba’ ġimgħat ta’ snin, seba’ snin għal seba’ darbiet, li jġibu disgħa u erbgħin sena. [Lev:25:9] U ddoqq it-tromba fl-għaxra tas-seba’ xahar, f’jum l-espjazzjoni, u ssemmgħu t-trombi ma’ artkom kollha. [Lev:25:10] Tqaddsu intom il-ħamsin sena u tniedu l-ħelsien fl-art lil kull min jgħammar fiha. Tkun is-sena tal-ġublew għalikom: kull wieħed jerġa’ għal li kellu u għal ma’ niesu.[Lev:25:11] Tkun għalikom il-ħamsin sena, is-sena tal-ġublew; la tiżirgħu u lanqas taħsdu milli tnibbet l-art, u anqas tiġbru l-għeneb mid-dwieli bla żbir. [Lev:25:12] Għax hu żmien il-ġublew, żmien li għandkom tqaddsu, u tieklu mir-raba’ dak li trodd l-art.
Is-Sena tal-Ġublew tikkonsisti f’maħfra ġenerali, indulġenza miftuħa għal kulħadd, u l-possibiltà ta’ tiġdid tar-rapport tan-nisrani ma’ Alla u mal-proxxmu. Għalhekk is-Sena tal-Ġublew trid tkun opportunità ta’ approfondiment tal-fidi u biex il-ħajja nisranija tkun mgħejxa b’aktar xhieda awtentika.
Ir-rit tal-bidu tas-Sena tal-Ġublew ikun jikkonsisti fil-ftuħ tal-Porta Santa li fi snin oħra dan jinżamm dejjem magħluq. Dan ir-rit jissimbolizza li matul din is-Sena tal-Ġublew, l-insara qed ikunu mogħtija passaġġ ieħor straordinarju fil-mixja spiritwali tagħhom. F’ Malta l-Ħamis 10 ta’ Diċembru nfetaħ Bieb il-Ħabs minn Mons Grech u qal: Jalla din is-sena tkun is-sena ta’ konverżjoni .
Għalina li aħna nsara parteċipanti, rridu nagħmlu din il-mixja ta’ konverżjoni kuljum u importanti li nagħmluha bil-ferħ. Irridu nkunu pozitivi. Li timxi wara l-kmandamenti mhijiex faċli, anke li nsegwu b’mod regolari r-regolamenti tagħna b’konsistenza …naqraw il-Kelma t’Alla kuljum, mmorru l-quddiesa kull nhar ta’ Ħadd u jekk possibli anke mal-ġimgħa, li nersqu b’mod regolari lejn is-sagrament tal-qrar. Xi kultant ngħaddu minn konflitti fina nfusna speċjalment jekk nkunu qegħdin nagħmlu ħilitna biex insegwu r-regolamenti kollha u l-ħajja ttik bil-ħarta – hija ħaġa naturali li nistaqsu imma ‘Għaliex jien?’ Dan ma għandux jaqtagħlna qalbna. Meta l-kuxjenza tagħna hi safja – fina nsibu ċerta paċi. Ma nistgħux nikkonvertu lil ħaddieħor jekk aħna nfusna m’aħniex konvertiti.
Ejjew inkunu ġenituri li ntellgħu lil uliedna bi spirtu Kristjan. Familja Kristjana hi familja ferħana. Id-dar issir post fejn kull membru jkollu seba’ mitt sena biex jerġa’ jirritorna fiha.
L-għalliema wkoll huma bħal Ġwanni l-Battista. Għalliema Kristjana jridu jkunu konxji mill-azzjonijiet tagħhom f’kull mument quddiem l-istudenti, hu x’inhu s-suġġett li qegħdin jgħallmu. Student jista’ lanqas biss juża l-materjal li tgħallem fis-suġġett li studja iżda l-personalità tal-għalliem/a tiegħu jibqa’ jiftakarha.
Mela hu x’inhu rwol tagħna fil-ħajja, l-aktar mod effettiv kif ngħaddu lil Kristu lil oħrajn hu bl-ezempju ta’ ħajjitna. Bħal Ġwanni l-Battista xgħolna hu li nressqu n-nies lejn Ġesù mbagħad nħallu Lilu jagħmel xgħolu.
Fl-istess ħin, Ġesù għandu bżonn il-koperazzjoni tagħna, Hu jaħdem bil-mezz ta’ kull ġenitur, għalliem u dawk kollha li għandhom sejħa biex jifformaw in-nies. Pietru u Indri kienu dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista sakemm iltaqgħu ma Ġesù u marru warajh. Imbagħad kienu huma li ressqu nies oħra biex isiru jafu u jesperjenzaw lil Ġesù. Dan hu l-disinn u t-tifsira tal-evanġelizzazzjoni, li twassal il-vanġelu lill-oħrajn.
Il-laqgħa tkompliet bi kwotazzjoni tal-qaddisa Mother Theresa: “ Meta persuna fqira tmut bil-ġuħ, dan ma jkunx seħħ għax Alla ma jimpurtahx minnu jew minnha. Seħħ għaliex la inti u lanqas jien ma ridna nagħtu lil dik il-persuna dak li kellha bżonn.
Inti u jien, aħna l-knisja le? Aħna rridu naqsmu dak li għandna ma l-poplu tagħna. It-tbatija tgħezisti llum għaliex in-nies flok jagħtu u jaqsmu dak li għandhom, qegħdin jaħżnu.
Ġesù għamilha ċara ħafna. “Dak kollu li tagħmel mal-iċken minn ħuti, qiegħed tagħmlu miegħi.”
Agħti tazza ilma, tkun qiegħed tagħtiha lili. Aċċetta tifel ċkejken, u tkun qed tirċievi lili.”
Fl-aħħar għalaqna l-laqgħa bit-talba tal-Missierna.
Nistiednek lilek li qrajt dan il-blog tingħaqad magħna nhar il-ġimgħa 18 ta’ Diċembru tieħu kikkra kafe magħna u taqsam magħna l-Kelma tal-Mulej.