Mulej tiegħi u Alla tiegħi – Prayer Cafè – 21 t’April 2017
Il-laqgħa Prayer Cafè tal-21 t’April kienet laqgħa formattiva dwar il-qari tal-Ħadd li jmiss 2 Ħadd tal-Għid. Wara t-talba tal-Moviment nqraw l-ewwel lezzjoni mehud mill-Atti tal-Appostli 2:42-47u l-Vanġelu minn Ġwanni 20:19-31. Dawn li ġejjin huma xi punti li l-kelliem ta’ din il-laqgħa s-Sur Joe Huber qasam magħna waqt il-laqgħa mimlija b’tagħlim interessanti.
Il-Vanġelu ta’ nhar il-Ħadd li ġej fih ħafna elementi li jolqtuna mill-qrib: l-aspett komunitarju, l-aspett sagramentali u l-aspett tal-fidi u l-aspett missjunarju.
Immedjatament wara l-qawmien ta’ Kristu, San Ġwann jirrakkuntalna tliet dehriet ta’ Ġesù, l-ewwel waħda lil Marija ta’ Magdala fl-inħawi fejn kien midfun, dakinhar stess filgħaxija u l-oħra l-ġimgħa ta’ wara meta kien hemm ukoll Tumas.
Il-kumment kif jispiċċa dal-Vanġelu kien miżjud wara.
Jolqtok mill-ewwel il-fatt li d-dixxipli kienu mbeżżgħin, kienu ngħalqu, issakkru għax beżgħu li x-xorti li kienet misset lill-Imgħallem tagħhom, dik ta’t-tbatija u l-persekuzzjoni, issa kienet se tasal għalihom ukoll. Kienu għadhom neqsin mill-fidi sakemm wasal Ġesù f’nofshom.
Kienu għadhom ma fehmux kliemu meta kien ħabbrilhom dak li kellu jiġri minnu. Nafu li San Luqa 24, 25 lid-dixxipli ta’ Għemmaws, kien ċanfarhom bl-ikraħ: “kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti”.
Ġesù jsellem lid-dixxipli bil-paċi u wriehom il-pjagi: il-Papa Franġisku itenni bosta drabi, li Ġesù li jinterċedi għalina dejjem quddiem il-Missier, jurih il-pjagi u jgħidlu: dawn sofrejthom minħabba fihom ilkoll. Il-pjagi fil-ġisem mistiku ta’ Ġesù issa huma timbru, “trade mark” il-prova inkotrovertibbli ( jiġifieri li ma tista’ tmeriha bl-ebda mod), li kien hu, li qam li qed ikellimhom. Mill-ġrieħi kollha li sofra waqt il-passjoni dawk kienu l-uniċi marki li kien għad fadallu.
Immedjatament wara t-tislima Ġesù jinkariga lid-dixxipli biex ikomplu l-missjoni li beda hu. “Kif Missieri bagħat lili, jien nibgħat lilkom. Ħudu fuqkom l-Ispirtu s-Santu.” Dak li beda Hu issa jrid li jkompluh l-Appostli. Il-mandat li tahom hu biex ikunu rgħajja, imexxu l-merħla, jiġifieri aħna. Ma jfissirx li l-obbligu tat-tixrid tal-Kelma hi tagħhom biss, hi tagħna wkoll.
San Ġwann itina deskrizzjoni eżatta tat-twaqqif tas-Sagrament tar-rikonċiljazzjoni: id-dnubiet ta’ dawk li taħfru jkunu maħfura u d-dnubiet ta’ dawk li żżommu jkunu miżmuma. Din l-aħħar affermazzjoni hi oġġett ta’ diskussjonijiet kbar fost it-teoloġi. Il-verità hi li ma jistax ikun hemm maħfra jekk ma jkunx hemm indiema. Jew min jersaq għar-rikonċiljazzjoni jrid ikun niedem sew minn dnubietu. Minkejja d-dgħufija għax nerġgħu naqgħu, irridu nkunu determinati li nagħmlu ħilitna biex bl-għajnuna t’Alla nbiegħedu minn xulxin l-okkażjonijiet li fihom nerġgħu naqgħu fl-istess żbalji.
Id-dehra ta’ Kristu imlitilhom qalbhom bil-ferħ u kliemu serrħilhom rashom sakemm bil-miġja tal-Ispirtu s-Santu huma mtlew bil-kuraġġ biex il-Kelma u l-Aħbar ma jżommuhiex għalihom imma jmorru jxandruha mal-erbat irjieħ tad-dinja magħrufa ta’ żmienhom.
Hawnhekk nidħlu aħna. Il-missjoni mogħtija lid-dixxipli baqgħet għaddejja minn ġenerazzjoni għal oħra u waslet għandna bid-dmir li nħalluha lil ta’ warajna.
Il-Papa Franġisku spiss jagħmel dil-mistoqsija: imma fil-kuntest tal-ħajja tal-lum nista’ nagħti xhieda u nwassal l-Aħbar meta aħna mdawwrin bil-mondanità, bil-preġudizzji, bir-relattiviżmu, bis-sekulariżmu sfrenat?
Jekk aħna għandna l-fidi u fidi soda, irridu naċċettaw li l-kisba ta’ dak li ġabilna Kristu bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu ma jiġix mingħajr tbatija. It-tbatija tbeżżgħana. Insibuha aktar faċli nikkonformaw ma’ dak li jdawwarna milli li nibqgħu sodi u ggranfati mat-twemmin tagħna quddiem iż-żebliħ u l-inġustizzji.
Irridu ninsew li nistgħu ngħixu ħajja fuq żewġ saffi, waħda privata u oħra pubblika. In-Nisrani jrid ikun konsistenti f’imġiebtu f’kull ambjent li jkun fih. Il-passjoni, il-mewt u l-qawmien għalina jfissru xita ta’ grazzji li ma nistgħux inżommuhom għalina imma rridu naqsmuhom mal-oħrajn.
Meta ngħid mal-oħrajn infisser anki ma’ min ma jaqblix magħna, ma’ min għandu twemmin differenti minn tagħna. L-agħar eżempju li nistgħu nagħtu hu li meta nitkellmu ma’ min ma jaqblilx magħna nuru li qed nitkellmu bil-preġudizzju.
Eżempju: fil-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali tara spiss Insara (suppost) li juru preġudizzji kbar kontra l-Musulmani… l-ideja li l-istudenti Musulmani jkollhom il-faċilità li jitgħallmu r-reliġjon tagħhom anki fl-ambjenti tagħna. Kemm rajna kliem ta’ tmaqdir kontra l-Arċisqof għax qal li mhux kontra!! Saħansitra kien hemm min ried jiġbor il-firem biex jitneħħa. Dik karità Nisranija?!
It-tweġiba jtihilna mill-ġdid il-Papa straordinarju li għandna: Nafu li jiġbed ammirazzjoni kbira minn Musulmani li huma Musulmani awtentiċi? Nies rashom sħuna hemm fosthom, bħalma kif għidna hemm fostna.
Il-fanatiżmu mhux reliġjon. Fuq hekk il-Papa Franġisku jiġbed l-ammirazzjoni ta’ ħafna bnedmin li mhumiex Kattoliċi għax jagħmel distinzjoni bejn il-fundamentaliżmu u r-reliġjon. Anzi, kien hemm saħansitra mexxejja Musulmani li ddikjaraw li l-fundamentalisti m’għandhomx reliġjon.
Mhux biżżejjed. Kemm fil-passat għamilna ħsara lil xulxin bejnietna li nistqarru lil Kristu, bejnietna l-Insara? Imma l-paċi li ġab Kristu, il-paċi li sellem biha lid-dixxipli meta dehrilhom wara li qam, tinkiseb biss bit-talb u d-djalogu.
Albert Storace kien kellimna dwar ir-Riforma Protestanta. Il-Luterani u l-Kattoliċi fil-passat ma kienux jintaħmlu bejniethom, anzi missirijietna għamlu ħafna ħsara lil xulxin.
Xi ħadd kien jemmen li wara l-Konċilju Ekumeniku, u f’tant qasir żmien, id-djalogu kellu jwassal biex il-Kattoliċi u l-protestanti jiċċelebraw flimkien il-500 sena mill-bidu tar-Riforma?
Lejn l-aħħar ta’ Marzu saret laqgħa msejħa mill-Kunsill Pontifiċju tax-Xjenzi Storiċi li fiha saret diskussjoni dwar ir-Riforma fil-kuntest taż-żmien li seħħet fiha.
Meta ltaqgħu mal-Papa kliemu kien li l-passat ma nistgħux nibdluh imma l-preżent hu f’idejna u jekk irridu nibqgħu mexjin ‘il quddiem lejn l-għaqda rridu nkunu umli u ninsew dak li għadda biex inħarsu biss ‘il quddiem.
Jekk ma naħfrux u nitolbu l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu nistgħu nitħabtu għax “jekk il-Mulej ma jibnix id-dar għalxejn jitħabtu l-ħaddiema”, jibda s-Salm 127.
Dal-ħsieb jerġa’ joħodna lura lejn il-Vanġelu ta’ nhar il-Ħadd li ġej: biex naħfru l-ewwel irridu nkunu maħfura aħna bis-sagrament li waqqaf Sidna Ġesù b’dak li qal lid-dixxipli meta dehrilhom wara l-qawmien.
Is-sagrament tar-rikonċiljazzjoni ma jfissirx biss li aħna nirrikonċiljaw ma’ Alla imma li nirrikonċiljaw ukoll magħna nfusna.
Ftit ilu l-Papa qal li l-qrar mhux ‘dry cleaning’. Nara li għandi tebgħa, immur inneħħiha u kif noħroġ niltaqa’ ma’ xi ħadd u nibda natqtaq fuq dak u l-ieħor, fuq dik u l-oħra.
Il-qrar hu laqgħa ma’ Alla u l-atturi tiegħu la huma s-saċerdot (dak hu biss medjatur) u lanqas il-penitent, imma hu Kristu Rxoxt bil-qawwa tiegħu li jaħfer lil kulħadd, saħansitra lil min sawwtu, immaltrattah u qatlu.
Nemmnuh dan? Jew aħna San Tumasijiet?, għandna d-dubji u rridu l-provi konkreti kif qed isostnu l-materjalisti u s-sekularisti li jidħku bihom infushom għax mingħalihom se jaslu jagħtu prova xjentifika tal-misteru tal-univers?
Kemm-il San Tumas hawn fostna?, li rridu mmissu b’idejna u naraw b’għajnejna minflok ma ngħixu l-beatitudni li żidilna Ġesù fil-laqgħa tal-Ħadd ta’ wara ma’ Tumas: “Emmintni għax rajtni! Imberkin dawk li ma rawx u emmnu.”
Dan hu l-aspett tal-fidi li joħroġ minn dal-Vanġelu. Nistaqsu: x’inhi l-fidi? Hi twemmin mingħajr ma rajt, mingħajr ma missejt b’idejja, li Alla hu dejjem fidil mal-patt tiegħu. Fit-testment l-antik wiegħed is-salvazzjoni u żamm kelmtu meta bagħat lil Ibnu bniedem bħalna f’kollox minbarra d-dnub, biex imut għalina u jsalvana.
Il-fidi hi dak li jispjegalna San Pietru fl-ewwel ittra tiegħu meta jikteb:
“Għalhekk għandkom għax tifirħu mqar jekk issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtiġilkom toqgħodu għal ħafna provi. Bħalma d-deheb, li jintemm, jgħaddi mill-prova tan-nar, hekk tgħaddi mill-prova l-fidi tagħkom biex ikun jistħoqqilha tasal għat-tifħir, għall-glorja, u għall-ġieħ, meta jidher Ġesù Kristu. Lilu, għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh; fih, għad li issa m’intomx tarawh, intom temmnu; fih intom tifirħu b’ferħ glorjuż, li ma jistax jitfisser, waqt li tiksbu l-frott tal-fidi tagħkom, li hu s-salvazzjoni ta’ ruħkom.”
Ma nistgħux ninsew ukoll li dal-Ħadd, huwa wkoll il-Ħadd tal-Ħniena Divina, festa li kif nafu kien waqqafha San Ġwanni Pawlu II. Dan il-Ħadd huwa magħruf ukoll bħala Dominica in Albis, isem li ġej mill-antik meta l-katekumeni li kienu jkunu rċevew il-Magħmudija fl-Għid kienu jilbsu libsa bajda u jibqgħu biha sal-Ħadd ta’ wara meta jneħħuha. Fil-fatt l-isem eżatt hu Dominica in albis depositis – il-Ħadd meta jitneħħew l-ilbiesi bojod.
Lura għall-punt: lil Santa Fawstina Ġesù qalilha biex propju dal-Ħadd ikun dedikat lill-ħniena bla qies tiegħu. Il-ħniena tidher propju fis-sagrament tar-rikonċiljazzjoni għax anki jekk dnubietek ikunu ħomor daqs l-iskarlatt isiru bojod bħas-silġ, jurina b’liema mħabba ħabbna u fdiena Ġesù Bin Alla.
Tant Ġesù għandu għal qalbu din it-tifkira li lil Santa Fawstina kien qalilha: Min jersaq lejn l-għajn tal-ħajja- jiġifieri l-Qrar u l-Ewkaristija – jikseb il-maħfra sħiħa ta’ dnubietu u tal-pwieni.
Ġesù kien żied jgħidilha li l-bniedem ma jistax isib paċi sakemm ma jafdax lilu nnifsu għal kollox fil-ħniena tiegħu.
Dawn l-istqarrijiet ta’ Ġesù x’messaġġ ituna bħala komunità Nisranija?
Il-Papa Franġisku fir-Regina Coeli tal- 5 ta’ Mejju 2014 kien qal: illum il-qari mill-Atti tal-Appostli jurina li anke fl-ewwel snin tal-Knisja kienu jinqalgħu t-tensjonijiet u n-nuqqas ta’ qbil. Fil-ħajja dejjem se jkun hemm il-konflitti, il-problema hi kif inġibu ruħna quddiemhom. Sa dak iż-żmien l-għaqda fost l-insara kellha vantaġġ għax kienu lkoll tal-istess razza, u kellhom ilkoll l-istess kultura, dik Lhudija. Imma meta l-Kristjaneżmu, li skont ir-rieda ta’ Ġesù hu għall-ġnus kollha, infetaħ għad-dinja Griega (jiġifieri għal kulħadd), din l-uniċità fir-razza u fil-kultura tispiċċa, u jibdew jidhru l-ewwel diffikultajiet. Hemm tfeġġ il-qrusa, jibda t-tgergir, xi wħud jibdew jgħidu li hemm il-preferenzi u li s-servizz ma jsirx għal kulħadd l-istess. Dan jiġri anke fil-parroċċi tagħna, fil-familji tagħna, fiċ-ċrieki tal-ħbieb, fl-ambjenti tax-xogħol u tad-divertiment! L-għajnuna tal-komunità lill-persuni fil-bżonn – romol, orfni u fqar ta’ kull tip –, tidher li ssir aktar bil-qalb mal-insara li ġew minn fost l-Ebrej milli mal-oħrajn.
F’dal-Ħadd b’dal-Vanġelu u b’dak li nfakkru, il-Knisja qed issejħilna biex nigglorifikaw il-ħniena bla tarf ta’ Alla u nwiegħdu li nersqu lejn is-Sagrament tal-Qrar b’umiltà u bil-fidi, bir-rieda li ma nidinbux aktar mhux bil-forzi tagħna waħedna, li huma dgħajfa ħafna, imma bl-għajnuna li jtina Hu, aħna u nistqarru dnubietna u nħabbtu fuq sidirna x’ħin nirreċitaw l-att tal-indiema. ‘Mea culpa.’
L-aktar ħaġa importanti hi li l-akbar proponiment li nistgħu nagħmlu meta nqerru hu li kull fejn inkunu nġibu ruħna bħala nies ta’ paċi, ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ djalogu għax kif ngħidu bil-Malti hu l-eżempju li jkaxkar.
“Mulej tiegħi u Alla tiegħi” stqarr Tumas wara li emmen għax ra u mess b’idejh. Stqarrija ta’ fidi sħiħa għax ra biex emmen. Din il-ġakulatorja ntennuha regolarment waqt il-konsagrazzjoni meta minkejja li naraw ħobż u nbid, nemmnu bil-fidi li hemmhekk hemm il-veru Ġisem u Demm ta’ Kristu, ħaj u veru.
L-Ewkaristija u l-Qrar huma l-għajn tal-ħajja tagħna u r-riżoluzzjoni li għandna nagħmlu aħna u nirriflettu fuq dal-Vanġelu, hi li nersqu bl-umiltà u l-fiduċja lejn dawn l-għejun biex nixorbu ħalib u għasel bla ħlas u bl-abbundanza.
L-Atti tal-Appostli huma l-kontiwazzjoni tal-missjoni mibdija minn Kristu. Fihom naqraw fl-ewwel qari tal-liturġija tal-Ħadd li ġej li d-dixxipli kienu jżommu sħiħ mat-tagħlim tal-appostli, kienu magħqudin behniethom, jaqsmu l-ħobż u l-ħtiġijiet u jitolbu flimkien. Dawn huma l-erba’ ingredjenti li jagħmel n-Nisrani awtentiku. Ma nistgħux ngħidu li aħna nibbrillaw f’kull aspett minn dawn imma l-impenn tagħna biex nipperfezzjonaw dawn l-erba’ ingredjenti tan-Nisrani veru hi t-triq li twassalna għall-ħajja vera, mhux dik li tispiċċa hawn fl-art imma dik li tibda meta l-eżistenza fiżika tagħna tintemm biex nibdew il-ħajja li qed naħdmu għaliha, il-ħajja ta’ dejjem flimkien ma’ Kristu li sar bniedem bħalna biex jeħodna miegħu fid-dar tal-Missier.
Il-laqgħa ntemmet bit-talba tal-Missierna u bi stedina għal ġimgħa oħra għall-laqgħa oħra ta’ Prayer Cafè. Din id-darba se tkun immexxija minn Fr Hayden Williams li se jkellimna dwar il-Madonna ta’ Fatima. Nistennewkom : )