Nicolette Aquilina – Żagħżugħa tas-Sena 2019
Il-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2019 organizzat mill-Moviment Kerŷgma intrebaħ minn Nicolette Aquilina minn Ħal Luqa. Ir-rebbieħ tal-premju, li huwa sponsorjat minn APS Bank, ġie mħabbar mid-Direttur Ġenerali tal-Moviment Kerŷgma, Fr. Ivan Attard OP. nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Frar 2020.
L-Eċċellenza Tiegħu Dr. George Vella, President ta’ Malta, u l-mara tiegħu attendew għal din iċ-ċerimonja u għall-quddiesa li tqaddset fil-Knisja ta’ San Duminku r-Rabat. Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm is-Sinjura Tania Borg, Viċi-President tal-Moviment Kerŷgma, is-Sur Jeremy Vassallo jirrapreżenta lil-APS Bank u mistednin oħra.
“Nicolette Aquilina hija żagħżuha ta’ 23 sena minn Ħal Luqa u hija studenta gradwata mill-Universita’ ta’ Malta. Tul l-aħħar 9 snin li daħlet membru taċ-Ċentru taż-Żgħażagħ ta’ Ħal Luqa hija kienet ta’ ispirazzjoni u għajnuna kbira għaż-żgħażagħ l-oħra. Il-ħeġġa u l-ħidma tagħha għenet biex il-grupp li kien niżel għal 4 membri biss sal-2016 issa reġa’ żdied għal 40 membru reġistrat.
Sentejn ilu Nicolette ġiet eletta unanimament biex timla l-post ta’ Chairperson u ċ-Ċentru kompla jikber kemm spiritwalment u soċjalment taħt il-gwida tagħha. Hija tieħu ħsieb torganizza u tikkoordina numru kbir ta’ attivitajiet u laqgħat kemm edukazzjonali, soċjali u spiritwali tul is-sena kollha. F’uħud minn dawn l-attivitajiet hija tinkludi wkoll il-ġenituri tal-membri kif ukoll għadd ta’ voluntiera oħra, inklużi anżjani Luqin.
Diversi persuni fil-paroċċa ta’ Ħal Luqa u anke l-kumitat fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ ta’ Ħal Luqa jqisu lil Nicolette bħala mudell eżemplari u kif ukoll pilastru għall-komunità lokali. Hija tagħti attenzjoni individwali lil kull membru u ħafna drabi tmur barra minn triqitha sabiex tgħin uħud mill-membri li jkunu għaddejjin minn varji problemi personali.
Nicolette hija wkoll membru tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali kif ukoll membru attiv fil-Każin tal-Banda tal-Unjoni. Bħala chairperson taċ-Ċentru taż-Żgħażagħ hija ressqet il-kunċett li taqsam il-binja taċ-Ċentru ma’ organizzazzjonijiet oħra li m’għandhom l-ebda tip ta’ infrastruttura fejn jistgħu jiltaqgħu.
F’dawn l-aħħar xhur Nicolette flimkien mal-membri l-oħra tal-kumitat iddeċċedew li japplikaw għal fondi mill-Unjoni Ewropeja biex jirrinovaw il-binja kollha taċ-Ċentru biex b’hekk issir binja moderna, aċċessibbli għas-siġġijiet tar-roti, vivaċi u bi spazju sigur biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jħossuhom siguri u komdi biex jesprimu ruħhom u s-sentimenti tagħhom. Dan se jkun pass kbir għaċ-Ċentru taż-Żgħażagħ peress li se jingħata dehra ferm isbaħ b’teknoloġija moderna u b’hekk wieħed jittama li jattira aktar żgħażagħ ġodda minn kull sfera tas-soċjeta’ lejh.”
Iż-żgħażagħ nominati għall-Premju Żagħżugħ 2019 kienu: Nicolette Aquilina minn Ħal Luqa, Jean-Claude Borg mill-Imsida, Nathan Borg mis-Siġġiewi, Amy Chetcuti minn Senglea u Martina Livori minn Bormla.
Dan it-trofew jingħata kull sena f’ġieħ il-mejjet Dr Rudolph Saliba li kien l-ewwel president tal-Moviment Kerŷgma. L-Eċċellenza Tiegħu Dr George Vella feraħ lil l-Moviment Kerygma għall-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment annwali fejn jesponu il-ħidma volontarja ta’ tant żgħażagħ. Huwa qal li minn mindu laħaq President baqa impressjonat jara tant żgħażagħ kommessi jagħmlu xogħol volontarju. Bħala eżempju, semma il-mijiet ta’ żgħażagħ li jiġu jgħinu fl’attivitajiet organizzati mill-Malta Community Chest Fund. Dan jagħmluh għalkemm illum mhux faċli minħabba x-xogħol jew l-istudji tagħhom. B’danakollu xorta jirnexxielhom jagħmlu il-ħin biex jgħinu lil ħaddieħor u jagħmlu dan b’tant enerġija u dedikazzjoni.
Il-President qal ukoll li anke ħaddiema imħallsin normali jistgħu jiġu kkunsidrati li qed jagħmlu volontarjat meta, per eżempju, jkun hemm carers jew nurses li jagħtu qalbhom lil pazjenti tagħhom b’tant dedikazzjoni u mħabba lil hinn ħafna min dak mistenni minnhom.
Huwa qal ukoll li aspett importanti tal-organizzazzjonijiet voluntarji kienet li liż-żgħażagħ irawmulhom valuri kbar u b’hekk isiru ċittadini rispettabbli għal benefiċċju finali tal-pajjiż.
Dr Vella f’aħħar feraħ li ħames nominati u nkuraġġihom biex ikomplu bix-xogħol voluntarju tagħhom mhux biss biex jgħinu lil ħaddieħor fil-bżonn imma wkoll biex jibqgħu miġburin u ma jintilfux f’distrazzjonijiet negattivi