Prayer Café #6 (32 Ħadd Ċ)
32 Ħadd ta’ matul is-sena – Il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru 2013
Il-laqgħa infetħet bil-kanzunetta ‘Christ is enough for me’. Il-messaġġ tagħha huwa ċar.
Wara Fr. Charles qal kelmtejn qabel inqara l-vanġelu. Dan kien jgħid hekk.
Fidi: Ħadd u xejn m’għandu jdawwarni. Nissaħħu f’din il-qawwa li kull wieħed u waħda minna għandu meta nemmnu. Importanti ħafna li l-fidi tagħna tista’ tikber meta NISIMGĦU l-Kelma t’Alla. Imma l-fidi tagħna tissaħħaħ meta aħna NXANDRUHA, meta int ma tistħix tgħid li int NISRANI. Hu x’inhu x-xogħol tiegħek ta’ kuljum fil-qadi ta’ dmirijietek.
Hekk kif imbagħad inqara l-vanġelu, Fr. Charles kompla mill-ġdid. Dan il-vanġelu kien test kif ukoll nasba tas-sadduċej għal Ġesù. Dawn kienu nies li ma kienux jemmnu fil-qawmien mill-imwiet. Ġesù jgħidilna l-fehmiet tiegħi mhux fehmietkom u t-triqat tiegħi mhux triqatkom. Ġesù qed jgħidilna f’dan it-test, b’mod indirettament, li aħna mwaħħlin mal-art. Ġesù jridna ngħixu għas-sema. Ma jfissirx li ngħixu fil-qamar, jew li ngħixu distratti. Ġesù jridna ngħixu verament bħala bnedmin imma naħsbu bħalu. U din hija l-QABŻA fil-KWALITA’ fil-ħajja tagħna int min int. Irridu nafdaw fiH. Irridu naħsbu bħal Ġesù, ngħixu bħalu minkejja d-diffikultajiet fil-ħajja tagħna ta’ kuljum li jistgħu jkunu mard, dwejjaq, solitudni eċċ. Ġesù qatt u qatt m’hu sa jħallina waħidkom. Ġesù qed jgħidlek – kuraġġ qum fuq saqajk. Postok fis-sema, imma għalissa trid timxi fl-art.
Din it-tradizzjoni Ġudajka tal-Lhud għadha teżisti sal-lum – li l-aħwa jiżżewġu l-mara ta’ ħuhom meta ħuhom jmut. Jisforzawhom biex jiżżewġu u Ġesù qed jirrakkonta dan il-fatt biex propju jurina li aħna ma nistgħux nibqgħu biss naħsbu fuq il-livell uman. Kif? Meta aħna rċevejna s-sagrament tal-magħmudija, u kull sagrament ieħor, Ġesù qed jgħollina tarġa biex aħna nibdew naħsbu bħalma jaħseb Hu. Hawnhekk tibda l-maturita’ tal-fidi tagħna – il-maturita’ tal-fidi nisranija – meta nibdew naħsbu bħal Ġesù.
Fr. Charles semma x’jgħid il-Papa Franġisku: Hu jgħid li biex aħna nitnaddfu u b’hekk inħossuna viċin Ġesù hemm bżonn li nqerru. NQERRU u nqerru SEW u TA’ SPISS. Mhux għall-okkazzjoni biss. Hemm bżonn li nqerru biex nikbru. Il-qrar huwa fejqan. U din li qed jgħidlina Ġesù, biex ma nibqgħux naħsbuha bħala bnedmin. Ġesù qed jgħidilna li fis-sema ser inkunu qed ngħixu fi stat ieħor; differenti minn tagħna fuq l-art, il-ġisem tagħna jindifen u nqumu f’ġisem spiritwali “daqs li kieku anġli” (Lq 20:36) . Dan hu l-qawmien mill-mewt.
Il-kultura preżenti tagħna tgħidilna “għix il-preżent għax għada ma tafx x’sa ssib. Gawdi llum għax għada ma tafx x’ġej.” Din hija kultura li totalment teqred ir-ruħ tal-bniedem. Kultura li tisfiduċjak għall-futur. Kultura li llum tagħtik kollox, inkluż il-liġijiet; li tagħmel il-bniedem komdu għal ftit minuti mingħajr ma tħallik tħares lejn il-futur tiegħek, li jfisser l-eternita’ – dik li ma tintem qatt. Din hi l-bidla li rridu nagħmlu aħna f’ħajjitna. Aħna rridu nħarsu ’l quddiem b’fiduċja kbira u li kull ħaġa li nagħmlu f’din l-art ħa tħalli riperkussjoni fis-sema. Alla sa jħallsek bl-eternita’. Alla mhux kattiv. Alla hu għani fil-ħniena. Il-kalkoli tal-Mulej jagħmilhom hu mhux aħna. Irridu nħallu ħin u spazju lil Alla. Ġesù ser isaqsina: “Int għextni f’ħajtek? Żammejtni ħaj? Xandartni?” Meta kontiwament nitolbu lil Ġesù, ħajjitna tinbidel. [pullquoteright]Meta kontiwament nitolbu lil Ġesù, ħajjitna tinbidel[/pullquoteright]
L-istatwi mhux qegħdin hemm għalxejn imma biex jgħinuna. Għandna wkoll l-Ewkaristija li hija ħajja u tidħol fina. Alla tagħna mhux Alla tal-mejtin imma tal-ħajjin. Għandna dmir spiritwali li nitolbu għal mejtin imma Alla hu tal-ħajjin. Ma nibżgħux nagħtu spażju lil Alla f’ħajjitna għax Alla tagħna huwa Alla tad-dawl, huwa Alla ħaj.
Riflessjoni tal-għeluq
Tribujiet u nazzjonijiet oħra, per eżempju, l-Eġizzjani tal-qedem, kienu jħallu affarijiet u oġġetti prezzjuzi oħra ma’ dik il-persuna li jkunu difnu. Dan sabiex l-istess persuna mejta tkun tista’ tagħmel użu minnhom fil-ħajja ta’ wara din tad-dinja. Donnhom kienu jaħsbu li l-ħajja wara l-mewt ser tibqa’ tkompli bla tibdil.
Uħud mis-Saduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, labgħbuha li huma wkoll kienu jemmnu li l-ħajja wara l-mewt ser tibqa’ tkompli bla tibdil, u staqsew lil Ġesù ta’ min tkun l-mara li żżewġet lis-seba’ aħwa. Dan għamluh biex jippruvaw jaqbdu lil Ġesù f’nassa għax is-Saduċej ma kienux jemmnu li wara l-mewt hemm ħajja oħra.
Ħafna mill-bnedmin ukoll għandhom (jew aħjar ngħid ‘għandna’) it-tendenza li ngħixu qiesu li wara mewtna jispiċċa kollox. Iżda r-rejalta hija li ġisimna biss imut. Aħna nibqgħu ħajjin, nħallu lil ġisimna u ngħaddu minn esperjenza ta’ ħajja differenti minn dik li konna nafu. Ma jkollniex bżonn aktar ta’ dawk l-affarijiet li qabel kellna bżonn. Anke s-sess ta’ ragel jew mara, li bħalissa għandna, jispiċċa. Aħna nsiru bhall-Anġli – Spirti flimkien ma’ Alla.
[pullquoteright]”B’riħ jew riefnu minn hawn irridu nsiefru!” Qawl Malti[/pullquoteright] Noqgħodu attenti, mela, biex dak li Alla jipprovdilna, nużawh b’mod tajjeb u ġust għalina w għal oħrajn. Ftakru li meta, kif jgħid qawl Malti, “b’riħ jew riefnu minn hawn irridu nsiefru”, magħna m’aħna ser nieħdu xejn. Jgħoddu biss l-azzjonijiet li nkunu għamilna tul il-ħajja li nkunu għixna hawn fid-dinja.