Priedki

GĦAJTA FAVUR IL-FAMILJA – Il-Familja Mqaddsa – Il-Ħadd 29 ta’ Diċembru 2024

December 26, 2024

Il-Familja Mqaddsa

GĦAJTA  FAVUR  IL-FAMILJA

Bin Sirak 3, 2-6, 12-14; Salm 127, 1-5; Kolossin 3, 12-21; Luqa 2, 41-52

Il-Vanġelu

     Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa ta’ l-Għid. Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skond id-drawwa ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu.  Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.

     Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. Kif rawh, nstamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!”  U hu qalilhom: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” Iżda kliemu ma fehmuhx.  Mbagħad niżel magħhom u raġa’ mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn  il-ħwejjeġ kollha.  U hekk Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.

William Holman Hunt, The Finding of the Saviour in the Temple

Il-Ħsieb

     Il-Festa tal-Familja Mqaddsa llum u l-liturġija tal-kelma jġegħluna naħsbu fuq il-mod li qed jgħixu bih il-familji tal-lum.  Il-messaġġ huwa wieħed u ċar.  Kull membru tal-familja jrid jgħix fid-dawl tar-rieda ta’ Alla u għalhekk, kontinwament, irid jagħraf li kull azzjoni tiegħu trid tkun immexxija mill-Mulej.  B’hekk biss il-familja tinżamm magħquda.  B’hekk biss il-familja tista’ tikber flimkien u toħloq ambjent li kontinwament fil-ferħ u fin-niket tinħass il-preżenza ta’ Ġesù f’nofs l-istess familja.

Il-Kelma

     L-Ewwel qari, meħud mill-Ktieb ta’ Bin Sirak, juri l-mod kif wieħed għandu jaqdi lill-ġenituri tiegħu b’mod speċjali fi xjuħithom.  Fihom irid jara l-preżenza ta’ Alla.  Huwa kmandament li mhux biss jgħolli d-dinjità ta’ min jiġi kkurat iżda wkoll ta’ dak li jikkura u jaqdi.  Fis-Salm Responsorjali minn Salm 127 għandna għajta ta’ tifħir għal dawk li jibżgħu mill-Mulej u li jimxu fit-triqat billi jwettqu r-rieda ta’ Alla.  Fit-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin, nisimgħu lil San Pawl jisħaq dwar il-mod ta’ ħajja li l-Insara jridu jgħixu bejniethom u l-għajta tiegħu biex jaħfru lil xulxin.  Dan għandu jseħħ bir-rispett u l-qadi nisrani fil-familja.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa nsibu lill-ġenituri ta’ Ġesù jfittxuh meta ntilef fit-tempju u Ġesù jerġà jmur magħhom, iżda jgħidilhom li hu ġie biex iwettaq ir-rieda tal-Missier.

Il-Ħajja

  1. Il-familja tagħna għaddejja minn bidliet. Għadna narawha fid-dawl ta’ familja nisranija?  Kemm qed infittxu u nħossu l-preżenza ta’ Ġesù f’nofs il-familji tagħna?
  2. Kif qed inħarsu lejn il-proġetti tal-familjari tagħna? Inħallu spazju għall-id ta’ Alla biex taħdem f’kull membru tal-familja?
  3. Qegħdin niżirgħu f’uliedna, fil-ġenerazzjoni li tiela’, sens ta’ fiduċja u sigurtà fl-għemil tal-membri tal-familja, ibbażati fuq il-valur sodi nsara ta’ mħabba u għaqda?
  4. Il-familja hija knisja żgħira, itenni l-Papa Ġwanni Pawli II. Qed inħallu mumenti ta’ talb li jgħaqqdu l-familja tagħna?

 

Id-Djalogu

Mulej, ixħet ħarstek u l-barka tiegħek fuq il-familji tagħna,

agħmel li nfasslu l-pjani tagħna madwar il-mejda tiegħek,

sabiex inwettqu, anki fil-mumenti tal-problemi u tas-slaleb,

ir-rieda tiegħek fil-familja tagħna, fuq l-eżempju ta’ Nażaret

read more

SAR LAĦAM! – Il-Milied

December 19, 2024

Il-Milied

SAR LAĦAM!

Isaija 52,7-10; Salm 97; Lhud 1, 1-6; Ġwanni 1, 1-18

 

Il-Vanġelu

Fil-bidu kien il-Verb,

u l-Verb kien ma’ Alla,

u l-Verb kien Alla.

Hu kien fil-bidu ma’ Alla.

Kollox bih sar,

u xejn ma sar mingħajru; 

kull ma sar kellu l-ħajja fih,

u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.

Id-dawl jiddi fid-dlam,

imma d-dlam ma għelbux.

 

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla,

jismu Ġwanni.

Dan ġie bħala xhud,

biex jixhed għad-dawl,

biex bih kulħadd jemmen.

Ġwanni ma kienx id-dawl,

imma ġie biex jixhed għad-dawl,

dak id-dawl veru,

li jdawwal kull bniedem, 

huwa u ġej fid-dinja.

Kien fid-dinja,

u d-dinja saret bih, 

imma d-dinja ma għarfitux.

Ġie f’daru,

u niesu ma laqgħuhx.

Imma lil dawk li laqgħuh

tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, 

dawk li jemmnu f’ismu,

li twieldu mhux bid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.

 

U l-Verb sar bniedem u għammar fostna,

u aħna rajna l-glorja tiegħu, 

il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni,

mimli bil-grazzja u l-verità.

Ġwanni ta xhieda fuqu

meta għajjat u qal:

“Dan hu li għalih għedtilkom, 

‘Jiġi warajja, imma hu aqwa minni, 

għax kien minn qabli.’ “

Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna,

grazzja fuq grazzja.

Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè

imma l-grazzja u l-verità 

seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu.

Lil Alla għadu ħadd ma rah;

imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla,

li hu fi ħdan il-Missier.

 

Il-Ħsieb

“Ilkoll flimkien jgħajtu bil-ferħ, għax raw b’għajnejhom il-Mulej.”  Huwa l-jum li fih ilkoll nifirħu għax il-Mulej ġie fid-dinja biex isalvana, biex idawwal bid-dawl tiegħu d-dlamijiet li ħakmu l-bniedem u l-ħolqien minħabba d-dnub.  Ilkoll kemm aħna nifirħu li Ġesù ġie fid-dinja minkejja li mill-bidunett id-dinja ma laqgħetux.  Fil-festa tal-lum, tat-twelid tal-Messija, irridu nagħrfu tassew sà fejn twassal il-ħniena u l-imħabba kbira li Alla għandu għall-bniedem.  Hija mħabba li minkejja li l-bniedem ħadha kontra Alla, minkejja li l-bniedem ġarraf il-proġetti ta’ Alla biex sema’ mill-ħażen, minkejja li l-bniedem iwettaq kull kompromess immaġinabbli, Alla jibqa’ jħobbna bl-abbundanza.  Bagħat lil Ibnu fid-dinja.  X’seta’ bagħat aktar?  “Raw tassew it-truf kollha ta’ l-art is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.”  Raw it-truf kollha ta’ l-art is-salvazzjoni permezz ta’ tarbija ċkejkna li titwieled fi stalla ta’ l-annimali għax il-bnedmin mill-bidunett tal-miġja tiegħu fid-dinja għalqu qlubhom għalih.

Irridu nifirħu llum mhux bil-ferħ tal-materjaliżmu u l-kummerċ.  Irridu nifirħu llum jekk skoprejna li Ġesù twieled fqir din is-sena wkoll, twieled fqir biex aħna nagħtuh minn dak li għandna, nagħtuh il-qalb tagħna, il-kenn tagħna u l-impenn tagħna biex inxandruh.  Il-Mulej ġie fid-dinja biex aħna nkunu salvi.  Illum qed nifhmu din il-ġrajja kbira ta’ mħabba li l-Mulej wettaq ma’ kull wieħed u waħda minna b’mod intimu u personali?  Alla llum kellimna bil-fatti, bi ġrajja, permezz ta’ Ibnu ħaj.  Qed nifhmu tassew il-qawwa ta’ Alla għalina fl-imħabba tiegħu, minkejja li għadna u nibqgħu midinbin?

 

 

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud minn Isaija, għandna r-rakkont li Alla ħeles lill-poplu tiegħu mill-eżilju ta’ Babel u qed imexxih lura lejn art twelidu.  Il-ħabbára qed jiġru quddiem biex jagħtu din l-aħbar ta’ ferħ.  Alla ġej biex jifdi, ifarraġ , isalva u jagħti l-paċi.  Fis-Salm Responsorjali, Salm 97, għandna tifħir ’l Alla għat-twelid tal-Messija li bih il-ġnus kollha jistgħu jsibu u jilqgħu s-salvazzjoni.  Fit-Tieni Qari għandna l-bidu ta’ l-Ittra lil-Lhud li l-Kelma ta’ Alla lill-bniedem laħqet il-quċċata tagħha fi Kristu Ġesù.  Fil-Vanġelu llum San Ġwann jurina li l-“għerf” u l-“kelma” huma persuna ħaġa waħda mal-Missier u fl-istess ħin magħżula minnu.

 

Il-Ħajja

Alla jħobbna bil-ġrajjiet, mhux bil-paroli kif nagħmlu aħna miegħu u ma’ xulxin.  Illum fil-festa tal-Milied irridu niftakru li l-Iben t’Alla sar bniedem u għammar fostna.  Għammar fostna biex aħna nkunu salvi, biex nifhmu aktar l-imħabba ta’ Alla u biex ngħixu din l-imħabba mhux b’xi karità fil-Milied iżda fuq kollox billi ilkoll kemm aħna naċċettaw li Ġesù jidħol fil-qalb tagħna u fil-ħajja tagħna biex jibdilna.  Illum insibu ftit ħin quddiem Ġesù Bambin u nistqarru miegħu t-tajjeb u l-anqas tajjeb tagħna.  Kemm tassew qed inħalluh jibdel il-qalb tagħna biex bħalu ngħinu u nħobbu mingħajr kundizzjoni?

 

Id-Djalogu

Mulej, inti ħabbejtna mingħajr kundizzjoni.

Għinni biex jiena wkoll inħobb il-proxxmu tiegħi

Kull ħin.

read more

MARIJA MARRET TĦAFFEF – Ir-4 Ħadd tal-Avvent – 22 ta’ Diċembru 2024

December 14, 2024

Ir-4 Ħadd ta’ l-Avvent

MARIJA  MARRET  TĦAFFEF

Mikea 5:1-4a; Salm 79; Lhud 10:5-10; Luqa 1,39-45

Il-Ħsieb

     F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu;  u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Mbierka inti fost  in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!  U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?  Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ.  Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!”

 

Il-Ħsieb 

Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!

Wasalna biex niċċelebraw il-festa tat-twelid ta’ Ġesù.  Nistgħu ngħidu li issa l-preparazzjonijiet waslu fl-aħħar u kulħadd lest biex jiċċelebra u jiċċelebra bil-kbir.  Iżda x’se niċċelebraw?  Se niċċelebraw festa pagana jew festa li nfakkru lil xi ħadd li ġie fil-faqar tad-dinja, u d-dinja, jiġifieri aħna, ma lqajniehx mill-bidunett?  Kif se niċċelebraw il-festa ta’ din is-sena?  Kemm se niftakru li fil-Milied il-Mulej Ġesù ftaqar biex aħna nsiru sinjuri?  Il-liturġija tal-lum timmarka proprju dan il-fatt:  li meta naċċettaw li Ġesù se jitwieled għalina jfisser li aħna rridu naċċettaw li nservu lil ħaddieħor…. u mhux bit-tnikkir u l-lajma iżda malajr.  Irridu nħaffu fil-qadi tal-proxxmu tagħna kif għamlet Marija meta marret għand Eliżabetta.  Marija mhux biss wieġbet bil-kelma iva għal dak li ried minnha l-Mulej, iżda wettqitu bil-fatti billi marret tgħin lil min kien fil-bżonn-Eliżabetta.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Mikea li, fis-seklu sebgħa qabel Kristu,  iħabbar fejn kellu jitwieled il-Messija, imwiegħed biex jifdi l-poplu tiegħu u jġib is-sliem lid-dinja kollha.  Betlem ta’ Efrata ma kellhiex tfisser biss il-post ġeografiku iżda li Ġesù kellu jitwieled mir-razza ta’ David.  Is-Salm 79 jurina li fit-tiġrib tagħna nsejħu bla heda lill-Mulej biex jerġa’ jiġi jżurna ħa jreġġagħna għalli konna billi jiddi fina bid-dawl tiegħu.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra lil-Lhud naraw kif is-sagrifiċċju ta’ Kristu jisboq is-sagrifiċċji qodma kollha.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna ż-żjara li Marija għamlet biex taqdi lil Eliżabetta.

 

Il-Ħajja

  1. Kemm serviena dan iż-żmien ta’ l-Avvent għal bidla radikali lejn Ġesù u mhux biss aljenazzjoni ta’ tiżjin?
  2. Kemm f’dan il-Midlied se ssib okkażjoni li xxammar il-kmiem u tgħin lil xi ħadd fil-bżonn?
  3. Kemm qed taħdem biex dan ikun tassew Milied fejn Ġesù jitwieled fil-qalb tiegħek u inti twelldu bl-eżempju tiegħek fl-ambjent li tgħix fih?
  4. Marija marret tħaffef biex taqdi.  Inti kif qed tagħti sevizz lill-proxxmu tiegħek…. bit-tnikkir, bilfors jew xejn?

Id-Djalogu

Mulej, għinni nservik

fil-proxxmu tiegħi,

għinni biex bl-eżempju tiegħi

nkun tassew strument ta’ għaqda

u fiduċja fik u f’ta madwari.

read more

X’GĦANDNA NAGĦMLU? – It-3 Ħadd ta’ l-Avvent – 15 ta’ Diċembru 2024

December 13, 2024

It-3 Ħadd ta’ l-Avvent

X’GĦANDNA NAGĦMLU?

Sofonija 3:14-18; Isaija 12:2-6; Filippin 4:4-7; Luqa 3:10-18

Il-Vanġelu

     In-nies kienu jistaqsuh u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?”  U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess.” Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?” U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu.” Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?” U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-tehdid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom.”

     Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija.  Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor  il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.” U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu  l-bxara t-tajba.

 

Il-Ħsieb

In-nies staqsew lil Ġwanni domandi li jiena u inti forsi nistaqsu ta’ spiss… “Imma x’għandna nagħmlu?”  Hija domanda li turi li f’din l-istennija ta’ l-Avvent irridu naħdmu bis-serjetà fuq il-ħajja tagħna lkoll.  Naħdmu bis-serjetà billi lkoll kemm aħna nippruvaw niġġeddu u niċċaħħdu ftit minn tant affarijiet li llum nieħdu for granted.  Kemm qed tersaq lejn il-qrar u t-tqarbin u fl-istess ħin tgħix fil-familja jew fil-komunità tiegħek il-bidla li sseħħ fik?  Kemm tassew qed nagħtu kas tal-proxxmu tagħna?  Kemm tassew qed inkunu retti meta nobdu l-liġijiet?  Kemm qed nifhmu, naċċettaw u ngħixu l-kelma ta’ Alla fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, bil-waqgħat u d-dgħufija tagħna?

Il-persuna u d-diskors ta’ Ġwanni l-Battista huma għalina lkoll ċanfira u fl-istess ħin sfida.  Ċanfira għall-mod ta’ ħajja li ħafna drabi nkunu ntlaqna għaliha, u fl-istess ħin sfida għal dak kollu li rridu nqaċċtu minna nfusna biex niġġeddu f’dan l-Avvent.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija, itenni li l-Mulej Alla tiegħek qiegħed f’nofsok.  Il-profeta jtenni li s-salvazzjoni se tasal għal dawk li bl-umiltà jaċċettaw il-Mulej.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Isaija, huwa għanja ta’ ferħ għax il-Mulej jinsab f’nofs il-poplu tiegħu u għalhekk huwa l-kenn u s-salvazzjoni ta’ l-istess poplu, jiġifieri anki tagħna lkoll.

It-Tieni Qari tal-lum mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin, iħeġġiġhom biex ikomplu jitolbu għax il-Mulej qorob.  Huwa l-Mulej li se jagħti s-sliem li jibqa’.  Fil-Vanġelu ta’San Luqa għandna t-twissijiet li Ġwanni l-Battista kien jagħti filwaqt li jxandar il-Bxara t-Tajba.  Huma twissijiet li jgħoddu anki għalina llum u għalhekk ta’ min jaqrahom diversi drabi fil-kwiet.

Il-Ħajja 

  1. It-twissijiet li jagħti Ġwanni l-Battista jħeġġuna nagħmlu reviżjoni tal-mod li bih qed ngħixu l-ħajja tagħna nisranija.
  2. F’din l-istennija tagħna, aħna marbutin aktar ma’ Alla jew ma’ oġġetti u persuni f’din id-dinja?
  3. Kemm tassew ilkoll kemm aħna qed nifhmu li ma nistgħux nagħmlu progress spiritwali jekk, bħalma jtenni San Pawl lill-Filippin, ma nitolbux u ma ninqatgħux mill-oġġetti ta’ din il-ħajja biex jikber fina s-sliem ta’ Kristu? 
    ALLA JIBQA’ JHOBBNA
  4. Minkejja d-dnubiet u d-dgħufija tagħna, ALLA JIBQA’ JHOBBNA.  F’din l-istennija ta’ l-Avvent ejjew induru lejh biex jurina t-triq ta’ tiġdid kontinwu biex insiru nħobbuh aktar bis-serjetà fl-għemil tagħna ta’ kuljum.

Id-Djalogu

Ifirħu dejjem fil-Mulej,

nerġa’ ngħidilkom ifirħu…

Il-Mulej qorob!

read more

NEĦĦU N-NIKET! – It-2 Ħadd ta’ l-Avvent – Sena Ċ – 8 ta’ Diċembru 2024

November 25, 2024

It-2 Ħadd ta’ l-Avvent

NEĦĦU N-NIKET!

Baruk 5:1-9; Salm 125; Filippin 1:4-6; 8-11; Luqa 3: 1-6

Il-Vanġelu

Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka ta’ l-artijiet ta’ l-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta’ Abileni, fiż-żmien meta l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir kien f’idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert. U ġie fl-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet, kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta’ Isaija:

Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:

Ħejju t-triq tal-Mulej,

iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.

Kull wied jimtela,

kull muntanja u għolja titbaxxa,

il-mogħdijiet mgħawwġa jiddrittaw,

u t-triqat imħarbta jitwittew.

U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla

Il-Ħsieb

     Hemm bżonn li nneħħu n-niket u noħorġu fil-beraħ inxandru l-miġja tal-Mulej fostna.  Hemm bżonn li nimitaw lil Ġwanni l-Battista u mmorru kontra l-kurrent tas-soċjetà tagħna.  Soċjetà li fiha t-tajjeb iżda soċjetà li ħafna drabi jkaxkarna l-kurrent tagħha ta’ suspetti, għira u konsumiżmu.  F’dan it-tieni pass ta’ stennija ta’ l-Avvent irridu niftħu għajnejna.  Bħala Nsara ma nistgħux noqogħdu neqirdu u nitnikktu għax id-dinja ħżienet.  Hemm bżonn inkunu nies ta’ tama f’dinja li qed titqal bid-disperazzjoni.  U dan huwa l-messaġġ qawwi ta’ Ġwanni l-Battista llum:  INĦEJJU T-TRIQ GĦALL-MULEJ.  Aħna rridu nħejjuha bil-ħajja tagħna fuq it-tagħlim ta’ l-istess Imgħallem tagħna.  Alla huwa dak li se jmexxina fil-ferħ fid-dawl tas-sebħ tiegħu, kif naqraw mill-Profeta Baruk fl-Ewwel Qari tal-lum.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari meħud mill-Ktieb tal-Profeta Baruk, il-profeta jimmaġina li qed jikteb fi żmien meta l-poplu Lhudi kien fl-eżilju f’Babel.  Filwaqt li jagħraf il-ħażen u l-ħtija li kien wettaq il-poplu Lhudi, huwa jfarraġ lill-poplu u jqawwilu qalbu.  Itennilu li għandu dejjem iħares il-liġi ta’ Alla.  Huwa diskors ta’ kuraġġ għal dak li Alla għamel ma’ Ġerusalemm.  Fis-Salm Responsorjali meħud minn Salm 125, għandna għanja ta’ ferħ għal dak li wettaq il-Mulej mal-poplu Lhudi meta ħelsu mill-mument iebes ta’ l-eżilju.  Fit-Tieni Qari, fl-Ittra lill-Filippin, San Pawl, li kien qed jikteb mill-ħabs, jirringrazzja lin-nies ta’ Filippi għall-għajnuna li kienu tawh u jgħidilhom li huwa għadu jitlob għalihom għalkemm ’il bogħod minnhom.  Fil-Vanġelu tal-lum San Luqa jurina li Ġesù huwa parti mill-istorja mhux biss tal-poplu Lhudi iżda wkoll mill-istorja tal-bnedmin, tagħna lkoll.  Dan jagħmlu billi jdaħħal lil Ċesari u lil oħrajn li ma kinux Lhud.  L-importanti huwa l-indiema tal-qalb u l-maħfra li jagħti l-Mulej.  Dan huwa l-messaġġ ta’ Ġwanni l-Battista.

Il-Ħajja

  1. Qegħdin fit-tieni pass ta’ l-istennija tagħna fl-Avvent. X’qed nagħmlu biex nersqu lejn il-Mulej aktar fil-qrib? Qed nitnaddfu mid-dnubiet tagħna?
  2. Ġwanni ma beżax ixandar fil-miftuħ l-indiema u s-salvazzjoni lis-soċjeta tiegħu. Aħna, bħala Nsara, qed ninħbew milli nxandru tassew li żmien is-salvazzjoni qiegħed magħna?
  3. Pawlu lill-Filippin jirringrazzjahom għall-għajnuna li tawh fil-qadi tal-missjoni. Kemm qed ngħinu nies li qed inxandru l-kelma ta’ Alla kull ħin: saċerdoti, missjunarji, lajċi?  Kemm tassew qed nifhmu li l-Mulej għandu bżonn lil kulħadd f’din il-missjoni, speċjalment bit-talb?
  4. Qed tipprova twitti t-triq ta’ ħajtek jekk din tinsab imgħawġa?
  5. Mingħajr biża’, ejjew inkomplu naħdmu f’din l-istennija tal-Mulej!

Id-Djalogu

  Mulej,

  qed inkomplu din il-ħidma tagħna

  f’dan iż-żmien ta’ l-Avvent.

  Għinna, Mulej, biex ilkoll kemm aħna

  nagħrfu li aħna dgħajfa,

  li neħtieġu l-għajnuna tiegħek

  biex inwittu t-toroq tagħna.

  Tħalliniex waħedna, Mulej,

  fl-isforzi li nwettqu

biex inkunu aħjar.

read more

STENNIJA FIL-ĦIDMA – L-1 Ħadd ta’ l-Avvent – Sena Ċ – 1 ta’ Diċembru 2024

November 25, 2024

L-1 Ħadd ta’ l-Avvent

STENNIJA FIL-ĦIDMA

Ġeremija 33:14-6; Salm 24; Tessalonkin 3:12-4,2; Luqa 21: 25-28; 34-36

Il-Vanġelu

      “U jkun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u ta’ l-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa  bil-biża’ billi jobsru x’ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira.  Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.”

      “Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewwtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kull ma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.”

Il-Ħsieb

 

'LEJK MULEJ JIEN NERFA’ RUĦI'
  Xi ħadd jista’ jgħid li bdejna sena liturġika fuq nota negattiva.  Bdejna b’xeni apokalittiċi, nies li jmutu bil-biża’ u bid-dwejjaq.  Is-sena liturġika tiftaħ bl-immaġini ta’ stennija ta’ dak li ġej biex jagħmel ġustizzja f’kull sens.  Dan narawh mhux biss mill-Vanġelu ta’ San Luqa iżda wkoll mill-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija.  Il-Mulej itenni kontinwament li se jġib il-ġid li wiegħed, is-salvazzjoni għal kulħadd, minkejja dak kollu li jidher taqlib fil-ħajja ta’ madwarna.  U hawn, il-messaġġ qawwi li joħroġ mil-liturġija tal-lum mhux messaġġ ta’ biża fl-istennija iżda messaġġ ta’ tama.  Aħna nemmnu jew ma nemmnux li, kif intennu fis-Salm Responsorjali tal-lum, LEJK MULEJ JIEN NERFA’ RUĦI?  Nemmnu jew ma nemmnux li minkejja l-għawġ u t-taqlib ta’ madwarna, fil-Mulej trid tkun it-tama tagħna?  San Pawl ikompli jżid li n-Nisrani jrid jara li kontinwament jinħabb ma’ xulxin u wkoll li naraw li lill-Mulej qed nagħtuh xi ħaġa iżjed ukoll.  Ma nistgħux nimxu mal-Mulej bil-qies għax huwa jimxi magħna bil-Providenza u bl-abbundanza.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija.  Il-profeta qed jikteb waqt l-eżilju ta’ Babel fejn il-poplu Lhudi kien imjassar u ma kien jara l-ebda xaqq ta’ dawl u tama.  Il-profeta jtenni li Alla jġedded il-wegħdiet il-kbar ta’ salvazzjoni li kien għamel qabel din il-ħerba.  Is-Salm Responsorjali, minn Salm 24, itenni l-għajta tagħna li lejn il-Mulej irridu nerfgħu r-ruħ u t-tama tagħna.  Ma għandniex triq oħra ta’ faraġ fejn immorru.  Huwa biss jista’ jkun twajjeb u sewwa.  Fit-Tieni qari, mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin, għandna lil San Pawl jitkellem fuq il-mod kif l-Insara għandhom iħobbu u jġibu rispett lil xulxin kif ukoll li kull Nisrani jrid jara li jagħmel “xi ħaġa iżjed”  għall-Mulej Ġesù.  Il-Vanġelu ta’ San Luqa llum jiddeskrivi t-tieni miġja ta’ Kristu b’setgħa u glorja kbira.  Għall-ħżiena dan se jkun mument ta’ waħx, iżda għal dawk li jittamaw fil-Mulej dan huwa l-waqt tas-salvazzjoni.

Il-Ħajja

  1. Bdejna l-Avvent, stennija għall-miġja tal-Mulej. B’liema mod inti se tiġġedded fil-ħajja tiegħek?  Kemm se ssib aktar ħin għall-Mulej u mal-Mulej?
  2. Ir-relazzjoni tiegħek ma’ Alla fit-talb, fil-qrar u fit-tqarbin se tikber f’din l-istennija ta’ l-Avvent?
  3. Kemm qed nagħmlu dak li jistedinna nagħmlu llum San Pawl fl-Ittra lit-Tessalonkin: “xi ħaġa iżjed għall-Mulej”?
  4. F’dan l-Avvent kapaċi aħna nwettqu b’tama kbira l-konverżjoni tal-qalb biex fil-Milied li ġej Ġesù jitwieled tassew fil-qalb tagħna?
  5. Fl-Avvent u fil-liturġija tal-lum naraw li Alla żamm kelmtu magħna. Aħna x’għamilna miegħu?

Id-Djalogu

  Mulej,

  għinni biex dan iż-żmien ta’ stennija fl-Avvent

  ikun żmien li nafda aktar fik

  u nagħmel xi ħaġa iżjed għalik.

read more

SULTAN LI JSERVI – L-Aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika – 24 ta’ Novembru 2024

November 9, 2024

L-Aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika

Solennità ta’ Sidna Ġesu Kristu, Sultan tal-Ħolqien kollu

IL-POTER TAS-SULTAN… FIS-SERVIZZ!

Danjel 7:13-14; Salm 92;  Apokalissi 1, 5-8; Ġwanni 18: 33b-37

 

Il-Ħsieb

     Pilatu sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan  tal-Lhud?”  Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok? Jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?” Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?” Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi m’hijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati m’hijiex ta’ hawn.” Pilatu qallu: “Mela int sultan?” U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.”

 

Il-Vanġelu

     Illum tintemm is-sena liturġika tal-Knisja bil-festa ta’ Kristu Sultan ta’ l-univers kollu.  Ġesù, bħala Sultan, m’għandux poter li jirrenja iżda poter li jservi, kif naraw fil-Vanġelu tal-lum.  Il-liturġija tal-lum turina fejn tassew tinsab il-qawwa ta’ dan is-Sultan ta’ l-Univers kollu.  Mhix qawwa marbuta ma’ din id-dinja iżda hija qawwa mingħajr limiti għall-eternità.  Biex kiseb din il-qawwa Ġesù daħal fl-univers u miet għall-ħolqien biex seta’ jifdih bl-istess demm tiegħu.  U hawn beda d-djalogu ġdid ma’ l-umanità kollha, miegħi u miegħek.  Kemm tassew aħna grati li l-Mulej mhux biss ħalaqna iżda wkoll fdiena?  Kemm qed ngħixu dak li għallimna hu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum?  Kemm qed nuru tassew li aħna parti minn din is-saltna?

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Danjel fejn is-silta hija applikata għal Ġesù fil-missjoni tiegħu ta’ Sultan.  Kristu ngħata mill-Missier ħakma, ġieħ u saltna biex il-ġnus u l-popli kollha jagħtuh qima.  Fis-Salm Responsorjali li ntennu fis-Salm 92 għandna innu lill-Mulej li llum qed infaħħru bħala s-Sultan tal-Ħolqien, ir-ras ta’ l-umanita l-ġdida.  Fit-Tieni Qari mill-Ktieb ta’ l-Apokalissi għandna kliem li jfaħħar lil Ġesu fil-passjoni, fil-qawmien mill-imwiet u fil-glorifikazzjoni tiegħu bħala sultan fis-sema biex jaħkem fuq il-ħolqien kollu.  Jeħtieġ li l-Insara jkunu ħabbâra tas-Saltna ta’ Kristu.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna silta mill-passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu fejn jiġi mistoqsi jekk hux is-sultan tal-Lhud.  Ġesu jwieġeb li s-Saltna tiegħu mhix ta ‘ din id-dinja.

Il-Ħajja

  1. Aħna pajżana tas-sema pajjiżna. Għalfejn norbtu qalbna ma’ saltna li tgħaddi?
  2. Kemm tassew qed inqimu u naduraw Sultan wieħed fil-ħajja tagħna – Kristu?
  3. Ġesu jridna ngħinuh ixandar il-messaġġ ta’ saltnatu. Kif qed nagħmlu dan?  Kemm qed inkunu nies ta’ kliem u fatti fil-fidi u fil-ħajja tagħna?
  4. Il-Mulej tagħna huwa SULTAN LI JSERVI. X’qed ikun is-servizz tiegħek mal-proxxmu tiegħek?

Id-Djalogu

  Missierna,

  jitqaddes ismek,

  tiġi saltnatek,

  ikun dak li trid int

  kif fis-sema hekk ukoll fl-art.

read more

ĦAJTEK F’IDEJK – It-33 Ħadd Matul is-Sena – 17 ta’ Novembru 2024

November 9, 2024

It-33 Ħadd Matul is-Sena

ĦAJTEK F’IDEJK

Danjel 12, 1-3; Salm 15; Lhud 10,11-14,18;  Mark 13, 24-32

Il-Ħsieb

     “Imma f’dawk il-jiem, wara dawk id-dwejjaq, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu,  il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.

Mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja. U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema. 

“Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.

 “Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier.

 

Il-Ħsieb

     Ix-xeni apokalitiċi li jsemmi Ġesù fil-Vanġelu tal-lum forsi jista’ jkun li jbeżżgħu xi ftit, u tidħol mill-ewwel il-biża’ fik fuq l-aħħar żminijiet tad-dinja.  Iżda Ġesù mhux ibeżża’ jrid iżda jiftħilna għajnejna, jgħidilna li Alla huwa magħna u ħajjitna hija f’idejna bid-deċiżjonijiet li rridu nieħdu.  Ġesù jwissina biex nagħrfu s-sinjali taż-żminijiet biex naħdmu kemm jista’ jkun sabiex inwettqu kull ħin ir-rieda tal-Mulej fil-ħajja tagħna.  Il-Mulej ma jridx biża’, iżda fidi u ħidma.

     Illum Ġesù jfiehem lill-komunita ċkejkna tiegħu dwar it-tieni miġja tiegħu fil-glorja.  “Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jasal”, jgħid Ġesù.  Għalhekk “kunu mħejjija”, tgħidilna l-Knisja f’dan il-Ħadd.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Danjel, juri li dawk li isimhom huwa miktub fil-Ktieb tal-Ħajja, jiġifieri dawk li ma rabtux qalbhom mal-ħażen, se jkunu salvati.  Dawn jirtu l-Ħajja ta’ Dejjem.  Is-Salm Responsorjali, permezz ta’ Salm 15, itenni li għand il-Mulej hemm il-ħarsien u l-kenn tagħna.  Fit-Tieni Qari tal-lum, mill-Ittra lil-Lhud, insibu li permezz tas-sagrifiċċju uniku tiegħu Kristu kiseb ir-rebħa fuq l-għedewwa tagħna.  Fil-Vanġelu, meħud minn San Mark, Ġesù jkellem lill-Appostli dwar il-jum tal-miġja tiegħu u jfehimhom kif għandhom iħejju ruħhom għal dan il-jum.

Il-Ħajja

  1. Kemm tassew aħna mħejjija biex immorru niltaqgħu mal-Mulej?
  2. Kemm tassew qed nifhmu li l-Mulej kontinwament qed jiġri warajna biex jgħannaqna miegħu?
  3. Kristu huwa l-unika għajn ta’ salvazzjoni għalina. Qegħdin nixorbu minn din l-għajn?
  4. L-aħħar taż-żmien ibeżżagħna. Għaliex?  Għadna marbutin wisq ma’ din id-dinja?

Id-Djalogu

  Mulej, inti ġejt u rġajt ġej,

  biex teħodna miegħek,

  nitolbok li ma tħallinix nintilef

  wara ideali li jintemmu fuq din l-art.

  Agħmel li l-ideal ta’ ħajti

  jkun bis Inti.

read more

ATTENTI MILL-IPOKRITI – It-32 Ħadd Matul is-Sena -10 ta’ Novembru 2024

November 2, 2024

It-32 Ħadd Matul is-Sena

IFTĦU GĦAJNEJKOM MILL-IPOKRITI

1 Slaten 17, 10-16; Salm 145; Lhud 9, 24-28; Mark 12, 38-44

Il-Vanġelu

     Hu u jgħallimhom qal ukoll: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez,  u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa.” 

     Kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi tliet ħabbiet. Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar  minn  dawk  kollha  li  tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kull ma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix.”

 

Il-Ħsieb

     Kemm-ildarba nkunu kapaċi nirreċtaw u mhux ngħixu l-ħajja tagħna?  Kapaċi nagħmlu show u spettaklu mill-istess ħajja tagħna?  Jekk tħares ftit madwarek, fit-triq, forsi fl-istess familja u fl-istess komunita ta’ fidi li tipparteċipa fiha, issib ħafna minn dawn u forsi anki inti stess.  Li nagħmlu, anki fir-reliġjon tagħna, nagħmluh għal wiċċ in-nies.

     U bla dubju ta’ xejn dan jagħmel mill-fidi tagħna KARIKATURA U FARSA. Għax il-fidi trid tissaqqa’ fis-sinċerita u fl-awtentiċita.  Huwa għal dan il-għan li l-kliem ta’ Ġesù li jtenni fil-Vanġelu tal-lum jista’ jitqies bħal xabla li taqta’ b’żewġt ixfar.  Kemm tassew aħna nistgħu ma nagħtux każ ta’ dan id-diskors?  Jekk ma nagħtux każ, ħajjitna tibqa’ fil-medjokrita.

Il-Kelma

     Fl-ewwel qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten insibu rakkont  ta’ kif Elija ħarab minn pajjiżu u jsib l-għajnuna skond ma wegħdu Alla nnifsu għand waħda armla pagana li, għalkemm fqira, qasmet dak kollu li kellha mal-bniedem ta’ Alla.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 145, għandna tifħir lill-Mulej għax huwa dejjem mal-parti tal-fqir.

     Fit-tieni qari mill-Ittra lil-Lhud, insibu li Kristu mhux biss huwa s-Saċerdot il-Waħdieni tar-Rabta l-Ġdida iżda wkoll il-vittma waħdanija.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna lil Ġesù jwissi biex niftħu għajnejna mill-ipokresija u l-artifiċjalita.  Alla jrid jara l-qalb tal-bniedem u mhux il-pożi u r-reċti li ħafna drabi naqgħu fihom f’ħajjitna.

Il-Ħajja

  1. Lill-mara armla, Ġesu faħħarha għax tefgħet kulma kellha. Inti x’għandek u x’qed tagħti? Qed tagħti miż-żejjed li għandek?
  2. Kemm tassew qed nimxu f’ħajjitna wara affarijiet artifiċjali li jgħaddu u ser jispiċċaw?
  3. Għaliex qed nibżgħu nagħmlu għażla radikali għal Alla?
  4. Kemm tassew qed napprezzaw is-sagrifiċċju waħdieni li għamel Ġesù għalina l-bnedmin?
  5. Hemm bżonn li nagħmlu għażla WAĦDA U RADIKALI għal Ġesù.

Id-Djalogu

  Mulej, għallimni ngħix b’sinċerita l-fidi tiegħi.

read more

KEMM GĦANDEK ALLAT F’ĦAJTEK? – Il-31 Ħadd Matul is-Sena (B) – L-3 ta’ Novembru 2024

October 16, 2024

Il-31 Ħadd Matul is-Sena

KEMM GĦANDEK ALLAT F’ĦAJTEK?

Dewteronomju 6, 2-6; Salm 17; Lhud 7, 23-28; Mark 12, 28b-34

Il-Vanġelu

     Wieħed mill-kittieba resaq fuqu u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?” Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael; il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha.  U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn.” Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha.” Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ‘il bogħod mis-Saltna ta’ Alla.” U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.

Il-Ħsieb

     Il-paġna tal-Vanġelu tal-lum turina t-tagħlim ta’ Ġesù dwar il-kmandamenti ta’ l-Imħabba.  Turina r-rivoluzzjoni li għamel Ġesù proprju f’dan il-kamp, speċjalment fl-iżvilupp ta’ l-idea li kien hemm mill-Antik Testment.  Turina wkoll ir-rapport li għandu jkun hemm bejn fidi u mħabba u bejn l-imħabba ta’ Alla u l-imħabba tal-proxxmu.  It-tieni qari jurina l-qawwa tas-saċerdozju ta’ Kristu.

     Biex nidħlu sew fil-messaġġi tal-liturġija tal-lum irridu nżommu quddiem għajnejna diversi mistoqsijiet li wieħed irid

iwieġeb fil-fond ta’ qalbu:  IMMA KEMM GĦANDNA ALLAT FIL-ĦAJJA TAGĦNA?

     Irridu nifhmu u naċċettaw li hemm biss Alla wieħed fil-ħajja tagħna u rridu nimxu b’fidi kbira u bi mħabba kbira lejn dan Alla.  Permezz ta’ hekk anki r-rapport tagħna mal-proxxmu tagħna jkun rapport ta’ mħabba akbar u sinċiera nieqsa mill-artifiċjalita li ħafna drabi nipprattikaw fl-imħabba lejn il-proxxmu tagħna.

Il-Kelma

     Fl-ewwel qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju, għandna l-wegħda ta’ Alla lill-poplu ta’ Israel li se jitfa’ fuqu barka u grazzja jekk dan jibqa’ fidil lejh.  Fis-Salm 17 naraw li l-MULEJ HUWA L-BLATA TAGĦNA u għalhekk ma nistgħux ma nħobbuhx.  It-tieni qari mill-Ittra lil-Lhud itenni li s-Saċerdozju ta’ Kristu jisboq bil-bosta s-saċerdozju tar-Rabta l-Qadima.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark, Ġesù jgħaqqad flimkien l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu.

Il-Ħajja

  1. L-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu? Jeżistu fir-rutina tiegħek ta’ kuljum?
  2. Kemm tassew tista’ tgħid li s’issa f’ħajtek ħabbejt lil Alla? Kif?
  3. L-imħabba tal-proxxmu skarsa fil-ħajja tiegħek?
  4. Hemm bżonn QAWMIEN ĠDID fil-fidi tagħna. Fuq il-fidi tagħna nistgħu nibnu rapport ta’ mħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu tagħna.

Id-Djalogu

  Mulej, għallimni nifhem u ngħix l-imħabba miegħek u mal proxxmu.

read more