REBĦA FUQ IX-XITAN – L-10 Ħadd Matul is-Sena – 10 ta’ Ġunju 2018

REBĦA FUQ IX-XITAN – L-10 Ħadd Matul is-Sena – 10 ta’ Ġunju 2018

June 9, 2018

L-10 Ħadd Matul is-Sena

REBĦA FUQ IX-XITA

Ġenesi 3: 9-15; Salm 129; 2 Korintin 4, 13-5, 1; Mark 3: 20-35

 

Il-Vanġelu

     Mbagħad mar id-dar, u l-kotra reġgħet inġemgħet, hekk li anqas biss setgħu jieklu.  Qrabatu, malli semgħu, ħarġu biex iżommuh, għax qalu li tilef moħħu. 

     Il-kittieba li kienu niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: “Dan għandu fih lil Begħelżebul,” u wkoll, “Dan bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċihom ix-xjaten.” Hu sejjħilhom lejh u beda jkellimhom bil-parabboli: “Kif jista’ x-Xitan ikeċċi x-Xitan? Jekk saltna tinqasam fiha nfisha, dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa. U jekk familja tinqasam fiha nfisha, dik il-familja ma tistax iżżomm wieqfa. Li kieku mela x-Xitan qam kontra tiegħu nnifsu u nfired, ma kienx jista’ jżomm sħiħ, imma jkun wasal fit-tmiem. Ħadd ma jista’ jidħol fid-dar ta’ wieħed qawwi u jaħtaflu ġidu jekk qabel ma jkunx rabat lil dak il-qawwi; mbagħad id-dar jaħtafhielu żgur. Tassew ngħidilkom, kollox jinħafrilhom lil ulied il-bniedem, id-dnubiet u d-dagħa kollu li jidgħu. Imma min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jkollu qatt maħfra; jibqa’ ħati għal dejjem.” Għax kienu qalu: “Għandu fih spirtu ħażin.”

     Darba ġew ommu u ħutu, baqgħu barra u bagħtu jsejjħulu. Dak il-ħin kien hemm ħafna nies bilqiegħda madwaru. “Ara”, qalulu, “ommok u ħutek qegħdin hemm barra u jriduk.” U hu weġibhom: “Min huma ommi u ħuti?” Mbagħad dawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bilqiegħda, u qal: “Dawn, ara, huma ommi u ħuti. Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi.”

 

 

Il-Ħsieb

Ħafna drabi nħossu l-preżenza tax-xitan madwarna.  Ngħidu li x-xitan jittanta.  Ngħidu li ma jħalliniex bi kwietna.  Nagħmlu minn kollox biex nippruvaw nevitawh, iżda naħbtu miegħu.  Fil-Vanġelu tal-lum Ġesú jurina li huwa aqwa mix-xitan għax huwa rebaħlu u jibqa’ jirbaħlu.  Għaliex ma nintelqux taħt il-protezzjoni tal-Mulej  Ġesú?

Għaliex nibqgħu fil-ħajja tagħna nintelqu fid-dlamijiet tal-ħażen milli fid-dawl tat-tama?  Il-Mulej ifejjaq iżda fl-istess ħin jurina kif għandna nkunu intimi miegħu.  Kif?  Billi nisimgħu

l-Kelma ta’ Alla u nħarsuha.  U minn hawn nieħdu d-dawl ta’ l-għajxien tal-ħajja tagħna kuljum.  Irridu nagħrfu naqraw il-kelma ta’ Alla u nattwawha fil-ħajja ta’ kuljum.  Irridu nagħrfu nagħtu ħajja lill-kelma ta’ Alla fid-dmirijiet li nwettqu kull ħin bħala Nsara u ċittadini.  Hemm bżonn li nagħrfu nagħmlu eżami tal-kuxjenza biex nagħrfu tassew jekk aħniex qed inwettqu r-rieda ta’ Alla.

 

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi, għandna r-rakkont tad-dnub ta’ l-ewwel bnedmin li ħaduha kontra Alla.  Alla jwiegħed is-salvazzjoni.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 129, għandna stedina biex inroddu ħajr lill-Mulej għax għandu hemm il-għajn tal-ħajja.  Fit-Tieni Qari tal-lum, mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, l-Appostlu jfisser għaliex id-dixxipli kienu jilqgħu bil-ferħ il-persekuzzjonijiet.  Jekk il-ġisem jintemm, aħna niġġeddu kuljum fl-ispirtu minn ġewwa.

Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna lil Ġesú jkeċċi x-xitan minn wieħed imxajtan u wara jistqarr li dawk li huma l-aktar viċin tiegħu huma dawk li jagħrfu r-rieda t’Alla fil-ħajja tagħhom u jgħixuha kuljum.

 

Il-Ħajja

  1. Ħafna drabi naħsbu li l-kelma ta’ Alla tinqara għall-qaddisin u għalhekk naqtgħu qalbna. Il-Liturġija tal-lum trid tagħmlilna kuraġġ.  Mill-ktieb tal-Ġenesi u mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin għandna sinjali ċari li d-dgħufija tagħna tista’ tintrebaħ jekk aħna nwettqu l-kelma ta’ Alla fil-ħajja tagħna, minkejja li aħna dgħajfin.
  2. Hemm bżonn li nagħrfu li fil-ħajja tagħna Kristu kontinwament ineħħi x-xitan minn ġewwa fina kull darba li nersqu għall-qrar u għat-tqarbin, żewġ Sagramenti li jridu jittieħdu bl-akbar serjetà.
  3. Kemm tassew qed inħossuna qrib ta’ Ġesú aktar mill-familjari tiegħu? X’qed nagħmlu biex nagħrfu xi jrid minna Ġesú kuljum?

 

Id-Djalogu

Mulej, minkejja d-dgħufija tiegħi,

agħmel li nibqa’ nagħżlek

u npoġġik fl-ewwel post fil-ħajja tiegħi,

qabel kollox u kulħadd.