TANA KOLLOX! – Corpus Christi – Il-Ħadd 3 ta’ Ġunju 2018

TANA KOLLOX! – Corpus Christi – Il-Ħadd 3 ta’ Ġunju 2018

June 1, 2018

Tifkira solenni tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu

TANA KOLLOX!

Eżodu 24: 3-8; Salm 115; Lhud 9:11-15; Mark 14: 12-16; 22-26

Il-Vanġelu

    Dan hu ġismi. Dan hu demmi. –  Qari mill-Evanġelju skont San Mark

     Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid, id-dixxipli tiegħu qalu lil Ġesù: “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?”

     Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel, “Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?” U hu jurikom kamra kbira fuq, imgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk.”

     U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt, u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla tal-Għid.

   Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi.” Imbagħad ħa kalçi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dak in-nhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla.”

     Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.

     Il-Kelma tal-Mulej;       R: Tifħir lilek Kristu

Il-Ħsieb

Ħudu, dan hu ġismi
     Tana kollox.  Tana ĠISMU u DEMMU.  Ma setax jasal aktar.  Tana Ġismu u Demmu biex tassew ikun ta’ ħajtu għalina.  Mhux biss li ssallab fuq is-salib iżda wriena biċ-ċar li aħna werrieta tiegħu, għax meta nieklu minn dan il-ħobż u nixorbu minn dan l-inbid aħna nkunu qed inħabbru mewt il-Mulej sa ma jiġi.  Sfortunatament aħna l-Insara mhux dejjem napprezzaw dak li għamel Ġesù għalina.  Mhux dejjem napprezzaw din l-eredità ta’ grazzji li l-Mulej tana.  Huwa għalhekk li ħafna drabi nidraw nirċievu l-Ewkaristija.  Ninsew li rridu: (i) nippreparaw bis-sħiħ biex nirċievu l-Ewkaristija; (ii) nirċievu bl-akbar serjetà l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu; (iii) nitolbu bl-akbar għożża wara li nirċievu l-Ewkaristija u (iv) inkunu konvinti mill-qawwa li rċevejna.

Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna
     Aħna l-insara, fil-festa ta’ Corpus christi, barra li nirringrazzjaw lill-Mulej għal dak li għamel magħna, irridu wkoll nagħrfu u nagħmlu eżami tal-kuxjenza ta’ kif qed inħarsu u nirċievu l-Ewkaristija?  Kemm tassew qed inħossu fina l-bidla kontinwa kull darba li nersqu għal dan is-sagrament?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Eżodu, insibu ċ-ċerimonja li permezz tagħha ġie mwettaq il-Patt bejn Alla u l-poplu Lhudi.  Ixxerred id-demm ta’ l-għoġiela fuq l-altar.  Id-demm huwa xbieha tal-ħajja nfisha għax seħħ il-Patt bejn Alla u l-poplu Lhudi.  Is-Salm Responsorjali minn Salm 115, huwa r-radd ta’ ħajr tagħna  għas-sagrifċċju li noffru lil Alla biex infaħħruh.  Fit-Tieni Qari, l-ittra lil-Lhud turi kemm is-sagrifċċju ta’ Kristu jisboq bil-bosta kull tip ieħor ta’ sagrifiċċju.  Kristu huwa l-Qassis il-Kbir u fl-istess ħin il-vittma.  Fil-Vanġelu, meħud minn san Mark, għandna lid-dixxipli jħejju l-ikla ta’ l-Għid tagħhom.  Din l-ikla kienet tfakkar il-ħelsien tal-poplu mill-jasar ta’ l-Eġittu u l-Patt mal-poplu fis-Sinaj.  Dan il-Patt iss jingħata tifsira oħra.

Il-Ħajja
  1. Kristu waqqaf is-sagrament tal-Patt il-Ġdid: (a) li jifdi lill-bnedmin; (b) jaqla’ l-maħfra tad-dnubiet; u(c) li jġib għaqda sħiħa ma’ Alla u bejn il-bnedmin bejniethom.
  2. L-Ewkaristija ġġib l-għaqda u l-unità ma’ Kristu u bejn il-bnedmin. Qed nifhmu x’qed nirċievu?  Qegħdin inħossuna li aħna strumenti ta’ għaqda?
  3. Kemm qed nersaq għat-tqarbin u nifhem tassew li ma nistax nibqa’ l-istess wara li nitqarben?
  4. Kemm qed infittex li nwarrab kollox u niltaqa’ ma’ Kristu fl-Ewkaristija kuljum? Nifhem li dan huwa l-Ħobż Ħaj li jżommna ħajjin?
Id-Djalogu

  Mulej,

  Inti l-Ħobż ħaj li nżilt mis-sema.

  Agħmel li nifhem il-qawwa tiegħu

  meta nirċevik.

  Grazzi Mulej.