Nippreparaw Ruħna Spiritwalment għall-Milied – Prayer Café #9
Mumenti ta’ riflessjoni minn Fr Charles Fenech waqt il-laqgħa ta’ Prayer Cafe’
Il-Ġimgħa 29 ta’ Novembru 2013
[L-1 Ħadd tal-Avvent (Mt 24, 37-44)]
L-ambjent ta’ madwarna ma jgħinx biex nippreparaw ruħna spiritwalment, għax qed naqbżu għall-festa mingħajr ma ngħaddu għall-perjodu tal-Avvent. Is-sabiħ tal-Avvent jinqabeż u mmorru dritt għall-maxtura. Madankollu għandu jkun hemm proċess sħiħ sakemm wieħed jasal għall-maxtura.
Waqt dan il-proċess naraw figuri important, bħall-figura ta’ Ġwanni l-Battista, li għax ta xhieda ta’ Ġesu’ qatgħulu rasu. Il-figura ta’ Marija u ta’ San Ġużepp jidhru li għalkemm qalu iva, tħawdu u ma fehmux, (kif ħafna drabi jiġri fil-ħajja tagħna). Għalhekk f’dan l-Avvent irridu nħarsu sew lejn il-ħajja tagħna bħala mixja spiritwali. Il-kalendarju tal-Avvent jista’ jgħinna biex nikbru spiritwalment.
Ħarsa lejn il-vanġelu tal-Ħadd li ġej:
Wieħed m’għandux jiżbalja billi jħares lejh bħala vanġelu tal-biża li bih nibdew l-Avvent. Alla hu għani fil-ħniena u mhux fil-biża. San Mattew qed jgħidilna li l-mixja tagħna hija stennija mhux biss fl-erba’ ġimgħat tal-avvent imma stennija kontinwa.
[pullquoteleft]Jista’ jkollok kollox imma tkun vojt. Il-Mulej sa jsibna nishru? Sa jsibna attenti?[/pullquoteleft]
Ishru jgħidilna San Matthew, jiġifieri stennew. Ma jfissirx li nistennew b’idejna fuq żaqqna, imma nistennew lil Ġesu’ waqt il-ħidma tagħna. Waqt din l-istennija rridu nkabbru t-talenti tagħna – hu x’inhu x-xogħol, DAN M’GĦANDUX ISIR BIL-BIŻA. Il-fidi tagħna hija fidi ta’ ferħ mhux ta’ biża.
Aħna rridu nwelldu lil Ġesu’ Bambin billi nagħtu xhieda ta’ Ġesu’ bid-diskors tagħna, b’għemilna, billi nitkellmu ftit man-nies u nuruhom sens ta’ ġentilezza. Dan kollu jrid jsir kontinwament. Dan nibdewh miċ-ċirku żgħir tagħna – Iċ-ċirku tal-familja u fuq il-post tax-xogħol tagħna…..