Nservu lil ta’ madwarna – Prayer Café: 21 ta’ Novembru 2014
Nuru l-imħabba tagħna lejn Ġesu billi nħobbu u nservu lil ta’ madwarna.
F’din il-laqgħa Prayer Cafè ġie diskuss il-vanġelu ta’ Kristu Re; L-34 Ħadd ta’ Sena A. F’dan il-vanġelu nsibu l-istorja tan-nagħaġ u l-mogħoż. Naraw kif ragħaj jirritorna bħala mħallef biex jifred il-merħla tiegħu f’żewġ gruppi – nagħaġ fuq naħa u mogħoż fuq in-naħa l-oħra. Grupp minnhom jiġu premjati filwaqt li l-ieħor hu mehud l-bogħod mir-ragħaj biex jiġi kkastigat.
Interessanti ninotaw kemm huma differenti il-mogħoż minn nagħaġ. Għalkemm simili fl apparenza u l-ħoss li jagħmlu, l-imġiba tagħhom hi differenti ħafna. Il-mogħoż huma bhejjem indipendenti, kapaċi jgħixu weħidhom għax jieklu kulma jiġi taħt ħalqhom. Saħansitra anke lit-tfal tagħhom jieklu jekk ikunu bil-ġuħ! U waqt l-ikel jimbuttaw iż-żgħar tagħhom bil-munqar biex jieklu huma l-ewwel. Minn naħa l-oħra n-nagħaġ huma dipendenti ħafna fuq ir-ragħaj tagħhom. Kontu tafu li jekk nagħġa taqa’ fuq dahra ma tqumx lura fuq saqajha weħidha? Jekk merħla nagħaġ tibża minn xi ħaġa jagħmlu sagħtejn iduru f’ċirku – jaħbtu ma ħitan jew ċnut iżda mbagħad jekk jgħajtilhom ir-ragħaj tagħhom jikkalmaw u jimxu warajh kull fejn jeħodhom. Jafdawh b’għajnejhom magħluqa. Aħna wkoll mqabblin ma nagħaġ f’diversi partijiet tal-Bibbja .
Hawnhekk nqara il-Vanġelu: Vanġelu ta` San Mattew Kapitlu25: Versi 31-46.
Il vanġelu tal llum huwa l-konklużjoni ta’ diskors twil li nsibuh f’Mattew Kapitlu 24 sa kapitlu 25, diskors li Ġesù għamel lid-dixxipli tiegħu weħidhom fuq l-għolja taż-Żebbuġ (Mt 24,3).Fih Ġesù jibda billi jħabbar żewġ ġrajjiet kbar: il-qerda ta’ Ġerusalemm (li seħħet fis-sena 70 WK) u t-tmiem tad-dinja (Mt 24,30-31). – Imbagħad Ġesù jitkellem fuq il-bżonn li wieħed jishar (ma jorqodx, ma jitgħażżinx), biex din il-miġja ta’ Bin il-bniedem ma ssibux għal għarrieda (Mt 24,44). Bħala eżempju jsemmi żewġ fatti mill-ħajja ta’ kuljum: Is-Siġra tat-Tin (Mt 24,32-35) u l-Qaddej Fidil u Għaqli (Mt 24,45-51); u wkoll żewġ parabboli: tal-Għaxar Xebbiet (Mt 25,1-13) u tat-Talenti (Mt 25,14-30).Mbagħad nsibu l-vanġelu tal-llum fejn Ġesu jitkellem dwar tmiem id-dinja bil-miġja ta’ Bin il-bniedem akkompanjat mill-anġli u mill-ġudizzju finali tat-tajbin u l-ħżiena.
L-evanġelju tal-lum għandu “l-imħabba tal-aħwa” bħala l-qalba tat-tagħlima li jrid iwasslilna Ġesù. It-test nistgħu niġbruh fi tliet punti:
- Hawn naraw li Ġesù, Bin il-bniedem, hu s-Sultan, ir-Ragħaj u l-Imħallef (v. 31-33).Niftakru li fl-antik, is-sultan kien dejjem meqjus bħala l-aqwa mħallef.
Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, mbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug
- Naraw ukoll l-identifikazzjoni ta’ Ġesù ma’ ħutu, mad-dixxipli tiegħu: dak li jagħmlu lilhom, jagħmluh lilu, u l-kuntlarju (v. 35-40, 42-45).
Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’ Mbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajnik bil-ġuħ u tmajnik, jew bil-għatx u sqejnik ? Meta rajnik barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajnik marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’ U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’ Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni! Mbagħad huma wkoll iweġbuh, ‘Mulej,’ jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?’ Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom, ‘Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh.’
- Is-saltna li jirtu l-ġusti mhix f’din l-art iżda fil-glorja tal-Missier. Hemm ħajja oħra wara din tal-art li fiha t-tajbin jieħdu l-premju u l-ħżiena l-kastiġ (v. 34.46).
Mbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem.
Il-ġudizzju finali ta’ Ġesù se jkun skond kif aħna nimxu mal-proxxmu tagħna:
– Jekk inħobbu u ngħinu lill ta’ madwarna, Ġesù se jgħidilna: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja.”
Hawnhekk intwera dan il-video:
Fuq xhiex se jkun il-ġudizzju finali? Kollha kemm aħna se niġu ġġudikati fuq l-imħabba / il-ħniena li nuru lejn dawk li niltaqgħu magħhom. L-opri tal-ħniena li Ġesù jsemmi f’dan id-diskors huma prinċipalment erba’:
- titma’ lil min hu bil-ġuħ u bil-għatx
- tilqa’ lil min hu barrani
- tlibbes lil min hu għeri
- iżżur lil min hu marid u fil-ħabs
U rridu nwettquhom f’kull ħin f’ħajjitna fil- familja, x- xogħol, fl- edukazzjoni, fl-sport, eċċ.
Hawnhekk infetħet id-diskussjoni. Dawn huma xi punti li ħarġu minnha:
- Dan il-Vanġelu iffakkarna fil-vanġelu tal-Ħadd li għada (Il-parabola tat-talenti) għax it-talent irridu nużawhom biex ngħinu lill-Ħaddieħor (min hu bil-ġuħ, bil-għatx u l-bqija).
- Tlibbes tfisser tagħti d-dinjita’
- Kull ma nagħmlu nagħmluh ghandna nagħmluh b’ imħabba.
- Kapaċi nilmaħ il-wiċċ ta’ Kristu f’dawk il-persuni li jagħmluli d-deni; f’dawk il-persuni li lejhom inħoss ċerta antipatija? Kapaċi ngħin persuna li għamlitli d-deni?
- Bit talb nistgħu naslu nagħmlu dan.
- Ngħinu lill-proxxmu mhux biss għax jinsab fil-bżonn imma għax naraw lill-Ġesu fih.
- Kultant għandna bżonn naħsbu fit-tajjeb li ma għamlniex mhux fit-tajjeb li għamilna.