Inqarrbu jew nbiegħdu n-nies minn Alla? – Prayer Cafè – 25 ta’ Settembru 2015
Fl-ewwel laqgħa Prayer Cafè wara l-waqfa tas-sajf, ġie diskuss il-Vanġelu tas-26 Ħadd tas-Sena B (27 ta’ Settembru). Dan il-vanġelu għandu żewġ temi. L-ewwel jitkellem dwar it-tolleranza lejn dawk li avolja m’humiex id-dixxipli tiegħu, jagħmlu l-ġid f’ismu. Imbagħad Ġesù jitkellem dwar kundizzjonijiet li għandna nosservaw jekk irridu nidħlu fis-Saltna t’Alla.
Dan huwa vanġelu attwali ħafna. Ċerti nies fil-Knisja jew fi gruppi fi ħdan il-Knisja, iħarsu lejn dawk ġodda fil-grupp / knisja bħala xi ħaġa inqas, iktar il-bogħod minn Alla. Fil-Knisja ssib nies li huma nvoluti u ma jieħdux gost li xi ħadd ġdid jinvolvi ruħu. Din it-tip t’attitudni tagħmel il-ħsara u tbiegħed in-nies minn Kristu. Leader għandu jmexxi billi jservi. Il-Mulej għandu missjoni għal kulħadd u m’għandniex inkunu aħna li ntellfu lil xi ħadd mill-missjoni tiegħu. Aħna għandna nuru ospitalità lejn kulħadd – ikun min ikun. Jekk f’għajnejja bniedem ma jkunx sew, jien bħala nisrani għandi nilqgħu xorta u mhux nitkaża bih. Wara kollox, aħna kollha midinbin, taħt sema waħda. F’dan il-vanġelu Ġesù qed jgħidilna li aħna għandna naċċettaw it-tajjeb li ġej minn ħaddieħor, jiġi minn fejn jiġi, u jkun min jkun. It-tajjeb kollu tad-dinja mhux ġej biss minna l-kattoliċi.
Aħna għandna nkunu ċerti li bl-azzjonijiet tagħna nqarrbu n-nies lejn Alla u mhux nbegħduhom minnu. Għalhekk importanti li ma niġġudikawx għax meta niġġudikaw, inbegħdu n-nies minn Alla. Aħna għandna nkunu nies li nibnu mhux li niġġudikaw, għax kif qal Ġesù “min mhux kontra tagħna, huwa magħna”. Fl-istess ħin għandu jkollna iktar sens ta’ komunità, għax meta nkunu komunità nkunu nistgħu nagħtu s-sapport lil xulxin. Fl-isess ħin, ma nistax ngħin lil min hu magħna biss. M’għandiex inħares lejn l-uċuh imma lejn il-qlub.
Fit-tieni parti ta’ dan il-Vanġelu, naraw li rridu noqgħodu attenti kif nġibu ruħna u x’ngħidu, għax nistgħu nagħtu “skandlu” u nagħmlu ħsara lil dawk li qed jarawna jew jisimgħuna u nbegħduhom minn Alla.
Mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika:
“L-iskandlu hu atteġġjament jew imġiba li twassal lil ħaddieħor biex jagħmel dak li hu ħażin. Min jiskandalizza, ikun iġarrab l-għajru. Ihedded il-virtù u t-tjieba. Jista’ jwassal lil ħuh għall-mewt spiritwali, għall-mewt tar-ruħ. L-iskandlu hu ħtija serja jekk b’għemil jew nuqqas ta’ għemil iwassal lil xi ħadd ieħor biex jagħmel xi dnub gravi.”
“L-iskandlu jista’ jingħata ukoll mil-liġi jew mill-istituzzjonijiet, jew mill-moda jew mill-opinjoni pubblika. Huma għalhekk ħatja ta’ skandlu dawk li jagħmlu liġijiet jew jibnu strutturi soċjali li jwasslu biex ibaxxu l-imġiba morali tan-nies, jew iħassru l-ħajja reliġjuża,”
San Luqa Kap 17 Vers 1:
“Darba lid-dixxipli tiegħu qalilhom: “Ma jistax ikun li ma jingħatawx skandli; imma ħażin għalih min ikun ħtija tagħhom!”
Għalhekk irridu noqgħodu attenti li ma nkunux aħna li nagħtu skandlu. Aħjar kelma nieqsa milli żejda. Bil-ħsieb jew mingħajr ħsieb, nistgħu nkunu ta’ skandlu għall-oħrajn. Għalhekk irridu nqaċċtu minn ġewwa fina u minn madwarna, dak kollu li jfixkilna. Għandna nitbeghdu minn xi ħaġa li nafu li tista’ twaqqana, jew xi darba waqqgħatna fid-dnub.
Biex nagħmlu dan għandna bżonn, u għandna nitolbu lill-Ispirtu s-Santu, biex jgħinna nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin. Kieku aħna l-Insara nagħtu kas iktar tal-Vanġelu u nimxu skont dak li hemm fih, kieku d-dinja hija ħafna aħjar minn dik li hi llum.
Tajjeb ukoll li nżommu f’moħħna dan il-vers mill-Ittra lill-Lhud, Kapitlu 12, Versi 1 u 2:
“Ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna; nżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna”