Prayer Café #3 (29 Ħadd Ċ)
29 Ħadd ta’ matul is-sena.
Prayer Café – Il-Ġimgħa 18 ta’ Ottubru 2013
Bħal kull nhar ta’ Ġimgħa, waqt il-laqgħa Prayer Cafe fiċ-ċentru tal-Kerygma, Fr. Charles Fenech tkellem fuq il-vanġelu tal-Ħadd li jmiss. Dawn huma ftit spunti meħudin mid-diskors tiegħu.
In-Nuċċali ta’ Ġesu’
Għandna bżonn nilbsu n-nuċċali ta’ Ġesu’ biex nibdew naraw aħjar u differenti. Il-viżjoni hija l-kelma t’Alla. Il-vanġelu jgħinna nifhmu u naraw aħjar.
It-Talb
Fr. Charles enfasizza fuq it-talb. It-talb huwa relazzjoni intima tagħna ma’ Ġesu’. Imma kultant infallu – ma nagħmluhx tajjeb – inkunu arroganti. Inħarsu lejn it-talb bħala xi ħaġa biex ninqdew ta’ malajr. Kompla jgħid li rridu neħħuha li ngħidu ‘m’għandix ċans.’ Tuh spażju lill-Mulej, kulħadd bil-mod tiegħu. e.ż. prayer corner fid-dar jew kamra fejn nitolbu. Permezz tat-talb biss issibu lil Alla.
Huwa importanti jgħid Fr. Charles, li t-talb nagħmluh b’ċertu ritmu u bi spiritwalita’. Il-mediċina hija d-djalogu Miegħu. Hija ferm importanti li naqraw silta mill-vanġelu jew Bibbja kuljum.
Il-Grazzi u stil tajjeb ta’ talb
Ġesu’ ma jgħix bil-grazzi tagħna, imma jixtieqha. Għalhekk
- Ibda t-talb tiegħek bill-grazzi.
- Itlob lill-Mulej dak li għandek bżonn “Itolbu, u jingħatalkom, fittxu, u ssibu; ħabbtu u jiftħulkom.” Mt. 7:7
- Afda f’idejn Alla anke jekk ma tifhimx. Marija ukoll ma fehmitx meta l-anġlu ħabbrilha li kellha tkun omm Alla, fdat xorta. Ħadet deċizjoni perikoluża fit-tradizzjoni tal-Lhud. Minkejja li kienet taf li niesha jħaġġruha kieku nqabdet li tqalet barra ż-żwieġ fdat fis-sejħa li għamlilha l-Mulej. Hemm bżonn li nintelqu għar-rieda tal-Mulej.
Fr Charles staqsa u kompla jgħid; “Aħna kultant ngħidu x’irid il-Mulej? Jien li mmur quddies, nisma’ r-radju reliġjuż, nattendi laqgħat u kollox jiġi ħażin u min ma jmurx quddies, jiġihom kollox tajjeb.” Hawnhekk hu wieġeb;” Itlobu lil Alla biex jagħtikom sinjali KULJUM. Dawn nistgħu nsibuhom f’silta mill-Bibbja li naqraw kuljum; pero’ tinsewx tilbsu n-nuċċali ta’ Ġesu għax jista’ jkollok nuċċali b’lenti tajba ħafna u xorta tibqa’ ma tara l-ebda sinjal .
Nsibu Ħin
Il-laqgħa spiċċat fuq dan l-ispunt. Kif għandna l-wiċċ ngħidu li m’għandiex ċans għat-talb, għal quddiesa, għal Mulej, meta l-24 siegħa tal-ġurnata tahomlna Hu? Ngħidu ma għandniex ċans għax għandna l-familja, x-xogħol, l-istudju eċċ. L-intimita’ mal-Mulej hija u għandha tkun parti importanti fil-ħajja tagħna ta’ KULJUM.
(Fl-aħħar Fr.Charles fakkarna li l-adorazzjoni li jmiss fil-knisja ta’ San Duminku Rabat ser issir nhar il-31 ta’ Ottubru)