Prayer Café #8 (Kristu Sultan)
l-Aħħar Ħadd ta’ matul is-sena.
Il-Ġimgħa 22 ta’ Novembru 2013
Din il-ġimgħa fl-assenza ta’ Fr Charles Fenech, Prayer Café tmexxa mill-membri tal-Kerŷgma. Li ġejjin huma xi ħsibijiet li nqassmu waqt il-laqgħa wara li nqara l-vanġelu tal-Ħadd li jmiss.
Illum il-vanġelu jirrakkonta parti mill-ġrajja ta’ meta Ġesu’ kien imsallab mal-ħallelin. “Salva oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk inhuwa l-Messija ta’ Alla, il-midluk tiegħu!” qalu l-kapijiet. “Salva lilek innifsek u lilna.” Qal wieħed mill-ħalliel imsallab miegħu.
Is-setgħa tiegħu li jagħti s-salvazzjoni ma ħaddimhiex favur tiegħu nnifsu iżda ħaddimha għall-oħrajn, u tahom l-aqwa salvazzjoni “Tassew, ngħidlek, illum tkun miegħi fil-Ġenna.” Lil dawk li kkundannawh, wriehom kemm kien setgħan billi ma mexiex magħhom bl-istess kejl: mhux biss ma kkundannahomx, imma ħafrilhom u skużhom,”Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.”
Jiena ċerta li ebda wieħed minna qatt, jew għad qatt ma jasal biex iwaqqa’ lil Ġesu’ għaċ-ċajt bħalma għamlu s-suldati u l-ħalliel il-ħażin. Imma ejjew naħsbu ftit. Qatt ma sibna ruħna nirrabjaw ma Ġesu’ għax l-affarijiet ma jirrizultawx eżatt bħalma nixtiequhom aħna? Veru r-rabja tagħna m’għandiex x’taqsam mal-mod kif is-suldati ġabu ruħhom ma’ Ġesu’, imma xorta waħda ma nkunux qed nagħtu lill Alla dik il-fiduċja li jixraqlu.
“Tassew, ngħidlek, illum tkun miegħi fil-Ġenna.” Din hija r-risposta li Ġesu’ ta lill-ħalliel it-tajjeb. Bl-istess mod se jittratta magħna jekk aħna nagħtu lil Alla l-ġieħ li jixraqlu u nemmnu li Alla dejjem hu viċin tagħna anki f’dawk l-okkazzjonijiet meta naħsbu li hu il-bogħod minna.
Kemm nies jipproponulna fatti, ġrajjiet, wegħdi, imma meta tifli sew tinduna li f’dak li qed jingħad m’hemmx il-ġid tiegħi imma l-ġid personali tiegħu moħbi wara l-wegħda ta’ pjaċir jew ieħor.
Fl-aħħar mill-aħħar, l-ideja li ma teżisti l-ebda verita’, iġġelgħna nfasslu verita’ għalina, mingħajr ma nikkunsultaw lil dak li ddeskriva lilu innifsu bħala l-Verita’, nibdew naħsbu li aħna biżżejjed għalina nfusna, li m’għandix bżonn ta’ Alla, li kif ngħidu aħna hu s-sewwa.
U għalhekk illum Ġesu’ qed jistedinna biex ma naqtgħux qalbna fi tfittxija tagħna għall-verita’. Meta nsibuha ma nibżgħux nxandruha, ma nibżgħux ngħixuha anke jekk dan jiswielna diffikultajiet u forsi kultant żeblieħ. Ġesu’ illum ifakkarna wkoll fl-atteġjament li għandu jħaddan min jinsab fil-verita’ ; atteġament qatt arroganti, qatt vjolenti.. Kienu ħafna dawk li fl-istorja ġġieldu għall-verita’ mingħajr ma qatlu lil ħadd, mingħajr ma baxxew lil min jaħsibha differenti minnhom, mingħajr ma għamlu kruċjati. Min jgħix fil-verita’, jxandarha bla biża, imma mingħajr għajjat u storbju għax jaf li x-xhieda tiegħu tgħajjat weħidha. Pittura sabiħa ma tgħajjatx, imma bi sbuħija tagħha twaqqfek u tordnalek tħares lejha, tirbħek mingħajr vjolenza. Hekk ukoll il-bniedem veru, jirbaħ bix-xhieda tiegħu. U lil min din ix-xhieda ma tgħoġbux jagħmel minn kollox biex isikktu, iħammġu… imma fl-aħħar mill-aħħar it-tajjeb jirbaħ.
Din kienet l-esperjenza ta’ Ġesu’. Għax kien il-Verita’, bħal ħaruf meħud għall-qatla spiċċa ma’ salib. Imma la s-salib u anqas il-qabar ma siktuħ. Rebaħ il-mewt u illum qed niċċelebrawh bħala s-Sultan tal-ħolqien kollu.
Naqsam ukoll parti minn omelija tal-Papa Franġisku dwar kif għandha tkun il-fidi. Hu kien qal: “Jiena nisrani “bl-iskossi” [illum mod u għada mod ieħor], jew jiena nisrani dejjem? Il-kultura tal-proviżorju, ta’ dak li huwa relattiv tidħol ukoll fil-għixien tal-fidi. Alla jitlob minna li nkunu fidili miegħu, kuljum, fl-azzjonijiet ta’ kuljum u jżid li ukoll meta xi drabi ma nkunux fidili lejH, Huwa dejjem jibqa’ fidil f’kelmtu u bil-ħniena tiegħu ma jgħejja qatt inewwlilna idejh biex jgħinna, biex jinkuraġġina ħalli nerġgħu naqbdu t-triq, nerġgħu lura għandu u nkellmuH fuq in-nuqqas ta’ ħila tagħna sabiex jagħtina l-qawwa tiegħu. U din hija t-triq definittiva: dejjem mal-Mulej, fid-dgħufijiet tagħna wkoll, ukoll fi dnubietna. Ma mmorru qatt fuq it-triq tal-proviżorju. Dan joqtolna. Il-fidi hija fedelta’ għal dejjem, bħal dik ta’ Marija.”
Saret ukoll riflessjoni fuq Kristu bħala r-re tar-rejiet:
- Kemm qed inħalluh lil Kristu jsaltan fil-ħajja tagħna?
- Kemm inqisuh bħala Sultan?
- Lis-sultan irridu naqduh, irridu nonorawh, irridu nobduh.
- Kristu huwa r-re tar-rejiet, saltnatu m’għandhiex tmiem.
- Kristu hu Sultan li obda, li ħafer, li ħabb sal-aħħar nifs fuq is-salib. Ġesu s-Sultan, il-Mulej Alla magħmul bniedem, jilbes fardal, għarkupptejh, jaħsel riġlejn il-bniedem.
- Kemm aħna lesti nimxu wara sultan hekk kbir minkejja l-umiljazzjoni, it-tbatija, il-miżerja li taf tħabbatna magħhom il-ħajja?
- Meta KRISTU jkun qed isaltan verament f’ħajjitna hemmhekk inkunu lesti li nagħdru, naħfru u nissaportu.