Prayer Cafè: IT-TBATIJA – taħdita mis-sur John Seguna – il-Ġimgħa 20 t’Ottubru.
Il-laqgħa bdiet bil-kant tat-Talba tal-Moviment u l-Manifikat.
Alla, fil-pjan oriġinali Tiegħu, qatt ma kellu f’moħħu t-tbatija. Din daħlet konsegwenza tad-dnub.
Irridu nifhmu lil min għaddej mit-tbatija. Mhix faċli. Trid tkun għaddejt int minn dak li qed isofri ħaddieħor biex forsi tipprova tifhmu. Eżempju ċar huwa l-mod kif Ġesu’ kien jimxi ma’ min kien qed ibati, bħal Marta u Marija fil-mewt ta’ ħuhom Lazzru. Qatt m’għandna nippruvaw nikkunslaw lil batut bi spiritwaliżmu fieragħ.
IT-TBATIJA GĦANDHA SENS UKOLL!
Il-passjoni ta’ Ġesu’ hija baħar ta’ tbatija u oċejan ta’ mħabba u tolleranza. It-tbatija fiha sens salvikifu meta tingħatha għall-oħrajn. It-tbatija m’għandiex skop fija nnifisha. Mhix it-tbatija li tressaqna lejn Alla, imma il-mod kif aħna ngħixuha u r-rispons tagħna lejha.
Meta nitkellmu fuq it-tbatija, ħafna drabi aħna niffukaw fuq id-dimensjoni negattiva ta’ l-eżistenza tagħha. Imma fil-ħajja tagħna hemm il-pożittiv ukoll. Teżisti l-gwerra, imma anke l-paċi u l-kumpassjoni; ġuħ, imma anke ikel; diżastri naturali, imma anke tlugħ u nżul ix-xemx, ġonna, xmajjar, muntanji; mard, imma anke fejqan; mibgħeda, imma anke mħabba u rispett. Santu Wistin jgħid “Allavolja jgħix fit-tbatija, il-bniedem xorta jħobb ħajtu.
L-EGOIŻMU TAL-BNIEDEM HU L-BIDU TA’ ĦAFNA TBATIJIET.
Il-mard, il-faqar, il-gwerer… ħafna drabi huma kkawżati mill-inġustizzji fuq livell mondjali. Nafu li l-junk food qed joqtolna, imma xorta nibqgħu nikkunsmawh! Nafu li s-sigaretti u d-drogi joqtluna, imma nibqgħu nabbużaw! Ħafna tbatija hi kkawżata mill-egoiżmu tagħna, bħal tilwim mall-ġirien… Alla l-ħin kollu jibgħat nies biex jgħallmuna, imma ħafna drabi nagħmlu bħall-Antik Testment: jekk ma nagħtux kashom, jew saħansitra noqtluhom!
ALLA ĦALAQ KOLLOX SEW U TAJJEB
Fil Ġenesi – Iżaija 5, 1–7, is-Sid (Alla) għamel kollox għall-għalqa tad-dwieli. Għażel art tajba, ipprepara l-art biex ikollha abbundanza ta’ frott, għażel l-aħjar pjanti. Imma bħala riżultat kellu għeneb qares. Mela l-awtur sagru qed jgħidilna li dak li xtaq Alla ma ġarax! Hawn joħroġ biċ-ċar li Alla ma jiggarantix riżultati, u dan għaliex Alla jagħtina l-liberta’ anke li niċħduh u li ma nħobbuhx. Tant iħobbna li fdana bil-kreazzjoni Tiegħu! Il-frott li Alla ried f’vers 7 huma l-ġustizzja u l-paċi. Jekk inħaddnuhom, it-tbatija tonqos ferm minn din id-dinja.
X’TGĦID IL-BIBBJA RIGWARD IT-TBATIJA?
Kemm fl-Antik kif ukoll fil-Ġdid Testment, naraw ħafna tbatija ta’ kull forma. Fil-fatt hemm il-Ktieb tal-Lamentazzjonijiet! Ta’ spiss insibu l-awtur jirraġuna u jargumenta m’Alla – hija esperjenza komuni f’min qed ibati.
Il-Bibbja tixhed għar-realta’ tat-tbatija fid-dimensjonijiet kollha tagħha – fiżika, interjuri u spiritwali, fuq livell kemm kolletiv kif ukoll individwali.
Il-Bibbja qatt ma ħbiet it-tbatija, lanqas dik estrema – oppressjoni u jasar, faqar, gwerer, diżgrazzji, epidemji, mard fiżiku ta’ kull xorta, mard tax-xjuħija, mard psikiku, mewt, persekuzzjoni, taqbid interjuri, is-skiet t’Alla …
IT-TBATIJA FIT-TESTMENT L-ANTIK
Fit-Testment l-Antik in-nies kienu jemmnu li kull ħaġa ġejja mingħand Alla, kemm jekk hija tajba u kemm jekk hi ħażina. It-tajjeb, bħal flus, ferħ, tfal, ħajja twila, rebħ fil-gwerra, ġid … dawn kienu jitqiesu bħala rigal mingħand Alla. Affarijiet ħżiena, bħal ħajja qasira, mard, bla tfal, telf fil-gwerra … dawn kienu jitqiesu bħala mibgħuta minn Alla bħala kastig għad-dnubiet tagħhom u anke saħansitra tal-antenati tagħhom! Fl-Antik Testment ukoll, Alla mhux muri biss bħala dak li jikkastiga, imma wkoll bħala dak li jintervjeni u jkisser it-tbatija. L-aspett tas-salvazzjoni qatt mhu minsi, eż Iżaija 40 – 55 li jitratta dwar il-profeija tal-konsolazzjoni.
Fit-Testment l-Antik ħafna kienu jemmnu li l-uniku post li Alla seta’ jippremja jew jikkastiga lil xi ħadd kien biss f’din id-dinja. Ma kienux jemmnu la fil-Ġenna u lanqas fl-Infern. Kienu jemmnu biss fl-art tal-mejtin (Sheol). Kien post fejn ma kienx hemm ħajja, bla kuntatt mall-ħajjin u maqtugħ minn Alla. Kienu jemmnu wkoll li jekk tobdi il-Torah (Liġi) u l-Patt, int ħajjtek ħa tkun suċċess, imma jekk int ma tobdix, int żgur se tbati – teoloġija tad-Dewteronomju, ideja qawwija fil-Profeti.
Fil-fatt tara li ħafna awturi sagri ma tantx jagħtu mportanza tas-suċċessi ta’ ħafna rejiet, imma l-motif prinċipali hu: għaliex waqajna fl-Eżilju? U r-risposta dejjem tinsab fid-Dewteronomju: ma ġewx obduti l-Liġi u l-Patt.
IL-KOTBA TAL-GĦERF – JOB, KOHELET …
Matul iż-żminijiet, il-bniedem beda’ jinduna li dak li kien jemmen – it-tajjeb ikollu r-risq u l-ħażin it-tbatija – mhux dejjem kien jiġri. L-awturi sagri bdew jinduna li fil-ħajja normali ħafna drabi kien jiġri l-kontra!
Dawn il-Kotba Filosofiċi ppruvaw jirrispondu din il-ħaġa. Hawn in-nies bdiet tuża r-raġuni. Naraw li t-tema ta’ premju jew punizzjoni, f’ħajja oħra wara din, dehret fil-kotba Apokaliptiċi (Danjel …) Il-lezzjoni prinċipali fil-ktieb ta’ Ġob hi li meta dan, fi tbatija kbira, esperjenza lil Alla, kollox sar irrevelanti, anke t-tbatija nnifisha! Anke qabel ma Alla reġa’ tah kollox, Gob inbidel fil-preżenza t’Alla. Fid-dawl t’Alla kollox jitlef l-importanza tiegħu!Ġob jurina li l-fidi trid tibqa’ biex it-tbatija tintrebaħ.
It-Testment l-Antik ma jarax lil Alla biss bħala dak li jikkawża t-tbatija, imma wkoll bħala dak li jeqridha.