Prayer Cafè: L-EWWEL ĦADD TAR-RANDAN – IT-TENTAZZJONI FID-DEŻERT – taħdita minn Fr. Joseph Agius, il-Ġimgħa, 8 ta’ Marzu, 2019
Il-laqgħa bdiet bit-Talba tal-Moviment. Wara nqara l-Vanġelu minn San Luqa, k4, v 1-13.
Ir-rakkont tat-tentazzjoni fid-deżert jaqbad mar-rakkont tal-Magħmudija ta’ Ġesu’, li hu meħud ukoll mill-Vanġelu ta’ San Luqa. F’dan ir-rakkont, Ġesu’ għaraf x’kellha tkun il-missjoni Tiegħu. Għaraf li kellu jaqdi l-missjoni tal-Qaddej t’Alla li kien ħabbar Iżaija: “…Hu refa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat, mitluq minn Alla u miġjub fix-xejn. Iżda Hu kien miġruh minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat Tiegħu sibna l-fejqan tagħna” (Iż 53, 4-5). Ġesu’ għaraf dan kollu fid-dikjarazzjoni mis-sema: “Inti Ibni l-għażiż, fik sibt il-għaxqa Tiegħi” (Lq 3, 22). Ġesu’ rċieva l-Ispirtu s-Santu biex jagħraf x’kienet il-missjoni Tiegħu, u anki biex jipprepara għaliha.
L-ewwel vers tal-Vanġelu jgħid “… mimli bl-Ispirtu s-Santu reġa’ lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert”. Fil-magħmudija fil-Ġordan, Ġesu’ niżel fuqu l-Ispirtu s-Santu, u mqanqal mill-istess Spirtu, erħielha lejn id-deżert biex iħejji ruħu għall-missjoni Tiegħu, biex jirrifletti fuq dak li kien dieħel għalih. Mar fid-deżert, mhux sempliċement biex jeħles mill-għagħa tan-nies fil-bliet u l-irħula tal-Palestina, imma anki għaliex id-deżert kien jirrappreżenta l-ambjent fejn ir-rapport bejn Alla u Iżrael kien fl-aqwa tiegħu. Il-profeta Hosegħa jwiegħed li Alla lest jirrestawra r-rapport idejali li kellu ma’ Iżrael, u jgħid: “Għalhekk, araw, jiena se niġbidha, neħodha fid-deżert u lil qalbha nkellem”.
Kien hemm diversi gruppi li għażlu li jgħixu fid-deżert għal din ir-raġuni. Kien hemm il-komunita’ ta’ Qumran, li ħallewlna d-dokumenti tal-Baħar il-Mejjet. Kien hemm Ġwanni l-Battista. U fost dawk li baqgħu jgħixu fl-ibliet, kien hemm min baqa’ jgħix l-istil tal-ħajja tad-deżert. Fosthom insibu n-Nazzrin, li kien jappartjeni għalihom Sansun. Ma kinux jixorbu nbid. Kienu jiċċaħħdu mill-kumditajiet li l-komunita’ kellha meta stabbilixxiet ruħha fl-art ta’ Kagħnan.
It-tieni vers jgħid: “Hemm għal erbgħin jum kien imġarrab mix-xitan”. Il-missjoni ta’ Ġesu’ tibda b’riferiment għall-erbgħin jum u tintemm b’riferiment għall-erbgħin jum wara l-qawmien Tiegħu mill-imwiet (Atti 1, 3) . L-erbgħin jum fil-bidu jixbħu l-erbgħin jum li Mose’ għadda fuq il-muntanja fl-okkażżjoni tal-Patt (Ez 24, 18). Elija għadda erbgħin jum fid-deżert (Iż 19, 8). Ġesu’, bħal Mose’ u Elija, kellu jistabbilixxi r-rapport tal-bniedem ma’ Alla.
“Kien inġarrab mix-xitan”. Id-deżert hu meqjus bħala l-ambjent fejn jgħammru spirti ħżiena (Is 13, 20, 30). Levitiku 16 isemmi l-Azazel, spirtu li joqgħod fid-deżert. Infatti l-poplu kien jagħmel Jum ta’ Tpattija – “Yom Kippur”. Kienu jieħdu żewġ mogħżiet. Waħda joffruha sagrifiċċju, u l-oħra jgħabbuha bid-dnubiet tal-komunita’ u jitilquha fid-deżert.
“Kien imġarrab”. Ġesu’ kien bniedem, u bħal kull bniedem kien imġarrab, imma, kuntrarju tagħna, Hu qatt ma ċeda għat-tiġrib. “Għalhekk kellu jkun jixbaħ lil ħutu f’kollox, biex ikun il-Qassis il-Kbir, ħanin u fidil f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ Alla, u biex ipatti għal dnubiet il-poplu. Għax, billi Hu stess bata u kien imġarrab, jaf jgħin lil dawk li huma fit-tiġrib” (Lhud 2, 17-18).
It-tiġrib li jitkellem fuqu l-Vanġelu hu tiġrib speċifiku, li jolqot il-missjoni ta’ Ġesu’, il-missjoni tal-Qaddej t’Alla, u li kellha twasslu għall-mewt fuq salib. Din kienet ir-rieda t’Alla, imma fid-deżert kien imġarrab biex jaqdi missjoni messjanika li teħilsu mid-diffikulta’ tal-passjoni u l-mewt. Daħlulu dubji f’moħħu. Intebaħ li kienet missjoni diffiċli ħafna. L-ebda profeta qablu ma kien imsejjaħ għal missjoni ta’ dak it-tip. Dawn id-diffikultajiet kienu t-tentazzjoni li l-Evanġelista jattribwixxi lix-xitan. Ix-xitan ġarrbu biex ma jaqdix missjoni messjanika bħala Qaddej t’Alla, għax kien intebaħ li b’missjoni bħal din , is-saltna tiegħu fuq il-bniedem kienet tiġi fix-xejn.
“Ma kiel xejn, u ħadu l-ġuħ”. Fid-deżert ma tantx hu faċli ssib x’tiekol. Anki l-Iżraeliti kienu jgergru li fid-deżert ma kienx hemm x’tiekol. U Alla bagħtilhom il-manna u s-summien. L-ewwel tentazzjoni tolqot il-missjoni ndirettament. Ix-xitan sejjaħlu “Bin Alla” – b’riferiment għall-missjoni messjanika Tiegħu – u jissuġġerilu li juża l-poteri li ttih din il-missjoni għall-interessi personali Tiegħu. Ġesu’ ntebaħ li biex jaqdi l-missjoni Tiegħu kellu bżonn ta’ poteri partikolari. Id-dubju kien jekk għandux jużahom għall-interess personali Tiegħu, f’dan il-każ li jibdel il-ġebla f’ħobż. Fil-Vanġelu Ġesu’ qatt m’għamel mirakli għall-interessi personali Tiegħu, imma għall-ġid tal-komunita’.
Ġesu’ ma jċediex għat-tentazzjoni. Jikkwota test mid-Dewteronomju: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix”. Ir-risposta qegħda fil-parti tat-test li Ġesu’ jħalli barra, “imma b’dak kollu li joħroġ minn fomm il-Mulej, b’dan jgħix il-bniedem” (Dt 8, 3). Għal Ġesu’ aktar importanti kienet il-Kelma t’Alla li kien sema’ fil-magħmudija Tiegħu, li fil missjoni kien se jkollu jinsa l-interessi Tiegħu u jidħol għall-missjoni li kienet se ġġib magħha sagrifiċċju u tbatija.
“Ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet kollha f’daqqa…” Din it-tieni tentazzjoni tolqot direttament in-natura tal-missjoni messjanika. In-nies kienet qed tistenna messija minn nisel ta’ David, messija li jaqdi missjoni politika – li jeħles lill-komunita’ mill-ħakma tar-Rumani, u jerġa’ jwaqqaf is-saltna ta’ David. David sar sultan fuq it-tribu’ tiegħu – Ġuda – u wara sentejn fuq il-bqija tat-tribu’ l-oħra – Iżrael, wara ħakem fuq il-Filistin, l-Aramej, il-Moabin, l-Edomin, u diversi gruppi oħra. Ix-xitan urieh dawn is-saltniet, u b’xi mod webblu biex jinqeda bil-poteri li kellu u dak li kienet qed tistenna in-nies biex jerġa’ jwaqqaf is-saltna ta’ David.
Hawnhekk nagħmlu parentesi. Ix-xitan wegħdu l-glorja. Ma nafx kemm kien jasal għall-glorja kieku ċeda għat-tentazzjoni. Ir-Rumani ma tantx kienu lesti li jħallu lil xi ħadd jopponi l-awtorita’ tagħhom fil-Palestina. u dawk li ppruvaw spiċċaw ħażin.
Li kieku Ġesu’ ċeda għal din it-tentazzjoni, kien jagħmel ir-rieda tax-xitan, mhux ir-rieda ta’ Alla. Kien fil-prattika jaqdi, jadura lix-xitan, flok ma jadura u jaqdi lil Alla. Imma Ġesu’ ma ċediex għat-tentazzjoni.
“Imbagħad ix-xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata….fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla”. Hawnhekk ix-xitan talbu jġarrab lil Alla. Ix-xitan waqqa’ lil Adam u Eva għax ikkonvinċiehom li b’xi mod setgħu jisfidaw l-awtorita’ ta’ Alla. Dit-tattika ħadmet, u tat lix-xitan il-possibilta’ li jaħkem fuq il-bniedem. Ipprova l-istess tattika ma’ Ġesu’. Għaraf li Ġesu’ ried joqgħod għall-kelma li kien sema’ fil-magħmudija, u pproponielu li jara jekk verament kienitx ir-rieda ta’ Alla li jmut fuq salib biex jeħles lill-bniedem mill-jasar tad-dnub. Qallu, jekk Alla jridek tagħmel dan, anke jekk taqbeż minn hawn fuq għal isfel ma jiġrilek xejn, għax Alla jibgħatlek l-anġli Tiegħu biex jerfgħuk. Ix-xitan webblu biex jittanta jagħmel suwiċidju. Jekk Alla jridni nidħol għal din il-missjoni diffiċli, biex nagħmilha, Alla jrid ikun miegħi u jagħtini l-għajnuna li għandi bżonn. Irrid prova li Alla lest li jkun miegħi waqt li nħabbat wiċċi mad-diffikultajiet tal-missjoni. Ix-xitan webblu biex jipprova jara jekk Alla kienx lest ikun miegħu hu u jħabbat wiċċu mad-diffikultajiet. Ġesu’ ma ċediex għat-tentazzjoni, u mill-ġdid wera li lest li joqgħod għall-kelma li kien sema’ fil-magħmudija. “Iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek”.
Vers 13 “…ix-xitan telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt”. Ix-xitan kompla jiżra’ f’moħħ Ġesu’ d-dubju dwar jekk kellux jidħol għall-missjoni messjanika bħala l-qaddej t’Alla imwiegħed minn Iżaija. Fil-Vanġelu niltaqgħu ma’ rakkonti oħra fejn jingħad li xi ħadd ittanta lil Ġesu’ biex jiċħad għall-missjoni tal-Qaddej t’Alla, u kien hemm saħansitra min riedu, bħax-xitan, jaqdi missjoni ta’ Messija politiku.
Pietru stqarr lil Ġesu’ bħala l-Messija (Mk 9, 27-30). Immedjatament wara Ġesu’ jħabbar il-passjoni u l-mewt Tiegħu. “U beda għallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-Bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlett ijiem jerġa’ jqum”. Fuq dan kellimhom ċar. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu. Iżda Hu dar, ħares lejn id-dixxipli Tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bniedem” (Mk 8, 31-33).
Bħalma fl-istqarrija Pietru tkellem f’isem l-appostli, anki hawn jidher li qed jitkellem f’isem sħabu. Jidher li l-appostli kellhom din l-ideja dwar il-missjoni messjanika ta’ Ġesu’, u kien għalhekk li spiss fittxew li jkollom pożizzjoni fis-saltna (Mk 9, 34; Mk 10, 35-46, Ġw 1, 49). Biex ifhemhom li kellu jmut biex jaqdi l-missjoni Tiegħu tbiddel quddiemhom hu u jitkellem ma’ Mose’ u Elija (Lq 9, 28-36).
Meta l-Appostli abbandunawh, mhux biss għax beżgħu. Kienu tilfu l-fiduċja fih. Dehrilhom li l-missjoni Tiegħu kienet spiċċat fix-xejn. Anki huma kienu qed jistennew li jistabbilixxi s-saltna ta’ David.
Ix-xitan inqeda anki bin-nies ta’ żmien Ġesu’ biex iġarrbu u jipprova jikkonvinċih jaqdi missjoni politika. Dan kien it-tip ta’ Messija li kienet qed tistenna n-nies. It-tamiet tagħhom kienu bbażati fiq test tal-profeti li kienu jwegħdu r-restawr tas-saltna ta’ David. Meta n-nies rat l-egħġubijiet li kien qed jagħmel, ippruvat kemm-il darba tagħmlu sultan (Ġw 6,15; 12,13). Kien għalhekk li Ġesu’ spiss impona s-sigriet messjaniku, għalkemm kultant aċċetta li xi ħadd jagħarfu bħala l-Messija – is-Sammaritana, l-Appostli. Kien jippreferi jitkellem fuqu nnifsu bħala Bin il-Bniedem.
Ġesu’ kien imġarrab waqt l-agonija fil-Ġnien taż-Żebbuġ. Probabbilment kien hawn li Ġesu’ deher bħallikieku kien se jċedi għat-tentazzjoni u jiċħad li jaqdi l-missjoni tal-Qaddej t’Alla. Talab lil Alla jeħilsu mill-kalċi tal-passjoni u l-mewt. Veru li kien dispost li joqgħod għar-rieda t’Alla u jbati u jmut, imma l-fatt li talab lil Alla jeħilsu mill-passjoni u l-mewt hu prova li Ġesu’ għadda minn kriżi dwar il-missjoni Tiegħu.
Il-Kontrattakk ta’ Ġesu’: Il-missjoni Tiegħu li jmut fuq salib biex jeħles lill-bniedem minn dnubietu u mill-ħakma tax-xitan. Biex juri li din kienet il-missjoni Tiegħu beda din il-missjoni b’mirakli ta’ eżorċiżmu – keċċa x-xjaten. Kellu s-saħħa li jeħles lill-bniedem mill-ħakma fiżika tax-xitan , iktar u iktar għandu s-saħħa li jeħles lill-bniedem mill-ħakma morali tax-xitan. “Jekk inkeċċi x-xjaten bis-saħħa tal-Ispirtu t’Alla, kunu afu li waslet is-saltna t’Alla (Mt 12,28). Is-saltna tax-xitan hi fit-tmiem tagħha u waslet biex tiġi inawgurata s-saltna t’Alla.
Applikazzjoni
- Il-bniedem ikun imġarrab – mhux darba jew tnejn, imma regolarment. Meta l-bniedem iħossu dgħajjef f’ċertu kamp tal-ħajja morali tiegħu, proprju hemm se jkun imġarrab.
- Irid ikollna l-kuraġġ naffrontaw it-tiġrib li ngħaddu minnu. Jekk naqgħu, Alla lest li jaħfer. Minħabba l-mewt ta’ Ibnu fuq is-salib, Alla jaħfer – ħafer mhux biss id-dnubiet li kkommetta l-bniedem qabel il- mewt ta’ Ibnu fuq is-salib, imma anki li kkommetta u jikkommettu l- bnedmin wara.
- Alla jaf jgħin lil dawk li huma fit-tiġrib. It-tiġrib – mhux biss morali, imma anki kull tiġrib ieħor. Jgħin mhux għax jeliminalhom it-tiġrib, imma aktar billi jimliehom bil-kuraġġ li jaffrontawh.
Il-laqgħa għalqet bit-Talba tal-Missierna.