QAM U QAJJEM – L-Għid il-Kbir [B] – Il-Ħadd 31 ta Marzu 2024
Ħadd il-Għid [Sena B]
QAM U QAJJEM
Atti 10:34a, 37-43; Salm 117; 1 Korintin 5: 6b-8; Ġwanni 20:1-9
Il-Vanġelu
Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!” Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Mbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Mbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen. Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.
Il-Ħsieb
HALLELUJAH. Il-Mulej qam tassew. Il-Mulej kisbilna r-rebħa. Aħna wkoll se nqumu. Le, mhux biss għandna l-garanzija tar-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt, mhux biss għandna l-garanzija li Kristu se jqajjem lilna wara din il-ħajja, iżda wkoll għandna ċ-ċertezza li dak kollu li nwettqu f’din il-ħajja jkun mistur fil-ħajja għall-eternità. Dan huwa l-messaġġ qawwi ta’ l-Għid. Kristu qam biex jerfa’ lilna mir-raqda ta’ kuljum, mill-monotonija ta’ ħajjitna, mill-medjokrità li ħafna drabi nitkaxkru fiha fil-ħajja ta’ kuljum. Inti kemm inti fit-tajn u fil-ħama tal-vizzji u d-dnubiet ta’ ħajtek, il-Mulej illum QAM biex jerfagħna lejh, biex ma jħalliniex negħrqu aktar fil-ħama.
Iżda rridu nemmnu. Irridu nkunu konvinti minn dak li għamel Ġesù għalina. Ilkoll kemm aħna rridu nsibu l-mument biex, kif ippruvajna nagħmlu f’dan ir-Randan, niftħu qlubna beraħ għalih. Kristu qam biex ifejjaq il-ġrieħi ta’ l-umanità kollha. Ma nistgħux nibqgħu ndawru wiċċna u nħallu l-ġrieħi mikxufa mingħajr kura. Issa l-mument li, wara li għarafna li rebaħ għalina, inħalluh imissna u jfejjaqna.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, insibu l-ewwel predikazzjoni ta’ l-Appostli li hija bbażata fuq il-qawwa tal-passjoni, mewt u qawmient ta’ Kristu. Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 117, għandna l-ferħ tal-Knisja fil-qawmien ta’ Kristu mill-mewt li jfisser salvazzjoni garantitia għall-bnedmin li jwieġbu għas-sejħa ta’ Kristu. Fit-Tieni Qari, meħud mill-Ewwel Ittra lill-Korintin, għandna l-eżempju tal-Lhud li kienu jarmu barra minn darhom il-ħmira l-ħażina. Hekk ukoll in-nisrani jrid jarmi dak kollu li huwa ħażin biex jikseb il-qawmien fi Kristu. Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna lil Pietru u Ġwanni flimkien ma’ Miriam ta’ Magdala jkunu l-ewwel xhieda tal-qawmien ta’ Kristu. L-aħbar tinxtered permezz tagħhom ma’ kullimkien.
Il-Ħajja
- Illum l-Għid il-Kbir. Tħossok ferħan?
- Kemm tassew bil-ħajja tagħna qed inkunu sinjali ta’ din l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu fuq il-mewt?
- Il-Mulej qam biex iqajjimna fuq tagħna bħala Nsara. X’impenn hemm f’ħajtek biex tiġġedded inti u ġġedded lil ħaddieħor? Tinsab involut f’xi ħidma tal-Knisja?
- Marija ta’ Magdala, Pietru u Ġwanni marru jxandru l-Aħbar. Inti tistħi xxandar l-Aħbar it-Tajba?
Id-Djalogu
Grazzi, Mulej,
li għaddejt minn passjoni ħarxa għalina
biex tiksbilna l-qawmien għal dejjem.