AWTORITÀ BIEX TAQDI – Id-29 Ħadd Matul is-Sena – 20 t’Ottubru 2024

AWTORITÀ BIEX TAQDI – Id-29 Ħadd Matul is-Sena – 20 t’Ottubru 2024

October 11, 2024

Id-29 Ħadd Matul is-Sena

AWTORITÀ BIEX TAQDI

Isaija 53: 10-11; Salm 32; Lhud 4: 14-16; Mark 10: 35-45

Il-Vanġelu

     Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna.” “Xi triduni nagħmlilkom?” staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek.” Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?” “Ghandha,” qalulu. Mbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din m’hijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija.”

    L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Imma Ġesù sejjħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom  bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom.  Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”

 

Il-Ħsieb

     Awtorità biex taqdi.  M’huwiex slogan iżda l-ideal nisrani ta’ servizz. “Min ikun il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom.”  Idea li hija kontra l-kurrent ta’ żmienna.  Il-kultura tal-lum teżalta lill-awtorita u tonfoħ kull awtorita biex tidher, iżda fl-istess nifs titfa’ ruxxmata suspetti lejn l-istess awtorita.  Il-Mulej iżda jridna nkunu ta’ servizz, u aktar ma tkun fl-awtorita aktar għandek isservi lil għajrek bil-possibbilta tiegħek kollha.  Ġesù jpoġġi l-eżempju tal-missjoni li ġie biex iwettaq b’qadi f’din id-dinja, “biex jagħti ħajtu għall-kotra.”  Hekk tfisser il-vera mħabba meta inti tagħti kollox mingħajr l-ebda interess għal għajrek… u Ġesù kien l-Iben ta’ Alla.  Fis-soċjeta tagħna hemm bżonn ta’ min imexxi iżda huwa importanti li kull awtorità toħroġ il-qawa tagħha.  Kull awtorità li imponiet ħolqot stat ta’ tirannija u ġabet stmerrija.  Bħala Nsara għandna nknu ta’ servizz kontinwu, hi x’inhi l-awtorità li nħaddnu u nħaddmu.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija, il-profeta jsemmi lill-qaddej t’Alla li ntgħażel minn alla biex jirrappreżenta l-komunità u jġib fid-dinja l-ġustizzja u l-paċi.  Minkejja dan, jiġi msawwat u maqtul.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 32, huwa talba lill-Mulej ħa tkun fuqna t-tjubija u l-barka tiegħu.  Fit-Tieni Qari għandna silta mill-Ittra lil-Lhud fejn Kristu qiegħed fil-glorja tas-sema wara li bata u miet għalina l-bnedmin.  Huwa dejjem lest li jgħin lil dawk li jersqu lejh fil-qawwa tiegħu.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark naraw li Ġesu għadu kemm ħabbar għat-tielet darb l-passjoni tiegħu.  Id-dixxipli ma fehmuhx.  anzi, ulied |ebedew bdew ifittxu l-glorja.  Ġesu jurihom xi tfisser tmexxi.  Tagħme sens biss jekk isservi.

Il-Ħajja

  1. Kemm fhimt s’issa f’ħajtek il-missjoni salvifika ta’ Ġesù?

     Kemm tassew qed tgħixha fil-ħajja tiegħek?

  1. Fil-ħajja ta’ kuljum, kull bniedem li jgħix għandu l-

     awtorità bil-mod kif jitkellem u jaġixxi.  Dan ukoll huwa

     poter u awtorità.  Kemm tassew qed ngħixu għal

     ħaddieħor?  Kif qed ngħixu ma’ ħaddieħor?  Kemm qed

     ngħinu lil ħaddieħor?

  1. Kull tmexxija, kemm spiritwali u ċivili, għandha bżonn

     l-għajnuna u l-koperazzjoni tagħna.  Bħala ċittadin ta’

     pajjiż u membru ta’ komunità nisranija qed naqdu

     dmirna sewwa għal dak li tordna l-awtorità għall-

     ġid komuni?

Id-Djalogu

  Mulej, dawwal lil kull min għandu l-awtorità,

  biex jużaha b’għaqal,

  għall-ġid komuni,

  u b’servizz lill-proxxmu fil-ħtieġa.