‘CHECK UP’ TAL-FIDI – L-24 Ħadd Matul is-Sena – Il-Ħadd 15 ta’ Settembru 2024

‘CHECK UP’ TAL-FIDI – L-24 Ħadd Matul is-Sena – Il-Ħadd 15 ta’ Settembru 2024

September 8, 2024

L-24 Ħadd Matul is-Sena

‘CHECK UP’ TAL-FIDI

Isaija 50: 5-9; Salm 114; Ġakbu 2: 14-18; Mark 8: 27-35

Il-Vanġelu

     Telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta’ Ċesarija ta’ Filippu. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: “Min jgħidu n-nies li jien?” Weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti.” “Imma intom,” staqsiehom, “intom min tgħidu li jien?” Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija.”  Mbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu.

      U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum. Fuq dan kellimhom ċar. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu. Iżda hu dar iħares lejn  id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!”

     Sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u ta’ l-Evanġelju, isalvaha.

Il-Ħsieb

Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u ta' l-Evanġelju, isalvaha.

     Fil-mixja tagħna ta’ kuljum f’din il-ħajja r-riflessjoni tagħna ma tistax tibqa’ biss waħda lajkali.  Hemm bżonn li nuru tassew is-sens reliġjuż ta’ ġewwa fina ’l fejn qed jiġbed, liema direzzjoni qed jagħti lill-ħajja tagħna.  Min jgħid li qed jgħix mingħajr sens reliġjuż huwa kompletament aljenat u forsi ma jafx sew lilu nnifsu.  Id-domanda li jagħmel Ġesù lid-dixxipli tiegħu llum hija domanda ta’ verità fuq il-mod li qed ngħixu u l-għażliet li qed inwettqu.  Intom min tgħidu li jiena?  Din hija d-domanda li Ġesù staqsa lill-appostli, din hija d-domanda li Ġesù jistaqsi lili u lilek kuljum b’mod sinċier u personali.  Aħna x’sejrin inwieġbu?  Xi jfisser għalina Ġesù llum?  F’San Pietru naraw l-eżempju tagħna.  Nistqarru li huwa l-Messija, iżda nibqgħu naħsbu bħala bnedmin.  Ġesù juri li biex ngħidu xi jfisser għalina rridu nerfgħu s-salib tagħna kuljum.  Hawn jinsab is-sigriet ta’ l-għarfien ta’ Ġesù.  Dan huwa s-sigriet tal-mixja wara Ġesù.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija nsibu silta meħuda mit-tielet għanja ta’ Isaija li fiha jagħti spjega ta’ min huwa l-qaddej ta’ Alla.  Il-qaddej jisma’ s-sejħa ta’ Alla, jintelaq f’idejh u jwettaq dak kollu li jgħidlu akkost ta’ kollox.  Dan il-ħsieb ikompli fis-Salm Responsorjali, minn Salm 114, li jtenni, “Jien nimxi quddiem il-Mulej, fl-art tal-ħajjin”.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu, insibu li l-fidi mingħajr l-għemil hija mejta.  Il-Vanġelu ta’ San Mark itenni li min irid tassew iwieġeb għad-domanda min huwa Ġesù, irid jerfa’ salibu kuljum.

Il-Ħajja

  1. Qatt  għamilt check up tal-fidi tiegħek?
  2. Id-domanda Intom min tgħidu li jien tgħinkom tagħmlu dan.
  3. Fil-ħajja tiegħek qiegħed terfa’ s-salib tiegħek kuljum jew ħafna drabi aktar tilħaq salib ħaddieħor?
  4. Il-messaġġ tal-liturġija tal-lum huwa ċar. Jekk irridu nkunu Nsara mhux ta’ l-isem biss hemm bżonn li l-fidi tagħna nagħtuha l-ħajja kuljum.  Is-salib jgħinna nwettqu dan.

Id-Djalogu

  Mulej,

  nitolbok li nagħrfek aktar fil-fidi tiegħi,

  u li ngħix il-fidi tiegħi fid-dawl tas-Salib.