FEJQAN KONTINWU – Il-5 Ħadd Matul is-Sena B – 4 ta’ Frar 2024

FEJQAN KONTINWU – Il-5 Ħadd Matul is-Sena B – 4 ta’ Frar 2024

February 1, 2024

Il-5 Ħadd Matul is-Sena

FEJQAN KONTINWU

Ġob 7: 1-4,6-7;  Salm 146; 1 Korintin 9: 16-19; 22-23; Mark 1, 29-39

Il-Vanġelu

      Ħarġu mis-sinagoga u baqa’ sejjer ma’ Ġakbu u Ġwanni għand Xmun u Indrì. Issa omm il-mara ta’ Xmun kienet fis-sodda bid-deni, u malajr qalulu biha.  Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha. U d-deni ħallieha, u bdiet isservihom.

     Fil-għaxija, mbagħad, fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan. U quddiem il-bieb inġabret il-belt bi ħġarha. U fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard, u ħareġ għadd kbir ta’ xjaten li hu ma kienx iħallihom jitkellmu, għax huma kienu jafu min kien.

      L-għada fil-għodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob. Xmun u sħabu l-oħrajn marru jfittxuh. Kif sabuh, qalulu: “Kulħadd jistaqsi għalik.” U qalilhom: “Ejjew immorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nippriedka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt.” U dar il-Galilija kollha, jippriedka fis-sinagogi tagħhom u joħroġ ix-xjaten 

Il-Ħsieb

     Fejjaq il-kunjata ta’ Pietru, fejjaq tant morda u ħareġ ix-xjaten.  Il-missjoni ta’ Ġesù hija waħda ċara ta’ fejqan favur il-bniedem.  Il-bniedem huwa fiċ-ċentru mhux biss tat-tagħlim ta’ Ġesù iżda anki ta’ l-azzjoni ta’ fejqan ta’ Ġesù.  Ġesù jara d-dgħufija tal-bniedem u ma jridx iħalli lill-istess bniedem fil-miżerja.  Il-ħarsa ta’ Ġesù lejn il-bniedem mhix dik li titħassar iżda li tgħin mill-ewwel.

     Ġesù huwa dak li jinteressa ruħu mill-ħajja tagħna kollha.  Mhux ser iħares biss lejn l-affarijiet spiritwali.  Il-Vanġelu tal-lum juri biċ-ċar li Ġesù jinteresa ruħu mill-bniedem sħiħ.  Għalhekk iħares lejn il-bniedem kontinwament biex isalvah kemm fir-ruħ kif ukoll fil-ġisem.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari mill-Ktieb ta’ Ġob għandna meditazzjoni dwar it-tbatija li l-bniedem ikollu jħabbat wiċċu magħha.  F’din is-silta hemm ideja pessimista tal-ħajja.  Għad m’hemmx ideja ta’ x’se jiġri wara din il-ħajja.  Is-Salm Responsorjali huwa innu ta’ tifħir lill-Mulej li jfejjaq lil dawk ta’ qalbhom maqsuma.  Fit-Tieni Qari għandna silta mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin fejn juri l-qawwa u r-responsabbiltà tax-xandir tal-Vanġelu.  Il-Vanġelu ta’ San Mark jippreżenta lil Ġesù bħala t-tabib tar-ruħ u l-ġisem.

Il-Ħajja
  1. Kemm qed nersaq b’umiltà lejn Ġesù biex ifejjaqni?
  2. Kemm qed nafda fil-Mulej fil-mard tiegħi tar-ruħ u tal-ġisem?
  3. Ġesù kontinwament jiġri warajna biex ifejjaqna. Qed inwasslu nies oħrajn għandu għall-fejqan?
  4. San Pawl illum jurina r-responsabbiltà tad-dmir li nxandru l-Vanġelu. Kemm qed tħoss li dan huwa dmir bħala nisrani?
Id-Djalogu

  Mulej, għallimni nersaq lejk

  bil-ġrieħi tiegħi.  Fejjaqni Mulej.