IL-LE GĦAD-DIVORZJU – Is-27 Ħadd Matul is-Sena – 6 t’Ottubru 2024
Is-27 Ħadd Matul is-Sena
IL-LE GĦAD-DIVORZJU
Il-Vanġelu
Resqu xi Fariżej lejh, u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. Weġibhom u qal: “X’ordnalkom Mosè?” Qalulu: “Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha. ” Mbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni. Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara. Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ‘l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk m’humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.” Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju.”
Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajjtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha.” Mbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.
Il-Ħsieb
Ġesù jitkellem ċar illum: “Sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara. Għalhekk, meta jħalli raġel lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu jsiru ġisem wieħed.” Ġesù jenfasizza li m’humiex aktar tnejn iżda ġisem wieħed. Huwa jkompli jitkellem b’qawwa kbira: DAK LI JGĦAQQAD ALLA MA GĦANDUX JIFIRDU L-BNIEDEM. Id-diskors ta’ Ġesù u t-tagħlim tal-Knisja dwar dan is-suġġett jidhru iebsa u mingħajr flessibiltà. Iżda llum kulħadd jammetti l-importanza li l-familja għandha fil-bini ta’ soċjetà soda. Il-familja ffurmata mill-koppja miżżewġa trid tiddefendi ruħha minn mentalità li ġġib il-persuni li jiffirmaw iż-żwieġ oġġetta ta’ konvenjenza għal perjodu qasir ta’ żwieġ. Il-koppja miżżewġa għandha d-dmir li tibni familja soda fuq l-imħabba ta’ xulxin ibbażata fuq dik l-imħabba-bluha li Alla għandu għall-bniedem. U għalhekk jagħmel sens li, quddiem kull kriżi li tista’ tfeġġ fil-koppja, dawn jagħmlu mixja ta’ mħabba u konverżjoni; għaliex xi darba jew oħra, minħabba d-dgħufija tagħna kulħadd se jonqos.
Fl-istess Vanġelu, Ġesù jgħidilna kif trid tkun il-qalb u l-imħabba tagħna bħal dik tat-tfal żgħar. Hemm bżonn li niritornaw għas-sempliċità. Hemm bżonn li fil-familja tagħna tirrenja atmosfera sempliċi ta’ qlub ferħana.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi, għandna l-ħsieb ta’ Alla fuq iż-żwieġ. F’din is-silta tal-lum naraw li ż-żwieġ huwa ħolqien ta’ Alla u don tiegħu. Fis-Salm Responsorjali tal-lum insibu talba ta’ barka tal-Mulej fuq il-bniedem u l-familja tiegħu. Fit-Tieni Qari nsibu silta mill-Ittra lil-Lhud li titkellem dwar is-saċerdozju ta’ Kristu. Ġesù huwa s-Saċerdot waħdieni u fl-istess ħin bniedem bħalna u ħuna. Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna lil Ġesù jitkellem kontra d-divorzju kif ukoll jinsisti li rridu nsiru bħat-tfal iż-żgħar.
Il-Ħajja
- Hemm bżonn li bħala Nsara nifhmu l-qawwa taż-żwieġ u r-responsabbiltajiet li jġib miegħu.
- Iż-żwieġ huwa impenn bejn żewġ bnedmin li jagħtu ħajjithom għal xulxin. Mhux kemm se nieħu miż-żwieġ iżda kemm se noffri.
- Kull żwieġ nisrani jagħmel sens jekk ġurnata wara oħra wieħed jgħixu fid-dawl tal-Kelma tal-Mulej.
- L-avventura kbira taż-żwieġ nisrani ssaħħaħ lill-bniedem mhux biss moralment iżda wkoll bl-impenn tiegħu fis-soċjetà.
- Infittxu dejjem li niżirgħu f’qalbna l-imħabba kbira għal Alla f’kull proġett ta’ ħajjitna, kif ittenni Santa Tereża tal-Bambin Ġesù.
- Niftakru dejjem li huwa r-Rużarju li jgħaqqad il-familji tagħna.
Id-Djalogu
Mulej, żomm idejk fuq kull koppja
li tixtieq tgħix u tibni miegħek
il-proġett tal-familja tagħha.