L-IMĦABBA LEJN L-GĦADU – Is-7 Ħadd Matul is-Sena: 24 ta’ Frar 2019

L-IMĦABBA LEJN L-GĦADU – Is-7 Ħadd Matul is-Sena: 24 ta’ Frar 2019

February 23, 2019

Is-7 Ħadd Matul is-Sena

IL-VERA MĦABBA IEBSA:

DIK LEJN L-GĦADU!

1 Samwel 26.2.7-9.12-13.22-23: Salm 102; 1 Korintin 15,45-49; Luqa 6:27-38

Il-Vanġelu

     “Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: “Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa   l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom.  Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin.  U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom.  Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb ma’ l-ingrati u l-ħżiena.  Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.

“Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; Lq:6:38] agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejjlu intom jitkejjel lilkom.

 

Il-Ħsieb

Tiġġudikawx, tikkundannawx!  Din hija t-twissija ta’ Ġesú llum.  Ġesú li issa qed jagħmel diskors personali lil kull wieħed u waħda minna.  Kemm-ildarba fil-ħajja tagħna ta’ kuljum inqattgħu ħin twil nilħqu salib in-nies minflok ngħinu lin-nies jerfgħu s-salib tagħhom.  Min jaf kemm ħlejna ħin nikkundannaw u niġġudikaw, nippreġudikaw l-atteġġjament tagħna lejn il-familjari tagħna, lejn dawk fuq il-post tax-xogħol, lejn sħabna tal-klassi jew fil-komunitajiet tagħna.  Dan kollu minħabba li għadna ma fhimniex li fuq is-salib Kristu ġabar dawn id-difetti tagħna u sammarhom miegħu biex aħna ngħixu biss il-kelma pura tiegħu li tagħti l-ħajja.

“Aħfru u jinħafrilkom!  Agħtu u jingħatalkom!  Diskorsi ta’ Ġesú li permezz taghom irid jgħallimna li dak kollu li nwettqu fil-ħajja tagħna għandu sens biss, meta mmorru kontra l-kurrent u nwettqu t-tagħlim tiegħu fil-prattika fil-ħajja ta’ kuljum.  Mhux dejjem huwa faċli, anzi huwa iebes meta quddiemna nsibu għadu tagħna li minnu nirċievu biss ħars ikraħ jew azzjonijiet ħżiena.  Iżda proprju minn hawn trid titlaq il-konverżjoni tagħna fiż-żmien tal-lum u fi żmien ir-Randan.  Jekk tibqa’ tħobb lil min iħobbok xi ħlas jista’ jkollok?

 

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel għandna ġrajja mill-ħajja ta’ David fejn joħroġ il-messaġġ li l-imħabba lejn l-għedewwa titnissel mill-maħfra.  David ma joqtolx lil Sawl u jaħfirlu minkejja li seta’ kiseb il-vendetta fuqu.  Fis-Salm Responsorjali għandna t-talb u radd ta’ ħajr fl-istess ħin għaliex ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej.  Kulħadd illum irid jara kemm tassew il-Mulej qed juri ħniena u tjubija magħna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Fit-Tieni Qari, mill-ewwel ittra ta’ San Pawl lill-Korintin,  San Pawl qed iwieġeb għall-mistoqsija ta’ kif se jkun il-ġisem ta’ dawk li jqumu minn bejn l-imwiet.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna ġabra ta’ tagħlim ta’ Ġesú li juri kif in-nisrani għandu jġib ruħu biex ikun nisrani tassew.  “Jekk tħobb biss lil min iħobbok xi ħlas jista’ jkollok?”  Hemm bżonn, għalhekk, li nagħmlu għażla soda għall-kliem ta’ Sidna Ġesú Kristu.

 

Il-Ħajja

  1. Kristu jitkellem ċar. Taħseb li fhimt dak li ried jgħidlek fil-Vanġelu tal-lum?  Taħseb li hemm materjal biżżejjed biex ħajtek tinbidel?
  2. Kemm tassew, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, qed naċċettaw li ma niġġudikawx u ma nikkundannaw lil ħadd iżda minflok nitolbu għal dawk kollha li għandhom bżonn it-talb tagħna?
  3. Kemm qed nagħmlu training fl-imħabba tagħna ta’ kuljum, mhux biss lejn dawk li jħobbuna u li jagħtuna mħabbithom lura iżda lil dawk li huma għedewwa jew rivali tagħna?
  4. Lest, fil-ħajja tiegħek, taħfer mingħajr kundizzjoni? Ħares lejn Kristu Msallab qabel twieġeb.

 

Id-Djalogu

Mulej, għinni biex kull ħin tal-ħajja tiegħi nħares lejk,

u nara x’wettaqt inti għalija,

minkejja li jiena midneb.

Għinni nkun jien li nħobb qabel nirċievi l-imħabba,

li naħfer qabel jaħfruli.

Għinni, Mulej, nagħmel dan

kuljum, kull ħin.