MHUX ĦAQQ IŻDA ĦELSIEN – Ir-4 Ħadd tar-Randan [B]- 10 ta’ Marzu 2024
Ir-4 Ħadd tar-Randan [Sena B]
MHUX ĦAQQ IŻDA ĦELSIEN
2 Kronaki 36: 14-16; 19-23; Salm 136; Efesin 2:4-10; Ġwanni 3; 14-21
Il-Vanġelu
U kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem ta’ l-Iben il-waħdieni ta’ Alla. U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin. Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx. Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu.
Il-Ħsieb
Alla jibqa’ jħobbna. Alla jibqa’ jiġri warajna u għalhekk bagħat lill-istess Iben tiegħu biex juri sa fejn għandha tasal l-imħabba. Iżda Alla huwa Alla ġust. Għalhekk, issa l-ġudizzju qed jitwettaq f’kull għemil li jiena u inti nwettqu. Id-dawl ġie fid-dinja iżda d-dinja għażlet id-dlam u mhux id-dawl. Jiena u inti ħafna drabi nfittxu l-ħażin minkejja li nafu fejn huwa t-tajjeb. U din hija l-isfida kbira li jippreżenta llum Ġesù. Huwa ġie biex jagħti d-dawl, għaliex qed nibqgħu nagħżlu d-dlam? Minkejja li konna mejta minħabba d-dnub, Alla tana ħajja ġdida. Hekk itenni San Pawl. Possibbli li se nibqgħu naċċettaw id-dlamijiet ta’ ħajjitna?
Il-Kelma
L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mit-Tieni Ktieb tal-Kronaki, jurina kif il-jasar tal-Lhud fi żmien Babel kien frott ta’ l-infedeltà li l-poplu wera ma’ Alla lejn il-Patt tas-Salvazzjoni. Iżda Alla dejjem jiċċaqlaq minn rajh biex isalva. Fis-Salm Responsorjali naraw li l-Lhud fl-eżilju ta’ Babel ma jistgħux jinsew il-Patt li Alla għamel magħhom f’Sijon. Fit-Tieni Qari tal-lum, mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, nisimgħu lil San Pawl jgħidilna li s-salvazzjoni għandha tiġi mis-sehem li nieħdu mill-ġrajjiet ta’ Kristu. Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna lil Ġesù jkellem lil Nikodemu fejn jurih x’tip ta’ Messija kien Kristu, dak li jfejjaq il-ġrieħi billi jmut fuq is-salib. Alla dejjem jibqa’ fidil lejn il-Patt tiegħu. Huwa l-bniedem li qatt m’hu ċert x’se jirrispondi għall-imħabba ta’ Alla.
Il-Ħajja
- Kif qed twieġeb għas-sejħa ta’ fejqan li qed jagħmillek Kristu f’dan ir-Randan? X’gidmiet ta’ sriep għandek fil-ħajja tiegħek? Qed tħalli lil Kristu jfejqek?
- Kemm qed taċċetta l-patt ta’ mħabba li jagħmel miegħek Kristu kuljum, b’mod speċjali fl-Ewkaristija? Kemm qed tistennieh u tkun sinċier ma’ Kristu?
- Il-Mulej issallab għalik. Inti msallab għal xi ħadd?
- Kemm qed turi mħabbtek fl-għajxien tiegħek kuljum għall-Mulej?
Id-Djalogu
O Alla, inti tant ħabbejtni li bgħatt lil Ibnek.
Agħmel li nagħraf din il-grazzja kuljum.