REBĦA FUQ IL-MEWT – It-13-il Ħadd Matul is-Sena [B] – 30 ta’ Ġunju 2024

REBĦA FUQ IL-MEWT – It-13-il Ħadd Matul is-Sena [B] – 30 ta’ Ġunju 2024

June 26, 2024

It-13-il Ħadd Matul is-Sena

REBĦA ĊERTA U ĊARA FUQ IL-MEWT

Għerf 1,13-15: 12,23-24: Salm 29; 2 Korintin 8,7,9,13-15; Mark 5, 21-43

 

Il-Vanġeliu

Wara li Ġesù raġa’ qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta’ nies. U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, nxteħet f’riġlejh,  u talbu ħafna u qallu: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix.” U Ġesù telaq miegħu, b’kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu.

U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm. Kienet batiet wisq taħt ħafna tobba, u nefqet kull ma kellha, u mhux biss ma swielha xejn, imma talli marret għall-agħar. Meta semgħet b’Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet minn warajh u messitlu l-mantar, għax qalet: “Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejjqa.”  F’daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha. Ġesù minnufih intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn il-kotra u staqsa: “Min messli l-mantar?” Id-dixxipli tiegħu qalulu: “Qiegħed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi: Min messni?” Hu beda jħares madwaru biex jara jilmaħx lil dik li kienet għamlet dan. Mbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża’ għax għarfet x’kien ġralha, resqet, nxteħtet f’riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu. “Binti,” qalilha, “il-fidi tiegħek fejjqitek; mur bis-sliem, u kun imfejjqa mill-marda tiegħek.”

Kif kien għadu jitkellem, waslu xi wħud mid-dar tal-kap tas-sinagoga u lil dan qalulu: “Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?” Iżda Ġesù sama’ x’kienu qegħdin jgħidu, u qal lill-kap tas-sinagoga: “Tibżax, biss inti emmen.”  U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu.  Waslu d-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra storbju sħiħ u nies jibku u jixhru. Daħal, u qalilhom: “Dan l-istorbju kollu u dan il-biki għalfejn? It-tfajla m’hijiex mejta, imma rieqda.” U qabdu jiddieħku bih. Imma hu keċċiehom ilkoll ‘il barra, ħa miegħu lil missier it-tfajla u lil ommha u lil dawk li kienu miegħu u daħal fejn kienet it-tfajla. Qabdilha idha, u qalilha: “Talitha, qum!” jiġifieri: “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!” Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi; għax kellha tnax-il sena. U baqgħu miblugħin bil-għaġeb. U hu wissiehom bis-sħiħ biex dan ma jkun jaf bih ħadd, u qalilhom jagħtuha tiekol.

 

 

Il-Ħsieb

Min hu Ġesù għalina?  Nemmnu li huwa tassew l-Iben t’Alla?  Nemmnu li tassew jista’ jwettaq għemejjel kbar magħna u għalina?  Hemm xi ħaġa li mhux kapaċi jagħmilha?  Meta naraw lil Ġesù jeħodha kontra l-mewt u jagħti l-ħajja lit-tifla ta Ġajru nifhmu li kapaċi jqajjem anki lilna mhux bilfors mill-mewt iżda xi kultant mill-medjokritàtal-ħajja.  Ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt hija garanzija għalina li aħna wlied id-dawl, li aħna mmarkati bil-grazzja, li aħna għandna nkunu qalbna qawwija li l-Mulej tassew qiegħed magħna.

“Il-fidi tiegħek fejqitek.”  Kemm tassew nistgħu ngħidu li

aħna għandna fidi li tfejjaqa, li tassew aħna konvinti mill-preżenza qawwija tal-fidi tagħna fi Kristu li kapaċi nirbħu s-slaleb tal-ħajja?  Kemm-il darba bħall-qraba ta’ Ġajru aħna nidħku għall-proposti li jagħmlilna Kristu filwaqt li forsi nippruvaw nibnu l-ħajja tagħna fuq il-frugħat?

 

Il-Kelma

Fl-ewwel qari, meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf, insibu li l-mewt

daħlet fid-dinja minħabba l-opra tax-xitan.  Is-Salm 29 huwa

tifħir lill-Mulej għax ħelisna mill-mewt.  Fis-Silta mit-Tieni Ittra lill-Korintin, li nisimgħu llum fit-tieni qari, għandna lil San Pawl jeżorta lin-nies ta’ Korintu biex jitgħallmu jaqsmu

minn dak li għandhom ma’ ħaddieħor.

Fil-Vanġelu tal-lum għandna żewġ rakkonti ta’ fejqan.  Il-fejqan tal-mara li kienet ilha tnax-il sena marida u l-qawmien tat-tifla ta’ Ġajru.  Fejqan li deher impossibbli iżda li sar possibbli.

 

Il-Ħajja

  1. Kemm-il darba nħossuna morda fir-ruħ u ma nersqux lejn il-veru fejqan?
  2. Kemm-il darba naħsbu li nistgħu nakkwistaw il-fejqan tagħna minn għejjun imdardra?
  3. Kemm tassew qed niġru wara Kristu għax nemmnu li jista’ jfejjaqna?
  4. Il-mewt hija s-sinjal tal-falliment tal-bniedem. Kristu feda dan il-falliment u ġab ir-rebħa lill-bniedem.  Ħadd ma jista’ jeqridna għal dejjem jekk nemmnu fi Kristu.  Kemmser indumu boloh u nagħmlu minn ħajjitna karikatura ta’ medjokrita?
  5. Kemm ser indumu nirrifjutaw il-fejqan ta’ Kristu?

 

Id-Djalogu

Mulej, agħtina l-qawmien u l-fejqan fuq il-vizzji ta’ kuljum.