TITĦAWDUX U TIBŻGĦUX! – Is-Sitt Ħadd tal-Għid – 26 ta’ Mejju 2019
Is-Sitt Ħadd tal-Għid
TITĦAWDUX U TIBŻGĦUX!
Atti 15: 1-2, 22-29; Salm 66; Apokalissi 21:10-14, 22-23; Ġwanni 14, 23-29
Il-Vanġelu
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu : “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu m’hijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni.
“Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom. Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’. Smajtu x’għedtilkom: Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni. U għedtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ temmnu
Il-Ħsieb
Illum Ġesù jagħtina messaġġ ieħor ċar li fuqu għandna nfasslu l-proġetti ta’ ħajjitna. M’huwiex biżżejjed li ngħidu li nħobbu lil Ġesù jekk wara ma nħarsux il-kelma tiegħu għaliex hija din il-kelma li tagħtina l-ħajja kull ħin. Jekk ngħidu li nħobbu lil Ġesù u ma nagħtux każ tat-tagħlim u l-kliem tiegħu, ħajjitna tkun bla fil, bla fidi.
Il-Mulej jaf li s-sitwazzjoni tal-fidi tagħna ħija waħda prekarja. Jaf li ħafna drabi nwegħdu ħafna iżda wara ma nagħmlu xejn. Ħafna drabi lill-Mulej nuruh biss li nħobbuh bil-kliem biss. Huwa għalhekk importanti li fid-dgħufija tagħna l-Mulej jibgħatilna Difensur li jsaħħaħna fl-għajxien kuljum tal-fidi tagħna fil-pożizzjoni li għandna fis-soċjetà. U dan jgħodd għal kulħadd, kemm min iġorr responsabbiltà ta’ familja kif ukoll dawk li jġorru responsabbiltajiet ta’ tmexxija għolja fil-pajjiż.
Id-Difensur li se jibgħatilna jgħallimna kollox u jfakkarna dak kollu li Ġesù qalilna. Din hija l-qawwa ta’ l-Ispirtu tal-Mulej, l-Ispirtu li se jdawwal il-Knisja u jdawwal il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Iżda kemm tassew aħna konvinti minn dan?
Il-Kelma
L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli fejn insibu li fil-Knisja ta’ l-ewwel żminijiet kienet qamet kwistjoni dwar jekk il-pagani li jikkonvertu għandhomx jgħaddu mir-riti tar-reliġjon Lhudija. Il-Knisja ta’ Antijokja għaddietha lill-knisja f’Ġerusalemm u sar l-ewwel Konċilju li stieden lil kulħadd għall-għaqda u l-imħabba, għax fil-Knisja ma jeżistux Lhud jew Grieg iżda lkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù. Is-Salm Responsorjali, minn Salm 66, jurina li għaliex aħna magħqudin ma’ Kristu għandna sehem mill-barkiet imwegħda fl-imgħoddi minn Kristu nnifsu. It-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta l-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu, jittratta s-sbuħija tal-Knisja u jħares lejha meta tilħaq il-milja tagħha fis-sema. Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann li ntennu llum għandna lil Ġesù jgħid li Alla nnifsu jiġi joqgħod fina meta aħna lkoll inwettqu l-kelma tiegħu. Hija l-preżenza Trinitarja li tmexxina. Din hija l-imħabba kbira li Ġesù jwiegħed lilna jekk inħobbuh bil-fatti u bl-għemejjel tagħna.
Il-Ħajja
- Ilkoll kemm aħna ntennu li nħobbu lil Ġesù. Din mhix risposta għal domanda li konna nwieġbu fil-klassi tal-katekiżmu. Hija d-domanda għall-ħajja tagħna lkoll. Kemm tassew qed nemmnu u nwettqu din l-imħabba fl-għemejjel tagħna ta’ kuljum?
- Irridu bħala Nsara nitolbu u naħdmu għall-unità fil- Knisja. Fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm ġie mtenni li fil-Knisja m’hemmx Lhud jew Grieg iżda lkoll ħaġa waħda fi Kristu. Qed naħdmu u nitolbu bħala Nsara għal dan?
- Ġesù jwiegħed Difensur biex jgħinna nifhmu aktar l-imħabba ta’ Alla. Kemm qed nitolbu u niddjalogaw ma’ dan id-Difensur?
- “Tħallux li qalbkom titħawwad u lanqas titbeżża’.” Kif nistgħu nagħmlu dan jekk tassew ma jkunx hemm il-preżenza ta’ Alla l-missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu fina?
- M’għandniex triq oħra… jekk tassew irridu nħobbu lill-Mulej irridu nħarsu l-kmandamenti tiegħu u jkollna l-ħajja bil-kotra.
Id-Djalogu
Mulej, illum stedintna biex
ma nitħawdux u ma nibżgħux;
taf li aħna bnedmin.
Għinna sabiex naċċettaw aktar il-kelma tiegħek,
u ngħixu ħajjitna miegħek
sabiex tkun dejjm magħna.