NGĦIXU GĦAL DEJJEM – L-20 Ħadd Matul is-Sena – 19 t’Awwissu 2018

NGĦIXU GĦAL DEJJEM – L-20 Ħadd Matul is-Sena – 19 t’Awwissu 2018

August 9, 2018

  L-20 Ħadd Matul is-Sena

NGĦIXU GĦAL DEJJEM

Proverbji 9: 1-6; Salm 33; Efesin 5:15-20; Ġwanni 6:51-58

Il-Vanġelu

    F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-Ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.” Il-Lhud tlewwmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?” Ġesù mela qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum.  Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.  Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih.  Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.  Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; m’huwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem.”

 

Il-Ħsieb

     Preokkupazzjoni kbira u tal-biża għall-bniedem dejjem kienet il-mewt.  Mill-Ktieb tal-Proverbji, li nsibu fl-Ewwel Qari tal-lum, għandna messaġġ qawwi mill-awtur li jistieden lill-bniedem iwarrab il-bluhat biex ħajtu tkun bil-għaqal.  Hemm bżonn li nagħrfu li aħna ma aħniex għal hawn u li għalhekk huwa importanti li nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema.  Għaldaqstant irridu nieklu l-ħobż li nieżel mis-sema biex isaħħaħna fl-għajxien, fil-fehmiet u fid-deċiżjonijiet tagħna.  Il-Mulej jagħtina dan il-ħobż biex ngħixu, mhux għal ftit żmien iżda għal dejjem.  Ir-rifju nistgħu nagħmluh biss aħna u ħadd iżjed.  Quddiem dinja li qed tistedinna għal kultura tal-mewt, Ġesù jippreżentalna stedina li hija wkoll sfida biex ngħixu miegħu għal dejjem.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Proverbji, għandna stedina għall-għerf li għandu jwassal lill-bniedem għall-mod prudenti kif jgħix.  Is-Salm 33 li ntennu fis-Salm Responsorjali tal-lum, huwa stedina biex inkomplu nitbiegħdu mill-ħażen u nwettqu dak li jrid minna l-Mulej.  It-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, ifisser x’għandha tkun il-ħidma tan-Nisrani li jrid jixbah lil Alla.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, fejn Ġesù jkomplu jinsisti fuq il-ħobż li jagħti l-ħajja,  Ġesù jagħti tassew lilu nnifsu.

Il-Ħajja

  1. Ġesù fl-Ewkaristija jagħti l-ħobż tal-ħajja. Kemm tassew qed napprezzaw dan il-ġest ta’ solidarjetà ma’ l-umanita?
  2. Kemm qed nifhmu dak li jtenni Ġesù meta jistedinna għall-ħobż li niżel mis-sema li se jagħtina l-ħajja ta’ dejjem?
  3. Il-ħajja tiegħi ta’ kuljum hija mibnija fuq għażliet għaqlin jew għażliet għall-eġoiżmu?
  4. Ġesù jikkonfronta l-egoiżmu tagħna bl-altruiżmu tiegħu. Ħallielna ġismu u demmu. X’seta’ jagħtina aktar biex juri mħabbtu għalina?

Id-Djalogu

  Duqu u taraw

  kemm hu tajjeb il-Mulej!