DAN HU IBNI L-GĦAŻIŻ – Il-Magħmudija tal-Mulej – 11 ta’ Jannar 2015

DAN HU IBNI L-GĦAŻIŻ – Il-Magħmudija tal-Mulej – 11 ta’ Jannar 2015

January 4, 2015

Il-Magħmudija tal-Mulej

DAN HU IBNI L-GĦAŻIŻ

Isaija 42: 1-4; 6-7; Salm 28; Atti 10: 34-38; Mark 1:7-11

 

Il-Vanġelu

Ġwanni l-Battista kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu.”

U ġara li f’dawk il-jiem ġie Ġesù minn Nazaret tal-Galilija, u tgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan. U minnufih hu u tiela’ mill-ilma ra s-smewwiet jinfetħu, u l-Ispirtu bħal ħamiema nieżel fuqu; u mis-smewwiet instama’ leħen: “Inti ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi.

 

Il-Ħsieb

     Il-festa tal-lum, dik tal-Magħmujdija tal-Mulej, mhux biss hija festa li tfakkarna fil-mument tal-magħmudija ta’ kull wieħed u waħda minna, iżda wkoll fil-konferma ta’ Alla l-Missier għall-missjoni ta’ Ibnu:

‘Araw il-qaddej tiegħi li fih jiena nemmen,
il-Maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet.”

     Dan id-diskors tal-Profeta Isaija juri l-missjoni ta’ Qaddej ta’ Alla speċjali, Alla jagħmel patt ta’ għaqda bejnu u bejn il-poplu.  Hija missjoni li l-qaddej ta’ Alla kellu jwettaqha fil-kwiet u fis-sliem.  U minn hawn tibda r-riflessjoni fuq il-missjoni tagħna bħala mgħammdin u qaddejja ta’ Alla.  Kemm tassew fhimna din il-missjoni?  Kif qed nuru, bħall-qaddejja ta’ Alla, bl-istess ħajja tagħna ta’ kuljum li aħna mgħammdin?  Kemm nistgħu nwettqu f’ħajjitna d-dmirijiet li rċevejna fil-magħmudija?

The Baptism of Christ - Hendrik Goltzius [Public domain], via Wikimedia Commons

The Baptism of Christ – Hendrik Goltzius

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija jitkellem dwar il-missjoni ta’ Qaddej ta’ Alla speċjali.  Fuq dan il-qaddej jitqiegħed l-Ispirtu t’Alla.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 28, għandna innu ta’ tifħir lill-Mulej li jbierek lill-poplu tiegħu bis-sliem.  It-Tieni Qari tal-lum huwa silta mill-Atti ta’ l-Appostli.  Għandna l-bidu tad-diskors ta’ Pietru fid-dar taċ-ċenturjun pagan Kornelju.  Pietru jenfasizza li Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ iżda jilqa’ lil kull min irid iwettaq ir-rieda tiegħu.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna l-predikazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista u l-Magħmudija ta’ Ġesù fil-Ġordan.

Il-Ħajja
  1. Kif qed ngħixu l-magħmudija tagħna b’rutina jew b’impenn?
  1. Kemm tassew fil-festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù qed nirrifletti fuq il-Magħmudija tiegħi u nara kif nista’ niġġedded mal-Mulej?
  1. Il-Qaddej t’Alla aċċetta li jgħix il-Magħmudija tiegħu fis- sempliċita.  Kemm qed nipprova ngħix ħajja sempliċi?
  1. L-umiltà kbira ta’ Ġesù tidher fil-festa tal-lum. Kemm   qed jirnexxilna nkunu umli fil-qadi ta’ kuljum?
Id-Djalogu

  Mulej Ġesù,

  għinni ngħix kuljum

  il-wegħdiet li għamilt fil-Magħmudija.