MEJTIN GĦAL DEJJEM? – 2 ta’ Novembru: Tifkira Solenni tal-Mejtin
2 ta’ Novembru: Tifkira Solenni tal-Mejtin
MEJTIN GĦAL DEJJEM?
Ġob 19: 1.23-27a, Salm 26, Rumani 5: 5-11, San Ġwann 6: 37-40
Il-Vanġelu
“Dawk kollha li jagħtini Missieri jiġu għandi, u min jiġi għandi ma nkeċċihx ‘il barra; għax jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni. Issa r-rieda ta’ min bagħatni hija din: li jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, iżda li nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Din hi tabilħaqq ir-rieda ta’ Missieri: li kull min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum.”
Il-Ħsieb
Il-mewt hi suġġett li kulħadd jipprova jaħrab, mhux biss li jitkellem fuqu iżda wkoll li jaħseb dwaru. Il-mewt li tiżra’ niket profond meta tolqot lilna mill-qrib. Il-mewt tant iġġiegħel nies isofru u jibku. Il-mewt hija kundanna. Iżda hija kundanna? Il-Knisja darba fis-sena tagħmel tifkira li fiha naħsbu fil-mejtin kollha. Huwa mument li fih il-Knisja turina li hemm rabta kbira bejn dawk li mietu u aħna li għadna ħajjin. Hemm rabta kbira spiritwali tant li nistgħu nibqgħu solidali ma’ xulxin permezz tat-talb. Fit-tifkira tal-lum, li tiġi ċelebrata l-Ħadd, għandna diversi siltiet tal-Kelma ta’ Alla li jistgħu jintgħażlu għal-lum. Siltiet li mhux biss jimlewna bit-tama iżda b’mod ġdid kif inħarsu lejn il-mewt mhux bħala telfa iżda bħala rebħa u bidla.
Rebħa u bidla li kisbilna Kristu bil-qawmien fuq l-istess mewt u billi fetħilna l-bieb tal-ġenna beraħ għat-tieni parti tal-pellegrinaġġ tagħna. Il-festa tal-lum m’hix biss tifkira u rispett lejn l-għeżież tagħna iżda wkoll mument li fih niftakru li aħna wkoll irridu ngħaddu minn dan il-passaġġ u jeħtieġ li nippreparaw bis-sħiħ għalih.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf, naraw li l-mewt mhix qerda iżda l-kisba tas-sliem etern. Il-Mulej mhux se jitlaq lil dawk li fil-ħajja tagħhom għamlu l-għażla tiegħu. Din hija l-kisba tal-verità eterna. Is-Salm Responsorjali jkompli jurina kemm il-Mulej jieħu ħsiebna f’din il-ħajja, għaliex fis-Salm 22 insibu li huwa r-Ragħaj u s-Salvazzjoni tagħna. Fit-Tieni Qari tal-lum San Pawl, fl-Ewwel Ittra lill-Korintin, itenni li aħna nqumu mir-raqda li nagħmlu fil-mewt. Huwa mument misterjuż ta’ bidla, bidla li turi n-nuqqas ta’ taħsir. San Pawl itenni li l-unika niggieża għall-mewt hija d-dnub. San Pawl jirringrazzja lil Alla għar-rebħa li ksibna permezz ta’ Kristu fuq il-mewt. Fil-Vanġelu nsibu r-rakkont tal-qawmien mirakoluż ta’ Lażżru. Il-Mulej joħroġ lil Lażżru mill-qabar. Il-mewt iċċedi għall-kmand qawwi tal-kelma ta’ Kristu.
Il-Ħajja
- Il-Mulej beka wkoll fil-mewt ta’ Lażżru. Iżda l-Mulej bil-kelma tiegħu qajjem lil Lażżru.
- Il-Mulej jibki wkoll quddiem il-mewt li nwettqu kuljum meta nabbandunawh. Bil-kelma tiegħu qawwija lest li joħroġna mill-qabar li naqgħu u ningħalqu fih bid-difetti tagħna kuljum.
- Il-qawwa tar-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt għandha timliena b’kuraġġ. Iżda f’din il-ħajja rridu nagħmlu l-għażliet, mingħajr kompromessi, li jridna nagħmlu Kristu.
- Kemm tassew aħna ppreparati issa, il-lum, f’dan il-ħin, biex niltaqgħu mal-Mulej jekk isejħilna?
Id-Djalogu
Ħienja l-Mejtin
li jmutu fil-Mulej;
huma jistrieħu mit-taħbit tagħhom,
għax l-għemejjel tagħhom
jissieħbu magħhom.
“Hienja minn issa l-mejtin li jmutu fil-Mulej.
Iva, jgħid l-Ispirtu, huma jistrieħu mit-taħbit kollu tagħhom,
għax l-għemejjel tagħhom imorru magħhom.”
Apokalissi 14,13