DIXXIPLI MILL-IMĦABBA – It-5 Ħadd tal-Għid – 19 ta’ Mejju 2019

DIXXIPLI MILL-IMĦABBA – It-5 Ħadd tal-Għid – 19 ta’ Mejju 2019

May 19, 2019

It-5 Ħadd tal-Għid

DIXXIPLI MILL-IMĦABBA

Atti 14:21-27; Salm 144; Apokalissi 21:1-5; Ġwanni 13:31-33a,34-35

Il-Vanġelu

      Kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu, Ġesù qal: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla.  Jekk Alla huwa gglorifikat permezz ta’ Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom. Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.  Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”

 

Il-Ħsieb

     Fil-mixja tagħna wara l-qawmien tiegħu mill-mewt Ġesù jibqa’ jwasslilna messaġġi għal bidliet radikali fil-ħajja tagħna.  Il-mumenti tal-Passjoni, Mewt u Qawmien li wettaq għall-umanità kollha, Ġesù wettaqhom mhux bi dmir iżda biex juri lill-umanità sa fejn tasal l-imħabba lejn min tkun tħobb.  Fil-ħajja tagħna jgħaddu mumenti li nħobbu lin-nies, iżda kemm huma dawk il-mumenti li tassew nagħrfu li qed inħobbu b’dik l-imħabba li ppriedka Ġesù, imħabba bbażata fuq ġrajjiet li xi kultant iweġġgħu biex tgħaddi minnhom iżda li twettaqhom minħabba li inti tħobb lil Ġesù jew lill-proxxmu tiegħek?

     Il-Mulej qed jagħti dan il-kmandament ġdid wara li ħareġ miċ-ċenaklu u qabel ma jibda l-passjoni.  Kien jaf x’inhu ġej.  Kien jaf li l-Appostli se jitwerwru.  Ried iħalli testment li għadu validu sa llum.  Iżda kemm tassew nafu nħobbu aħna?  Kemm tassew qed inħobbu mingħajr interess ta’ xejn?  Tieħu gost tara l-ħidmiet fis-soċjetà tagħna:  lill-ħaddiem li jaqdi dmiru sew fuq il-post tax-xogħol, lill-ulied li jħobbu lill-ġenituri tagħhom, lil tant nies li jagħmlu xogħol ta’ volontarjat kuljum għax iħobbu, tant reliġjużi li jħallu l-familja tagħhom biex jingħaqdu f’komunità għall-ġid ta’ ħuthom il-bnedmin.  Iridu nħobbu kif ħabbna Hu!

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Atti ta’ l-Appostli fejn għandna r-rakkont tat-tmiem ta’ l-ewwel vjaġġ missjunarju ta’ Pawlu u Barnaba u kif dawn reġgħu lura u żaru l-komunitajiet ta’ dawk l-insara li laqgħu l-Kelma ta’ Alla.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 144, juri li l-Mulej huwa tajjeb u ħanin.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu, għandna dehra ta’ Ġerusalemm tas-sema li se tiġbor fiha, permezz tal-ġebel ħaj tagħha, lil dawk li għaddew mhux mill-baħar tal-qasab jew mill-Ġordan iżda mill-baħar tal-ħażen u minn ħafna tbatijiet biex jingħaqdu ma’ Alla.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna lil Ġesù jagħmel l-aħħar diskors tiegħu lill-Appostli qabel iħallihom.  Huwa jgħidilna xi tfisser tħobb.

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej ħabbna mingħajr limiti! Tana Ġismu u Demmu.  ċarċar sa l-aħħar qatra ta’ demmu…. jiena u inti nħobbuh?
  2. Kemm tassew qed inħobbu kuljum lil Ġesù fil-proxxmu tagħna? Qed inħossu l-preżenza tiegħu f’nofsna bix-xhieda tagħna?
  3. “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi.” Qed jagħrfuna n-nies ta’ madwarna li aħna tassew dixxipli.
  4. L-imħabba lejn Ġesùtidher ukoll mill-imħabba u l-ħidma fil-Knisja mwaqqfa minnu u fis-soċjetà tagħna.

Id-Djalogu

  Mulej Ġesù

  għallimni nħobb tassew,

  u ma nagħmilx karikatura

  mill-imħabba lejn il-proxxmu tiegħi.

  Grazzi ta’ mħabbtek, Mulej!