LEĦEN IS-SEWWA – Ir-4 Ħadd tal-Għid – 12 ta’ Mejju 2019
Ir-4 Ħadd ta’ l-Għid
LEĦEN IS-SEWWA
Atti 13:14, 43-52; Salm 99; Apokalissi 7,9 14B-17; Ġwanni 10:27-30
Il-Vanġelu
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd. Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier. Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda.”
Il-Ħsieb
Kemm nisimgħu ħsejjes fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Ħsejjes li ħafna drabi mhux biss jagħmlulek uġigħ ta’ ras iżda jaljenawk minn dak li tkun se tiddeċiedi fil-ħajja tiegħek. Ħsejjes li jbegħduk minn mument ta’ mistrieħ u riflessjoni. Il-Mulej qed jagħmlilna stedina-sfida biex nisimgħu leħnu. Hija stedina iżda fl-istess ħin sfida, għax ħafna drabi fil-ħajja nagħmlu li r-relazzjoni tagħna mal-Mulej tkun one-way traffic: li ngħidu aħna biss huwa tajjeb, speċjalment meta nkunu daharna mal-ħajt u nitolbu xi ħaġa mingħand il-Mulej.
Il-Mulej itenni llum li huwa “jagħtina l-ħajja ta’ dejjem” u “ma jridna li nintilfu qatt!” Din hija realtà importanti li nżommu f’qalbna l-jiem kollha ta’ ħajjitna. Il-Mulej iridna nisimgħu leħnu, nimxu warajh u jkollna l-ħajja ta’ dejjem. Tliet mumenti importanti, tliet mumenti li fihom programm ta’ ħajja.
Il-Kelma
L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Atti ta’ l-Appostli fejn naraw li fit-tixrid tal-kelma ta’ Alla l-Appostli jiltaqgħu ma’ persekuzzjonijiet mhux biss minn barra iżda wkoll minn ġewwa tal-Knisja. Pawlu u Barnaba jtennu li quddiem ir-rifjut tal-Lhud għall-kelma ta’ Alla se jduru għal fuq il-pagani. Is-Salm Responsorjali, minn Salm 99, huwa għajta ta’ ferħ għax aħna lkoll il-poplu tal-Mulej. Fit-Tieni Qari mill-Apokalissi, nisimgħu dwar id-dehra msejħa tas-seba’ siġilli, li ssemmi l-kotra ta’ nies mifdija bil-konsegwenza li turi li s-salvazzjoni hija għal kulħadd. Il-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, juri li Ġesù huwa r-Ragħaj it-Tajjeb li jagħraf in-ngħaġ tiegħu.
Il-Ħajja
- Il-Mulej huwa r-Ragħaj tagħna. Qed jistedinna biex:
a) nisimgħu leħnu
b) niġu magħrufa minnu
c) niġu mogħtija l-ħajja minn Ġesù
d) ma nintilfu qatt.
- Il-ħajja ta’ kuljum tista’ twassalna biss għad-disperazzjoni jekk inwarrbu minn ħajjitna l-kelma ta’ Alla.
- Is-sens ta’ direzzjoni fl-istess ħajjitna rridu nsibuh biss fil-leħen ta’ Ġesù Kristu.
- Irridu nfittxu li x-xhieda tkun miftuħa għas-salvazzjoni tal-popli kollha mingħajr eċċezzjoni ta’ ħadd.
- Il-Mulej jgħidilna ċar u tond li huwa biss jista’ jkun il-kenn tagħna lkoll.
Id-Djalogu
Nitolbuk, o Ġesù,
li jkollna l-kuraġġ nisimgħu l-leħen tiegħek,
li jagħti direzzjoni għal ħajjitna
u nwettqu dak li trid inti.