IX-XIBKA – IL-ĦUT – L-IMĦABBA – It-3 Ħadd tal-Għid – 5 ta Mejju 2019
It-3 Ħadd ta’ l-Għid
IX-XIBKA – IL-ĦUT – L-IMĦABBA
Atti 5:27b-32; 40b-41; Salm 29; Apokalissi 5:11-14; Ġwanni 21:1-14
Il-Vanġelu
Wara dan, Ġesù raġa’ deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija. Dehrilhom hekk: Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien, u Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad.” Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll.” Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn. Fil-għodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù. Ġesù qalilhom: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?” “Le,” weġbuh. Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu.” Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqs kemm qabdu ħut! Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!” Għalhekk Xmun Pietru, kif sama’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien għoddu għeri, u ntafa’ l-baħar. Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut. Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż. Qalilhom Ġesù: “Newwlu ‘l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu.” Xmun Pietru tala’ fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx. Qalilhom Ġesù: “Ejjew, kulu.” Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih, ‘Int min int?’, għax kienu jafu li kien il-Mulej. Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut. Din kienet ġa t-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.
Il-Ħsieb
Għaddejjin mill-perjodu ta’ l-Għid, perjodu liturġiku qawwi għall-knisja u għal dawk kollha li jemmnu. Għaliex? Għaliex huwa mument li fih tissaħħaħ il-fidi tagħna, fidi li ħafna drabi tkun imxekkla minn tant dubji, fidi li ma nkunux nistgħu ngħixuha jekk ma nintelqux kompletament f’idejn ir-rieda ta’ Alla. Mhux nintelqu u ma nagħmlu xejn iżda nintelqu biex ilkoll nagħarfu li Alla jħobbna. Għal darba oħra Ġesù Rxoxt jinsab ħdejn id-dixxipli tiegħu. Ġesù jagħmlilhom kuraġġ u qiegħed f’nofshom biex iservihom, l-ewwel bil-miraklu tal-qabda tal-ħut u wara billi newlilhom il-ħobż u qassamulhom. Ġesù jistaqsi wkoll lil Pietru jekk iħobbux. Ġesù jagħlaq billi jenfasizza l-kliem: EJJA WARAJJA. Dan huwa l-messaġġ qawwi ta’ Ġesù. Hemm bżonn li lkoll kemm aħna nemmnu aktar f’Ġesu u nimxu warajh mhux biss meta jfettlilna iżda tkun għażla ta’ ħajjitna, għażla li Ġesù stess jgħinna nwettquha.
Il-Kelma
L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Atti ta’ l-Appostli. Huwa rakkont li fih naraw li l-Appostli, minkejja t-tiġrib u l-persekuzzjonijiet, ma setgħux iżommu għalihom biss il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt. Din hija l-Aħbar it-Tajba; hu d-dmir ta’ kull dixxiplu ta’ Kristu li jxandarha. Is-Salm Responsorjali, li ntennu fis-Salm 29, huwa għanja lill-Mulej għax ħelisna mid-dnub u reġa’ tana l-ħajja. Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Apokalissi, għandna l-viżjoni ta’ Ġwanni tal-liturġija tas-sema li tiġbor fiha l-AMEN (il-qima) ta’ kulħadd: anġli, bnedmin u ħlejjaq kollha. Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna d-dehra ta’ Ġesu lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija. Hija dehra li fiha Ġesù juri li għadu jieħu ħsieb lid-dixxipli u jrid jimliehom bil-kuraġġ. Is-sejħa lil Pietru IMXI WARAJJA jagħmilha wara li għal tliet darbiet staqsieh jekk iħobbux.
Il-Ħajja
- Il-Mulej qam mill-imwiet biex aħna ma mmutux. Huwa qiegħed iservina kuljum fl-Ewkaristija.
- Kemm tassew qed nagħtuh qima bl-AMEN tagħna kuljum? Kemm tassew qed intennulu grazzi għal dak kollu li jagħmel għalina bil-preżenza ħajja u qawwija tiegħu magħna kull ħin?
- “Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija. Mulej, kun l-għajnuna tiegħi.” Hekk tennejna fis-Salm Responsorjali tal-lum. Kemm tassew qed infittxuh lill-Mulej għall-għajnuna tagħna?
- Il-Mulej jistaqsi lil Pietru jekk iħobbux u wara jgħidlu biex jimxi warajh. Lilna qed jagħmlilna l-istess proposta. X’se tkun it-tweġiba tagħna?
- Hemm bżonn li nifhmu li lkoll għandna missjoni li nxandru l-bxara li Kristu qam biex aħna nibqgħu ħajjin.
Id-Djalogu
Mulej, għinna biex ilkoll kemm aħna
nifhmu li l-qawmien tiegħek fuq il-mewt
huwa l-Aħbar it-Tajba
li rridu nxandru kuljum, kull ħin
b’għemilna u ħidmietna,
Hallelujah.