MA EMMINX – MA NEMMNUX! – It-2 Ħadd tal-Għid – 28 t’April 2019

MA EMMINX – MA NEMMNUX! – It-2 Ħadd tal-Għid – 28 t’April 2019

April 26, 2019

It-2 Ħadd ta’ l-Għid

MA EMMINX – MA NEMMNUX!

Atti 5:12-16; Salm 117; Apokalissi 1,9-11a,12-13, 17-19; Ġwanni 20:19-31

Il-Vanġelu

 Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”  Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.”  Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu  s-Santu.  Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.” 

      Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna l-Mulej.” Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka ta’ l-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka ta’ l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx.” Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”  Mbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.”  Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”  Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.”

     Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li m’humiex imniżżla f’dan il-ktieb.  Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.

 

Il-Ħsieb

     L-Appostli kienu mwerwra magħluqa fiċ-ċenaklu mal-Madonna.  Min jaf kemm aħna konna mwerwra wkoll f’xi mument ta’ ħajjitna nixhdu li aħna nsara?  Fuq il-post tax-xogħol, l-iskola jew fl-istess familji tagħna kemm stajna konna ta’ eżempju u minflok bżajna għax jgħidulna li aħna “qaddisin”?  Il-verità hija li llum tistħi tkun moralment tajjeb quddiem dinja li sfaċċatament tisħet lil Kristu!  Ħafna drabi, minkejja li aħna nsara, ngħixu mimlijin suspetti u biża’.  Il-Mulej jiġi fostna, anzi l-Mulej jiġi fina, biex jiżra’ fina fiduċja u qawwa.  Għalfejn ma nitqawwewx bil-kuraġġ biex inkunu nistgħu nxandruh ma’ l-oħrajn?

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli u jirrakkonta l-għajxien ta’ l-insara fejn jibdew jiltaqgħu u jaċċettaw lil kulħadd.  Hekk tissawwar il-Knisja ta’ l-ewwel żminijiet.  Kristu jibqa’ juri l-preżenza tiegħu f’dawn il-komunitajiet.  Is-Salm Responsorjali, Salm 117, huwa għanja ta’tifħir lill-Mulej għaliex huwa tajjeb.  Fit-Tieni Qari, meħud mill-Apokalissi, San Ġwann jibgħat ittra lill-Knejjes ta’ l-Asja Minuri u jtenni kif Kristu Rxoxt jidher f’Jum il-Mulej, f’nofs il-Knisja u bil-qawwa kollha tiegħu.  Fl-Evanġelju, meħud minn San Ġwann, għandna waħda mid-dehriet ta’ Ġesù lill-Appostli tiegħu wara li qam mill-imwiet.  Huwa importanti d-djalogu li jagħmel ma’ Tumas li ma emminx qabel ma ra.

Il-Ħajja

  1. Qed ngħixu l-passjoni, mewt u qawmien ta’ Ġesù. Kemm tassew nifed il-ħajja tagħna dan il-misteru?  Kemm tassew qiegħed iċaqlaq il-qlub tagħna u jimliena bil-kuraġġ biex nemmnu fi Kristu u nagħtu x-xhieda li jistenna minna u mhux ningħalqu u nistaħbew?
  2. Kemm, f’dawn il-jiem, qed infaħħru lill-Mulej għas-salvazzjoni u d-dawl li kisbilna għall-eternita?
  3. Kemm għandna għatx bħal dak ta’ Ġwanni, kif smajna fit-Tieni Qari tal-lum, biex immorru nxandru l-kelma tiegħu mingħajr waqfien?
  4. L-ewwel komunitajiet insara kienu jintgħarfu mill-ewwel mill-imħabba li kellhom għal xulxin. Għadha tidher fil-komunitajiet insara tagħna llum din l-imħabba?  Qegħdin nagħtu s-sehem tagħna biex dan iseħħ?
  5. “Ħenjin dawk li ma rawx u emmnu”. Għalina x’qed jgħid Ġesù?

Id-Djalogu

  Mulej, saħħaħ fina l-fidi,

  għinna biex ma nibżgħux!

  Kattar fina l-għaqda fil-komunitajiet tagħna

  fl-għajxien u x-xhieda li nagħtu

  Amen.  Hallelujah.