QAWMIEN LI JAGĦTI GARANZIJA – L-Għid il-Kbir – 21 t’April 2019
Il-Jum Qaddis tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet
QAWMIEN LI JAGĦTI GARANZIJA
Atti 10:34a, 37-43; Salm 117; Kolossin 3:1-4; Ġwanni 20:1-9
Il-Vanġelu
Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!” Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Mbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Mbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen. Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.
Il-Ħsieb
Il-Mulej qam tassew. Il-kliem tiegħu saru ġrajja ta’ ferħ għall-umanità kollha. Is-salvazzjoni feġġet u ssaħħet bil-qawmien
tiegħu fuq il-mewt. Din hija l-akbar ġrajja u garanzija għalina li l-Mulej qam tassew mill-imwiet biex iqajjem lilna mill-mewt, mid-dnubiet, mill-medjokrità tal-ħajja. Iżda aħna, bħala Nsara, konvinti li dan il-qawmien Ġesù kisbu mhux għalih iżda għalina? Kisbu biex jagħtina garanzija li lkoll kemm aħna nistgħu niksbu l-qawmien wara din il-ħajja permezz ta’ l-għajxien u l-fiduċja tagħna fih? Kemm tassew aħna nies li qed nemmnu li Ġesù qam tassew u jimxi magħna kuljum fil-ħajja tagħna f’dak kollu li nwettqu, u nagħmlu dak li qalilna u li nsibu fil-kelma li tagħti l-ħajja fil-Vanġelu? Iva, illum huwa jum kbir ta’ ferħ għal dawk kollha li tassew qed jgħixu l-fidi nisranija fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Il-Kelma
L-ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli. Jirrakkonta l-ġrajja tal-predikazzjoni ta’ l-appostlu li hija bbażata fuq il-passjoni, mewt u qawmien ta’ Kristu, li fih huwa miġbur il-misteru ta’ l-Għid. Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 117, hija għajta ta’ ferħ lill-Mulej li fih insibu tjieba li tibqa’ għal dejjem. It-Tieni Qari, mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin, għandna stedina li, jekk aħna rxuxtajna ma’ Kristu fil-ħajja tagħna, irridu nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema, u għalhekk hemm bżonn li ma nintrabtux mal-ħwejjeġ ta’ l-art. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna r-rakkont tad-dehra ta’ Ġesù lid-dixxipli ta’ Għemmaws. Kienu dixxipli mbeżżgħin iżda malli għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż tar il-biża’ minn fuqhom.
Il-Ħajja
- Id-dixxipli ta’ Għemmaws ma fehmux l-Iskrittura. Kienu mbeżżgħin. Iżda neħħew kull biża’ kif għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-Ħobż. Possibbli li aħna li mmorru tant quddies nibqgħu mbeżża’ nuru li tassew aħna nsara?
- Kemm tassew illum, l-GĦID IL-KBIR, irringrazzjajna lill-Mulej tal- qawmien-garanzija li huwa tana li aħna m’aħna se mmutu qatt?
- Ġesù jridna nxandru dan il-qawmien lil dawk ta’ madwarna. Kif se timpenja ruħek mil-lum ’il quddiem biex tħeġġeġ u xxandar lill-familja tiegħek, fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola, li Ġesù qam tassew?
- L-Għid huwa wkoll il-festa li turina li l-kliem tal-Mulej huwa verità assoluta għal ħajjitna. Nistgħu nagħmlu wegħda magħna nfusna li ndaħħlu aktar il-Kelma ta’ Ġesù fil-ħajja tagħna?
- Kif jgħidilna San Pawl fl-Ittra lill-Kolossin: Hemm bżonn urġenti għalina li naħsbu u nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema u mhux nintrabtu ma dawk ta’ l-art.
Id-Djalogu
Grazzi Mulej
tal-qawmien li għoġbok toffrilna.
Grazzi Mulej
li qajjimtna miegħek sabiex nikbru fil-kuraġġ
ta’ għajxien ħaj tal-fidi tagħna.