IMĠARRAB U MWARRAB – Ħadd il-Palm – 14 ta’ April 2019
Id-Daħla Solenni ta’ Ġesu f’Ġerusalemm
IMĠARRAB U MWARRAB MINN KULĦADD!
Isaija 50:4-7; Salm 21; Filippin 2;6-11; Luqa 22,14-23,56
Il-Ħsieb
Ġesù mġarrab u mwarrab minn kulħadd! Illum nagħtu bidu għall-Ġimgħa ta’ l-akbar imħabba, iżda fl-istess ħin hija l-Ġimgħa ta’ l-imwarrab. Kemm tassew jiena u inti kuljum għadna nagħmlu l-istess bħalma għamlu l-Lhud lil Ġesù? Forsi ngħidu li aħna ta’ Ġesù, ngħidu li aħna ma’ Ġesù, iżda kemm tassew qed inkunu aħna li nuru, bil-ħajja tagħna stess, li aħna dixxipli denji tiegħu? Fit-tajjeb ngħidu li aħna ta’ Ġesù, iżda fil-maltemp malajr nagħmlu l-kompromessi, malajr minn Hosanna ngħidulu Sallbu biex ma jtellifniex il-kompromessi tagħna.
Ġesù jerfa’ fuqu l-madmad tagħna biex aħna nkunu salvi. Kemm aħna grati lejn din il-ġrajja ta’ salvazzjoni? Kemm tassew nifhmu dak li jrid minna Ġesù biex aħna wkoll nerfgħu s-salib tagħna ta’ kuljum? Li tgħix il-fidi tiegħek mhix li tfittex l-Hosanna iżda li tfittex is-salib tiegħek u mhux tilħaq salib ħaddieħor.
Matul din il-Ġimgħa Mqaddsa ejjew ninġabru flimkien bħala komunità nisranija u nifhmu li lkoll kemm aħna rridu ngħixu l-fidi tagħna fis-sħiħ fid-dawl tal-ġrajjiet ta’ l-imħabba ta’ Ġesù bil-Passjoni, Mewt u Qawmien.
Il-Kelma
L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija fejn għandna l-figura tal-Qaddej t’Alla li lest li joffri lilu nnifsu għall-bnedmin; iżda Alla ma jitilqux waħdu. Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 21, għandna l-għajta ta’ l-abbandun ta’ Ġesù: Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni? Fit-Tieni Qari, mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin, l-Appostlu jgħidilna li Kristu biex isalvana ġab ruħu fix-xejn u ma qagħadx iqis il-jeddijiet tiegħu, imma sar jixbah lilna. Iżda Alla għollieh fil-glorja. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa llum għandna r-rakkont tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu. Huma ġrajjiet li juruna sa fejn twassal il-vera mħabba ta’ Ġesù għalija u għalik.
Il-Ħajja
- Kemm tassew ippreparajt ruħek sew f’dan ir-Randan? Kemm se tużaha din il-Ġimgħa Mqaddsa li bdejna llum biex tkompli tikkonverti lilek innifsek?
- Lill-Mulej kantawlu Hosanna u wara għajtu Sallbu. Kemm-il darba għamilt hekk inti bl-għemejjel tiegħek?
- Ġesù ġie mġarrab u miet fuq is-salib. Dan kollu għamlu minħabba fina, għaliex iħobbna. Kif qed trodd lura din l-imħabba fil-ħajja tiegħek?
- Il-Mulej iġġarraf iżda qam. Meta tkun qed tiffaċċja xi problema fil-ħajja tiegħek ħares lejn Kristu Msallab. Fih m’hemmx biss il-mewt iżda hemm ukoll il-qawmien.
Id-Djalogu
Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk,
għaliex b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.