JGĦAJTULU LEJL U NHAR – Id-29 Ħadd matul is-sena Ċ – 16 t’Ottubru 2016

JGĦAJTULU LEJL U NHAR – Id-29 Ħadd matul is-sena Ċ – 16 t’Ottubru 2016

October 12, 2016
0

Id-29 Ħadd Matul is-Sena

JGĦAJTULU LEJL U NHAR

Eżodu 17, 8-13; Salm 120; 2 Timotju 3, 14-4,2; Luqa 18, 1-8

 

Il-Vanġelu – Il-parabbola ta’ l-imħallef u l-armla

      Mbagħad qalilhom parabbola biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu.  Qalilhom: “Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd.  F’dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu, ‘Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi.’  Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal, ‘Mhux għax nibża’ minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, imma għallinqas għax din l-armla dejjqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini.’ ”  U l-Mulej qal: “Isimgħu ftit x’jgħid  l-imħallef il-ħażin.  Mbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajjtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom?   Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”

 

Il-Ħsieb

Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?
     Kemm se ndum nitlob?  Naħseb li Alla nsieni.  Kemm-il darba smajna din il-frażi jew inkella għidnieha fil-qalb tagħna?  Kemm-il darba ħsibna li t-talb tagħna m’hu qed jiswa għal xejn?  Għaliex illum qed ngħixu f’dinja fejn il-mentalitaÏ hija li kollox trid, jekk jista’ jkun, il-bieraħ qabel illum?  Irridu kollox malajr u b’effiċjenza kbira.  It-talb ma jitlobx effiċjenza, iżda paċenzja.  U hemm proċess ukoll kif wieħed għandu jitlob, mhux biss billi jgħid u jibni kuntatt ma’ Alla meta jiġi dahru mal-ħajt kif rajna l-Ħadd li għadda fil-Vanġelu ta’ l-għaxar imġiddmin.  Hemm bżonn li r-relazzjoni intima ta’ djalogu ma’ Alla l-Ħallieq tinbena kuljum billi noffrulu l-azzjonijiet tagħna kollha, anki dawk imtappna jew mgħaffġa minħabba l-ebusija tal-ħajja.  Iżda Ġesù llum irid ukoll jipprovoka l-fidi u l-għajxien ta’ l-istess fidi tagħna.  Id-domanda li għandna fl-aħħar vers tal-Vanġelu tal-lum hija provokazzjoni kbira:  “meta jiġi Bin l-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art?  Fija u fik x’se jsib il-Mulej?  Qed nibnu l-fidi tagħna pass wara pass minkejja, nerġa’ ntenni, id-djugħfija tagħna?

     Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Eżodu fejn jitkellem dwar l-ewwel rebħa tal-poplu Lhudi wara l-ħelsien tiegħu mill-Eġittu fi triqtu lejn is-Sinaj, fejn naraw li Alla jieħu  ħsieb kontinwament tal-poplu tiegħu kemm fl-ikel kif ukoll fil-ħarsien u l-kenn mill-għadu.  Fis-Salm Responsorjali nindunaw li l-għajnuna vera tasal biss mingħand il-Mulej.  Huwa l-Mulej li jħarisna u huwa d-dell tagħna.  Fit-Tieni Qari, mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lil Timotju, insibu li n-nisrani tad-dinja jiltaqa’ ma diversi fehmiet li m’humiex dawk li għandhom x’jaqsmu mal-fidi tagħna.  Għalhekk jeħtieġ li nżommu sħiħ kontinwament fil-Kelma tal-Mulej.  Hemm bżonn li nxandru l-Kelma tal-Mulej u naraw li ħaddieħor qed jimxi fuq id-direzzjoni tagħna.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa nsibu lill-Mulej jgħidilna li għandna nitolbu mingħajr ma nintelqu.  Dan ifisser li s-Saltna tal-Mulej tikber bil-mod il-mod.  Nifhmu wikoll li l-bidla tagħna, il-konverżjoni tagħna, issir bil-mod u mhux f’daqqa.

     Il-Ħajja

1.  Il-messaġġ prinċipali li Ġesù jagħtina llum huwa biex naraw kif qed nimxu fil-proċess ta’ konverżjoni kontinwa lejn il-Mulej.

2.  Dan nistgħu nagħmluh biss f’għaqda intima ma’ Alla.  Kif?  Bit-talb.

3.  Hemm bżonn li lkoll kemm aħna nagħrfu li rridu nifhmu l-Kelma ta’ Alla, naċċettawha u ngħixuha ħalli nwasslu l-eżempju lil Ħaddieħor.

4.  Il-Mulej huwa l-kenn tagħna, kif tennejna fis-Salm Responsorjali. Qatt m’hu se jħallina waħedna.

5.  Hemm bżonn ta’ mument ta’ talb fl-24 siegħa li l-Mulej jagħtina kuljum.

     Id-Djalogu

Mulej,

għinni nagħraf aħjar

nitkellem miegħek,

sabiex tkabbar fija l-fidi.

Leave a Reply

Your email address will not be published.