Eżortazzjoni Randan: Prayer Café – 21 ta’ Frar 2014
Fr. Charles beda l-Eżortazzjoni tar-Randan għal din is-sena billi tenna li r-Randan mhux mument ta’ dwejjaq u qtigħ il-qalb iżda huwa proċess ta’ FESTA TA’ KONVERŻJONI, ċans ta’ 40 gurnata li fihom nirritornaw lejn il-Mulej. Huma jiem li fihom nagħrfu il-qawwa kbira li Alla jrid jistedinna u jipprovokana biex nersqu aktar lejh, biex insibuh, biex inħalluh imissna.
Illum aħna lkoll ibbumbardjati mill-kliem tal-midja u tal-politiċi. Proġetti, wegħdiet, programmi u dak kollu lil-kelma tista twassallek. Tisma minn jgħidlek xbajt nisma u dan qed iseħħ anke fil-familja bejn il-miżżewgin. Attitudni ta boycott lil xulxin u lil Alla. Il-Missjoni tagħna hi li nxandru lil Kristu – “il-Kelma ta’ min jemminha u jilqagħha għal kollox” (1Tim 4:9). Fi kliem ieħor, naraw is-siwi u l-urġenza ta’ evanġelizzazzjoni ġdida.
Tiġina f’moħħna l-ġrajja meta ġabu quddiem Ġesù wieħed trux u mbikkem. Ġesù refa’ għajnejh lejn is-sema, lissen “kelma”, u dak infetħulu widnejh u “qabad jitkellem sewwa”. Dan l-istess servizz tista’ u għandha toffrih il-Knisja lis-soċjetà tagħna, li propju għax “ittarrxet”, qed issib diffikultà biex “titkellem sewwa” fuq suġġetti importanti ħafna bħalma huma Alla nnifsu, il-ħajja umana, il-familja, id-dinja tax-xogħol, l-ekonomija u x-xjenza. Għandna bżonn niksbu l-ħila li biha nikkomunikaw ma’ xulxin biex inkunu tassew familja waħda, fejn hemm interess ġenwin fil-ġid komuni. Għandna bżonn insibu dak il-kliem li, għax jolqot fil-laħam il-ħaj, jibni lill-persuna. Neħtieġu kelma li ċċarrat il-maskra tal-ipokresija, biex nibnu relazzjonijiet aktar ġenwini u ġusti. Neħtieġu kliem li jfejjaq. Ikun verament akkwist jekk insibu dak il-kliem li kapaċi jdewwaq il-benna tal-irġulija! Fuq kollox, illum lill-bniedem tonqsu dik il-kelma li timlieh bil-kuraġġ biex jikser is-silenzju u jbexxaq aktar fommu, kemm fil-pjazza u kemm fuq iz-zuntier, biex iċaqlaq l-ilma qiegħed kemm fil-qasam soċjali u kemm f’dak reliġjuż!
Dan kollu jrid iwessa il-moħħ u l-qalb tagħna biex naċċettaw il-qawwa tal-kelma ta’ Ġesù fina. Niftħu it-triq u l-proġetti tagħna biex permezz tat-talb, sawm u penitenza jkun mument li nirbħu d-distrazzjonijiet u niġġeddu fit-triq tal-Mulej.
Joanne Ciantar