JIFTAĦ L-OQBRA – Il-5 Ħadd tar-Randan Sena A – 26 ta’ Marzu 2023

JIFTAĦ L-OQBRA – Il-5 Ħadd tar-Randan Sena A – 26 ta’ Marzu 2023

March 19, 2023
0

Il-5 Ħadd tar-Randan

JIFTAĦ L-OQBRA

Eżekjel 37: 12-14; Salm 129; Rumani 8:8-11; Ġwanni 11:1-45

Il-Vanġelu

Kien hemm wieħed marid, Lazzru minn Betanja, ir-raħal ta’ Marija u oħtha Marta. Marija kienet dik li dilket il-Mulej b’żejt ifuħ u xxuttatlu riġlejh b’xuxitha; u Lazzru, il-marid, kien ħuha. Iż-żewġ nisa bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ara, ħabibek marid.” Meta sama’ l-aħbar Ġesù qal: “Din m’hijiex marda  tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta’ Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla.” Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru. Meta sama’ li dan marad, baqa’ jumejn oħra fejn kien, u mbagħad qal lid-dixxipli: “Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija.” Qalulu d-dixxipli: “Rabbi, il-Lhud għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int rieġa’ sejjer hemm?”  Weġibhom Ġesù: “M’hux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi binhar, ma jitfixkilx, għax ikun qiegħed jara d-dawl ta’ din id-dinja. Imma jekk jimxi billejl, jitfixkel, għax ma jkollux dawl.”  Qalilhom hekk, u mbagħad issokta jgħidilhom: “Ħabibna Lazzru rieqed; iżda ħa mmur u nqajjmu.”  Qalulu  d-dixxipli: “Mulej, jekk inhu rieqed, jiġifieri se jfiq.” Iżda Ġesù kien tkellem mill-mewt tiegħu, u huma ħaduha li kien qalilhom fuq l-irqad ta’ meta wieħed ikun bin-ngħas.  Mbagħad qalilhom ċar u tond: “Lazzru miet.  U jiena nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, ħalli temmnu. Iżda ejjew immorru sa ħdejh.”  Tumas, mlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu d-dixxipli: “Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu.”

Meta wasal, Ġesù sab li Lazzru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar. Betanja kienet qrib Ġerusalemm, xi ħmistax-il stadju ‘l hemm minnha. Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba ħuhom.  Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek.” Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum!” Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum.” Qalilha Ġesù: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?” “Iva, Mulej,” weġbitu, “Jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja.”

Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien qaltilha: “L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek.” Dik, malli semgħetha, qamet minnufih u marret ħdejh. Ġesù kien għadu ma daħalx fir-raħal, imma baqa’ fejn kienet ġiet tiltaqa’ miegħu Marta. Il-Lhud li kienu d-dar ma’ Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru warajha, għax stħajjluha sejra lejn il-qabar biex toqgħod tibki hemm. Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu nxteħtet f’riġlejh, tgħidlu: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut.” Ġesù, kif ra lilha tibki u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. “Fejn qegħedtuh?” staqsiehom. Huma weġbuh: “Mulej, ejja u ara.”  U Ġesù beka. Għalhekk il-Lhud qalu: “Ara kemm kien iħobbu!”  Iżda xi wħud minnhom qalu: “Ma setax dan il-bniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?”

Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’ oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu.  Ġesù qal: “Neħħu l-blata.” Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej, issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet.” Qalilha Ġesù: “Ma għedtlikx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?” Mbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa’ għajnejh ‘il fuq u qal: “Missier, nroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għedt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni.” Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lazzru, oħroġ!” U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur.”

Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.

Il-Ħsieb

Il-Mulej tant huwa viċin tagħna li jridna ħajjin dejjem u ma jiddejjaqx jinżel fil-ħofra tal-qabar maħmuġ tal-fraġilita ta’ ħajjitna.  “Dawk li jgħixu skond il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla.  Iżda intom ma tgħixux skond il-ġisem iżda skond l-Ispirtu”.  Din hija twissija li jagħti San Pawl fil-liturġija tal-lum, twissija li lkoll kemm aħna rridu nieħdu bis-serjetà jekk irridu nibqgħu ħajjin dejjem, ħajjin għall-eternità, ħajjin permezz tal-Kelma t’Alla.  Minkejja d-difetti tagħna, il-Mulej lest li jerġa’ jqajjimna kuljum ukoll jekk dak li għal għajnejn id-dinja jidher li jkun waqgħa jew falliment.  Huwa għal dan il-għan li l-qawmien ta’ Lażżru huwa eżempju ċar mhux biss tal-qawwa ta’ Ġesù fuq il-mewt fiżika tal-bniedem iżda b’mod aktar ċar fuq il-mewt spiritwali.  Għal dan il-għan dan il-Vanġelu huwa Vanġelu li jagħtina kuraġġ u tama minkejja d-dgħufija ta’ kull wieħed minna.  Il-Kelma tal-Mulej għandha s-setgħa kull ħin li tagħtina l-ħajja.  Importanti li lkoll nagħtu każ tagħha u nagħtuha l-ħin u ċ-ċans tibdilna.

Il-Kelma

Eżekjel iserraħ ras il-poplu u jiddeskrivi l-qawmien u l-għaqda ta’ Israel wara l-Eżilju.  Dan insibuh b’mod speċjali fl-Ewwel Qari tal-lum mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel, li jtenni li saħansitra l-Mulej itellagħna mill-oqbra li nkunu ntfajna fihom aħna.  Il-Mulej se jqiegħed ruħna fina biex  aħna nieħdu l-ħajja.  Xi rridu aktar minn hekk?  Is-Salm 129 li ntennu fis-Salm Responsorjali huwa għajta qawwija lill-Mulej għax huwa għandu t-tjieba.  Hija din it-tjieba li trid tfejjaqna.  Fit-Tieni Qari fl-Ittra lir-Rumani għandna indikazzjoni li aħna l-imgħammdin, aħna l-ħolqien ġdid imħabbar minn Eżekjel fl-Ewwel Qari tal-lum.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, fil-qawmien ta’ Lazzru għandna tifsira ta’ dak li jiġri lilna fil-magħmudija.

Il-Ħajja

1.  Quddiem id-dgħufija tagħna għandna l-ordni kuljum biex inqumu mill-waqgħat u r-raqdiet tagħna.

2.  Il-Mulej iridna ħajjin fix-xhieda tagħna.  X’qed tkun ir-risposta tagħna?

3.  Il-Mulej huwa lest li jtellagħna mill-qabar tagħna, iżda rridu nagħmlu l-parti tagħna.

4.  Kemm tassew fil-ħajja tagħna qed nagħmlu għażliet fid-dawl tal-kliem ta’ Kristu biex inkunu wlied id-dawl?

Id-Djalogu

Mulej,

minkejja l-waqgħat fil-qabar ta’ dgħufija

nixtieq li tgħinni nqum u nerfa’ salibi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.