F’IDEJKOM – Tlugħ il-Mulej fis-Sema – Sena A – 21 ta’ Mejju 2023
MinnTlugħ il-Mulej fis-Sema
F’IDEJKOM
Atti 1:1-11, Salm 46; Efesin 1:17-23; Mattew 28: 16-20
Il-Vanġelu
Ġesù jagħti l-missjoni lill-appostli
Il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, nxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missieru ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.”
Il-Ħsieb
Huwa Ħadd fejn irridu nirriflettu kemm aħna kuraġġużi fix-xandir tal-fidi tagħna. Kemm tassew aħna lesti nimpenjaw ruħna fis-soċjetaÏ biex inxandru din l-aħbar it-tajba kullimkien? Nibdew mill-ambjent tal-familja tagħna, tax-xogħol, studju, divertiment; kull ħin hu mument tajjeb biex inxandru l-fidi tagħna.
Il-Kelma
L-Ewwel qari tal-lum, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, jirrakkonta t-tlugħ tal-Mulej fis-sema u juri r-responsabbiltaÏ tad-dixxipli li jridu jagħtu xhieda tiegħu sa truf l-art. Fis-Salm Responsorjali tal-lum, għandna stedina biex nuru l-ferħ tagħna li Kristu tela’ fis-sema biex joqgħod fuq il-lemin tal-Missier. Fl-Ittra lill-Efesin għandna naraw lil San Pawl juri lill-Insara b’liema ġieħ ġie gglorifikat Sidna Ġesù Kristu permezz tal-Missier. Naraw kemm tassew is-salvazzjoni tad-dinja hija opra kontinwa tat-TrinitaÏ. Fil-Vanġelu għandna t-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema iżda wkoll il-kmand ta’ Ġesù lid-dixxipli biex imorru jħabbru u jgħallmu.
Il-Ħajja
- Aħna l-Insara ma nistgħux nibqgħu reqdin. Hemm bżonn li nqumu min-ngħas. M’aħniex waħedna. Ġesù bagħatna nxandru. X’qegħdin nagħmlu biex nuruh li fhimna xi jrid minna?
- Ma nistgħux inxandru jekk qabel ma nkunux nies li kontinwament nitgħallmu u nikbru fil-Kelma ta’ Alla.
- Qatt ma għandna nibżgħu li aħna waħedna. Il-Mulej magħna sa l-aħħar taż-żminijiet.
- Kuraġġ! Hemm bżonn li nxammru l-kmiem u nidħlu naħdmu fl-għalqa tal-Mulej.
Id-Djalogu
Għinni, Mulej,
biex inxandar il-Bxara t-Tajba mal-Ġnus.
Għinni biex ma nibżax u ma naqtax qalbi.