NEĦĦU L-BIŻA’ – Għid il-Ħamsin – Sena A – 28 ta’ Mejju 2023
Għid il-Ħamsin
NEĦĦU L-BIŻA’
Atti 2: 1-11, Salm 103; 1 Korintin 12:3-7, 12-13; Ġwanni 20:19-23
Il-Vanġelu
Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”
Il-Ħsieb
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, għandna l-ewwel ir-rakkont ta’ l-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli u wara naraw nies minn diversi nazzjonijiet jifhmu l-preokkupazzjoni tal-kelma magħmula mill-Appostli. Fis-Salm Responsorjali tal-lum, Salm 103, għandna innu li juri kif, permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu, Alla beda jġedded kollox. Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin għandna r-rakkont ta’ San Pawl li juri kif il-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu tgħaqqad il-Knisja u l-ħidma tal-membri kollha tal-Knisja. Fil-Vanġelu tal-lum minn San Ġwann għandna lil Ġesù li jagħti huwa nnifsu l-Ispirtu fuq l-Appostli.
Il-Ħajja
- Mhux talli Ġesù ma fdaniex waħedna, talli ħallielna Difensur kontinwu magħna. Possibbli għadna ma ndunajniex?
- Kemm-il darba ħassejna lill-Ispirtu tal-Mulej qed idawwal id-deċiżjonijiet tagħna?
- Il-Mulej jonfoħ kontinwament l-Ispirtu tiegħu fuqna. Kemm qed nużaw dan l-Ispirtu biex indandnuh?
- Aħna ħafna membri iżda ġisem WIEĦED. Kemm tassew qed nagħtu xhieda ta’ dan bħala Nsara anki fl-istess Knisja Maltija?
- L-Ispirtu jneħħi l-biża’ mill-Appostli. Kapaċi aħna wkoll noħorġu bla biża’ nxandru l-Mulej fil-postijiet tax-xogħol, fid-djar u fis-soċjetà tagħna?
Id-Djalogu
Ejja, Spirtu s-Santu,
neħħi minna l-biża’
ħalli nxandru bla waqfien
il-qawwa ta’ Alla f’ħajjitna u fis-soċjetà tagħna.