IT-TRINITÀ QADDISA – Ħadd fuq Għid il-Ħamsin – Sena A – 4 ta’ Ġunju 2023
Il-Ħadd fuq Għid il-Ħamsin
IT-TRINITÀ QADDISA
Eżodu 34: 4b-6,8-9; Danjel 3: 52-56; 2 Korintin 13:11-13; Ġwanni 3:16-18
Il-Vanġelu
Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem ta’ l-Iben il-waħdieni ta’ Alla.
Il-Ħsieb
Fit-tlugħ tiegħu fis-sema l-Mulej wegħidna li mhux se jħallina orfni. U fil-fatt, fil-festa tal-lum naraw kemm tassew il-Mulej ma ħalliniex waħedna. Il-preżenza ħajja u attiva tat-Tliet Persuni tat-Trinità Mqaddsa turina lilna lkoll li l-Mulej irid iħares kull waqt tal-ħajja tagħna għaliex iridilna l-ġid. Huwa għal dan il-għan li l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu jaħdmu fina. Għalhekk aħna mmarkati bis-sinjal tat-Trinità Qaddisa. Għalhekk meta nroddu s-Salib inkunu qed nitolbu l-intervent kontinwu tat-Trinità Qaddisa fuq l-għemejjel tagħna. Alla hekk ħabbna li bagħat lil Ibnu. Dan l-Iben wettaq il-missjoni tiegħu u wiegħed Difensur fl-Ispirtu s-Santu. Hija din il-qawwa tat-Trinità Qaddisa fl-istorja ta’ l-umanità u fl-istorja personali ta’ kuljum tagħna lkoll li tqawwilna l-fidi tagħna u tneħħi minna kull sens ta’ biża’.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Eżodu, għandna lill-poplu Lhudi li beda jadura l-għoġol tad-deheb. Xeba’ minn Alla. Abbuża minn Alla. Mosè jitla’ fuq il-muntanja biex jikseb u jwettaq mill-ġdid il-Patt bejn Alla u l-poplu Lhudi. Jingħata l-Kmandamenti.
Fis-Salm Responsorjali li ntennu llum, mill-Ktieb tal-Profeta Danjel, għandna innu ta’ radd il-ħajr għax il-Mulej għoġbu jgħarraf l-Isem Qaddis Tiegħu lilna lkoll. Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, Ġesù jtenni li Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex bih hija ssalva.
Il-Ħajja
1. Kemm tassew qed naduraw ALLA WIEĦED fil-ħajja tagħna? Jew aħna wkoll għandna l-għoġol tad-deheb li qegħdin naduraw?
2. Kemm tassew inħossu l-preżenza ħajja tat-TRINITÀ QADDISA FINA LKOLL, il-preżenza tal-MISSIER, L-IBEN u l-ISPIRT S-SANTU?
3. Kemm qed inkunu ulied denji tal-Missier li nroddu ħajr bis-serjetà għall-ħidma u l-għajnuna kontinwa li jagħtuna permezz tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu?
4. Huwa tajjeb li naraw it-tip ta’ għażliet li qed nagħmlu kuljum fil-ħajja tagħna. Kemm minn dawn huma mdawlin mill-għerf li tana Alla?
Id-Djalogu
Glorja lill-Missier,
lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu.