Ilkoll Aħwa: Prayer Cafè – 9 ta’ Jannar 2015
Il-Laqgħat Prayer Cafè reġgħu komplew nhar id-9 ta’ Jannar, wara waqfa qasira fil-ġranet tal-Milied. F’din l-ewwel laqgħa tal-2015, tkellimna dwar il-Vanġelu tal-Ħadd 11 ta’ Jannar 2015; jiġifieri l-Ħadd fejn niċċellebraw il-magħmudija tal-Mulej. [ara l-Vanġelu]
Il-laqgħa bdiet billi ġie spjegat li l-Magħmudija tal-Mulej għandha ħafna komuni ma’ dak li ċċelebrajna il-ġimgħa l-oħra: l-Epifanija tal-Mulej. Dan għaliex fil-magħmudija, Ġesù qiegħed juri lilu nnifsu bħala l-Iben ta’ Alla. L-istess ġara fl-epifanija fejn Alla qiegħed juri lilu nnifsu bħala tarbija. Fil-fatt epifanija tfisser turija jew manifestazzjoni u l-insara tal-lvant din il-festa jsejħula Theofanija li tfisser, “Alla juri lilu nnifsu”.
Fil-Ġrajja tal-magħmudija Ġesù ħa l-magħmudija mingħand Ġwanni l-Battista. Aħna nitgħammdu biex jitneħħielna d-dnub tan-nisel. Ġesù kien Alla, allura ma kellux bżonn magħmudija. Fl-ittra ta’ San Pawl lill-Fillipin naqraw hekk:
“Ġesù li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.”
Ġesu ma kellux bżonn magħmudija iżda sar bniedem bħalna u għalhekk ried jgħaddi minn dak kollu li ngħaddu minnu aħna.
Wara dan il-ħsieb ġie kkwotat dak li qal il-Papa Franġisku fid-diskors tiegħu fl-udjenza ġenerali fil-Pjazza San Pietru, nhar L-Erbgħa 8 ta’ Jannar 2014:
B’dan id-diskors il-Papa beda katekeżi fuq is-sagramenti u beda billi f’dan id-diskors tkellem dwar l-ewwel sagrament: il-magħmudija. F’dan id-diskors fost l-oħrajn jgħid hekk:
Il-Magħmudija hi s-sagrament li fuqu tinbena l-istess fidi tagħna u li tlaqqamna bħala membri ħajjin fi Kristu u fil-Knisja tiegħu. Flimkien ma’ l-Ewkaristija u l-Konfirmazzjoni tifforma l-hekk imsejħa ‘Inizjazzjoni Nisranija’
Imbagħad jistaqsi din il-Mistoqsija:
Imma hi tabilħaqq meħtieġa l-Magħmudija biex nistgħu ngħixu ta’Nsara u nimxu wara Ġesù? Fl-aħħar mill-aħħar dan mhux sempliċi rit, att formali tal-Knisja biex nagħtu isem lit-tarbija?
Hawnhekk għandna nsaqsu lilna nfusna, “Aħna għalxiex nitgħammdu? Għaliex ngħammdu t-tfal tagħna? Nifhmu verament x’inhi l-magħmudija jew ngħammdu t-tfal għax hija parti mill-kultura tagħna? Mhux l-ewwel darba li nisimgħu il-frażi: “Fittex għammdu/ għammidha” jew “kemm se ddum ma tgħammdu?”. Allura qed ngħammdu t-tfal għax (forsi mingħajr ma nafu) qed inkunu superstizzjużi?
Il-Papa jirrispondi bil-kliem ta’ San Pawl fl-ittra lir-Rumani:
“Ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-Magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida”(Rum 6:3-4).
Dwar dan il-Papa jgħid hekk:
Mela din mhix biss formalità! Hi att li jmiss l-eżistenza tagħna fil-profondità tagħha. Tarbija mgħammda u tarbija li mhix mgħammda m’humiex l-istess. M’humiex l-istess persuna mgħammda u oħra li mhix.
Hawnhekk nistgħu nitkellmu dwar l-argument: għandna ngħammdu t-tfal meta jkunu trabi jew għandna nħalluhom jiddeċiedu jekk jitgħammdux meta jikbru u jkunu maturi? Dwar dan wieħed jista’ jgħid ħafna, pero’ jibqa l-fatt li ġenituri responsabbli ma jħallux tarbija bil-ġuħ biex meta titgħallem titkellem tkun tista’ tgħid x’tippreferi; u lit-tfal nagħtuhom il-mediċini/tilqim li għandhom bżonn, biex nipproteġuhom, mingħajr ma nikkunsidraw jekk huma jriduhomx jew le. Ħadd ma jħalli lit-tfal jikbru mingħajr ma jagħtihom jieklu biex imbag[ara l-Vanġelu]ħad jiddeċiedu huma jekk irridux jieklu jew le! Bl-istess mod ġenituri nsara ma jistgħux ma jagħmdux lit-tfal tagħhom. Għalhekk il-ġenituri nsara jiddeċiedu li jgħammdu tarbija għax jemmnu li dik hi l-aħjar triq għaliha. Il-Magħmudija mhijiex bħal membership ta’ xi klabb li tidħol tagħmel parti minnu iżda bil-magħmudija qed nirċievu il-barka ta’ Alla. Imbagħad irridu nkomplu nitkabbru u nieħdu ħsieb li nibqgħu f’din il-barka tul ħajjitna; meta nkunu żgħar permezz tal-ġenituri tagħna u meta nikbru din trid tkun deċiżjoni li nibqgħu nieħdu u nsostnu aħna. Dan nagħmluh anke bl-affarijiet żgħar li jiġru fil-ħajja tagħna ta’ kuljum; kif ngħixu ħajjitna: kif nitkellmu; kif nsuqu u l-bqija. Kull ma nagħmlu rridu nuru li aħna nsara: jiġifieri aħna mgħammda.
Il-Papa jkompli hekk:
“bil-Magħmudija, niġu mgħaddsa f’din il-għajn tal-ħajja li qatt ma taqta’ li hi l-mewt ta’ Ġesù, l-akbar att ta’ mħabba tal-istorja kollha; u grazzi għal dik l-imħabba nistgħu ngħixu ħajja ġdida, mhux iżjed suġġetta għall-ħażin, għad-dnub u għall-mewt, imma f’komunjoni ma’ Alla u mal-aħwa.”
Hawnhekk tqajjem punt ieħor importanti. Bil-magħmudija aħna nsiru lkoll aħwa; ulied tal-istess Missier. AĦNA AĦWA – ngħixu f’familja, f’komunità’; Knisja waħda.
Il-Papa qal ukoll li: “Ħafna minna m’għandhomx l-iċken tifkira taċ-ċelebrazzjoni ta’ dan is-Sagrament”. Hawnhekk issemma l-fatt li l-Papa ħafna drabi jsostni li kull nisrani, kull sena għandu jiftakar u jiċċelebra mhux biss id-data tat-twelid – il-birthday, iżda wkoll id-data li fiha tgħammed. Dwar dan il-Papa jgħid hekk:
Li nkunu nafu d-data tal-Magħmudija tagħna jfisser li nafu data hienja. Jekk ma nafuhiex inkunu nirriskjaw li nitilfu l-memorja ta’ dak li l-Mulej wettaq fina, il-memorja tad-don li rċivejna. Imbagħad nispiċċaw biex inqisuha biss bħala ġrajja li seħħet fil-passat – u bilkemm għax ridna aħna, imma għax riedu l-ġenituri tagħna, li għalhekk m’għandha l-ebda effett fuq il-preżent. Jeħtieġ nerġgħu nqajmu fina l-memorja tal-Magħmudija tagħna. Aħna msejħin ngħixu l-Magħmudija tagħna kuljum, bħala realtà attwali fl-eżistenza tagħna. Jekk jirnexxielna nimxu wara Ġesù u nibqgħu fil-Knisja, anke jekk bil-limiti tagħna, bid-dgħufijiet tagħna u bid-dnubiet tagħna, dan hu propju minħabba fis-Sagrament li fih sirna ħolqien ġdid u ġejna mlibbsa mill-ġdid bi Kristu.
Fi ftit kliem il-Papa qiegħed jgħid li għandna niftakru l-magħmudija tagħna għax permezz ta’ hekk aħna nibqgħu niftakru li aħna nagħmlu parti minn familja; minn komunità. Nibqgħu parti minn din il-komunità; il-knisja permezz tal-magħmudija u sagramenti oħra li jżommuna f’komunjoni, speċjalment l-Ewkaristija. Dan għaliex l-Ewkaristija tgħaqqadna bħala komunità madwar l-istess mejda; aħna l-Maltin għandna nifhmu dan sew għax fil-kultura tagħna (bħall-kulturi oħra Mediterranji) meta niltaqgħu mal-familja jew il-ħbieb, ħafna drabi niltaqgħu madwar il-mejda tal-ikel; biex niltaqgħu rridu nieklu. Fl-Ewkaristija nagħmlu l-istess, niltaqgħu madwar mejda f’komunità. Il-Magħmudija, bl-istess mod, tagħqqadna flimkien bħala aħwa.
Il-Papa jkompli jgħid:
Hu bil-qawwa tal-Magħmudija, fil-fatt, li, meħlusin mid-dnub oriġinali, aħna mlaqqmin fir-relazzjoni ta’ Ġesù ma’ Alla l-Missier; li aħna nġorru tama ġdida, għax il-Magħmudija tagħtina din it-tama ġdida: it-tama li nimxu fit-triq tas-salvazzjoni, ħajjitna kollha. U din it-tama xejn u ħadd ma jista’ jitfiha, għax it-tama ma tqarraqx bina. Ftakruha: it-tama fil-Mulej qatt ma tqarraq.
Il-Mulej huwa fidil; il-Mulej huwa lejali u dak li jwiegħed iwettaq.
Grazzi għall-Magħmudija, aħna kapaċi naħfru u nħobbu anki lil min joffendina u jagħmlilna d-deni; jirnexxielna nagħrfu f’dawk tal-aħħar u fil-foqra l-wiċċ tal-Mulej li jiġi jżurna u hu qrib tagħna. Il-Magħmudija tgħinna nagħrfu l-wiċċ ta’ Ġesù f’wiċċ dawk il-persuni li huma fi ħtieġa, f’dawk li qed ibatu, anki fil-proxxmu tagħna. Dan kollu hu possibbli grazzi għall-qawwa tal-Magħmudija!
Dan ifisser li kull ma nagħmlu aħna, bħala nsara mgħammda, huwa riżultat u riflessjoni tal-magħmudija tagħna. Aħna bħala nsara għandna nagħmlu dak li hu tajjeb. Dan ma jfissirx li min mhux nisrani ma jistax jagħmel it-tajjeb. Anzi, kulħadd jista’ jagħmel it-tajjeb. Id-differenza hi, li min hu mgħammed għandu jagħmel it-tajjeb għall-glorja ta’ Alla u mhux biex iħossu aħjar hu nnifsu.
Punt tal-aħħar, li hu importanti. U hawn nagħmel mistoqsija: Tista’ persuna tgħammed lilna nfisha? Ħadd ma jista’ jgħammed lilu nnifsu! Ħadd. Nistgħu nitolbuha, nixtiequha, imma għandna bżonn ta’ xi ħadd li jagħtina dan is-Sagrament f’isem il-Mulej. Għax il-Magħmudija hi don li jingħata f’kuntest ta’ attenzjoni u ta’ kondiviżjoni fraterna. Dejjem tul l-istorja, wieħed jgħammed lill-ieħor, lill-ieħor, lill-ieħor…hi katina. Katina ta’ grazzja. Imma jien ma nista’ qatt nitgħammed waħdi: hemm bżonn nitlob lil xi ħadd ieħor jagħtini l-Magħmudija. Hu att ta’ fratellanza, att ta’ filjazzjoni għall-Knisja. Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija nistgħu naraw il-karatteristiċi l-iżjed naturali tal-Knisja, li bħal omm tkompli tnissel ulied ġodda fi Kristu, fil-frott li jagħti l-Ispirtu s-Santu.
Dan isostni l-fatt li aħna bħala mgħammda; bħala nsara, aħna famila waħda, komunità.
Hawnhekk rajna x’qal il-Papa fid-diskors tal-udjenza tal-ġimgħa ta’ wara:
Hawnhekk il-Papa ta eżempu, permezz tal-istorja, ta’ x’ġara meta l-knisja fil-Ġappun għamlet mijiet ta’ snin teżisti b’mod klandestin u x’fissret il-mgħammudija f’dan iż-żmien partikolari għal dawn in-nies. Aqra d-diskors kollu bil-Malti hawn!
Bħala konklużjoni għal-laqgħa ssemma l-messaġġ tal-Papa għall-jum dinji tal-Paċi (1 ta’ Jannar) ta’ din is-sena: MHUX AKTAR ILSIRA IMMA LKOLL AĦWA.
F’dan il-messaġġ, fost l-oħrajn, il-Papa jgħid hekk:
Huwa, l-Iben il-Maħbub (cfr Mattew 3,17), ġie biex jurina l-imħabba tal-Missier lejn l-umanità. Kull min jisma’ l-Evanġelju u jwieġeb għas-sejħa tal-konverżjoni, għal Ġesù jsir «ħija, oħti u ommi» (Mattew 12,50) u għalhekk iben adottiv ta’ Missieru (cfr Efesin 1,5).
Il-Messaġġ jikkonkludih hekk:
Nafu li Alla jitlob lil kull wieħed u waħda minna: «X’għamilt b’ħuk?» (cfe Ġenesi 4,9-10). Il-globaliżżazzjoni tal-indifferenza, li llum ittaqqal il-ħajja ta’ tant ħutna, titlob minna li nsiru atturi ta’ globaliżżazzjoni tas-solidarjetà u tal-fraternità, biex lil dawn il-vittmi ntuhom lura t-tama u biex, mimlijin bil-kuraġġ jerġgħu jibdew it-triq fost il-problemi ta’ żmienna bil-prospettivi ġodda li jġib miegħu u li Alla jqegħedilna f’idejna.
It-tlett punti li għandom joħorġu minn din il-laqgħa huma:
- Meta tgħammidna? Nfittxu u niftakkru din id-data, biex niftakru li aħna mgħammdin u parti minn Knisja.
- Għandna kontinwament insaqsu lilna nfusna: «X’għamilt b’ħuk?». Bl-imġieba tiegħi, qiegħed nieħu ħsieb lil ħija jew lil oħti?
- Infittxu d-diskorsi u l-messaġġi tal-Papa. Dawn nistgħu nsibuhom fuq www.laikos.org.