“Ejjew U taraw”: Prayer Cafè – 16 ta’ Jannar 2015
Il-kelma li Ġesù jwieġeb biha liż-żewg dixxipli tiegħu hija kelma qawwija, stedina u fl-istess ħin sfida li Ġesù jagħmel liż-żewg dixxipli u lilna lkoll. Il-Papa Franġisku nafu li huwa Papa li jagħti attwalita’ kbira lil Vanġelu u dan il-Vanġelu jsejjaħlu: “Il-Vanġelu tas-sejħa tagħna lkoll”. Ġwanni jindika mill-ewwel li permezz tal-frażi “Hawn hu il-ħaruf ta’ Alla”, qed jibgħat lid-dixxipli tiegħu wara Ġesù.
Din hija riflessjoni qawwija li toħroġ mhux biss minn Ġwanni, iżda fuq kollox mill-vokazzjoni tagħna li nimxu wara Ġesù u li rċivejna fil-magħmudija. Quddiem l-għajta ta’ Ġwanni u quddiem l-istedina ta’ Ġwanni, irridu nwieġbu b’mod ċar u qawwi fil-mixja tal-ħajja ta’ kuljum: aħna qed narawh lil Ġesù? Qed nimxu wara Ġesù? Kif? Il-Kelma u l-Ewkaristija huma l-qawwa tagħna fil-ħajja ta’ Ġesù?
Ġesù iwieġeb ‘EJJEW U TARAW’ – hija kelma ta’ stedina u sfida li l-ebda riklam jew marketing manager illum ma jagħmel. “Ejjew u taraw” kif itenni l-Papa Franġisku jfisser li tmur tara u tagħżel? Irridu nagħżlu bejn l-egoiżmu tagħna u l-għatx tagħna ta’ kuljum biex nimxu wara Ġesù.
Ġesù bil-kelma ‘EJJEW U TARAW’ jolqot dirett. Il-kelma ta’ Ġesù hija qawwija. Ma nistgħux nisimgħu l-Kelma jew naqraw il-Kelma ta’ Ġesù u ma jsir xejn ġo fina.
Ġwanni jibqa’ jiftakar il-ħin ezatt. “Kien għall-ħabta tal-erbgħa ta’ wara nofsinhar. Meta nkiteb il-Vanġelu kienu għaddew bosta snin u l-kittieb jibqa’ jiftakar il-ħin eżatt meta ltaqa’ ma’ Ġesù. Int u jien niftakru meta ltqajna l-ewwel darba ma’ Ġesù? Meta ħassejna l-ewwel darba lil Ġesù, immarkatilna ħajjitna? Inħossu lil Ġesù kuljum fil-ħidma tagħna?
Ġesù lil Pietru jibdillu ismu wara li jaċċetta li jimxi warajH. Lili u lilek jagħmlilna l-istess. Taf xi jrid minnek Ġesù? X’missjoni tak? Ġesù jibdlek u jsaħħek kuljum. Importanti li tintelaq f’idejH. Induna xi jrid minnek. U tibda tagħmel il-mirakli bħal Ġesù …. u tinsiex tagħmel bħal Xmun Pietru li mar sab lil ħuh u qallu sibna l-Messija. Din il-ġimgħa sib lil xi ħadd biex iġġibu jisma’ l-kelma ta’ Alla nhar il-Ġimgħa.