“Il-Kerŷgma”: Prayer Cafè – 23 ta’ Jannar 2015
Il-laqgħa Prayer Cafè ta’ lbierah 23 ta’ Jannar, bdiet billi għidna t-Talba tal-Moviment Kerŷgma, talba li biha nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jinżel fuqna u jħeġġiġna biex b’egħmilna u ħidmietna nkomplu nxandru l-Kelma t’Alla. Wara nqara l-vanġelu tal-Ħadd li ġej mehud minn San Mark 1:14-20.
Dan il-vanġelu jeħodna fil-bidu tal-ministeru ta’ Ġesu. Ma kienx żmien faċli – ftit taż-żmien qabel din il-ġrajja msemmija kien ġie arrestat San Ġwann il-Battista. Dan la waqqaf u lanqas ma beżża’ lil Ġesu biex ikompli bil-missjoni tiegħu. “Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesu mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju t’Alla.” Hekk ukoll aħna meta niltaqgħu ma xi għawġ, ma qtih il-qalb… għandna nitħeġġu u nafdaw f’Alla l-Mulej b’dik l-istess fiduċja sempliċi li tifel ċkejken għandu lejn missieru. Jekk il-Mulej fdalna biċċa xogħol x’inwettqu f’idejna għandna nidħlu għaliha bil-fidi li l-Mulej se jsibilna l-mezzi Hu kif inwettquha. Minn naħa tagħna rridu nxamru l-kmien u nħalluh jużana għal ġid tal-bxara t-tajba.
Fejn irridu nxandru l-Kelma t’Alla?
Il-kelma KERŶGMA ġejja mill-Grieg u tfisser ‘ixxandar l-aħbar it-tajba’. Bxara li bdiet mill-għadira tal-Galilija. Il-Galilija hija żona fertili ħafna madwar għadira tal-ilma ħelu. Il-post huwa madwar 208 metru ‘l fuq mil-livell tal-baħar u l-għadira fiha 21km b’11km. Hemm diversi bliet imdawra max-xtut tagħha bħal Kafarnahum, Tiberija, Magdala … Kienet rotta ta’ kummerċ bejn l-Eġittu u l-Ewropa (Via Maris) għalhekk kienet bħala żona tilqa’ fiha nies ta’ kulturi differenti u vjaġġaturi. Kien hemm madwar 230 dgħajsa li jaħdmu fuq din l-għadira. Hija għadira magħrufa li faċilment iqumu l-irwiefen u hekk isir ambjent perikoluż għad-dgħajjes jaħdmu hemm. Kien hawn il-post fejn Ġesu ltaqa’ u sejjaħ lil Xmun, Indri, Ġakbu u Ġwanni biex jħallu kollox u jimxu warajh.
Irridu nxandru l-Kelma t’Alla kulfejn inkunu – d-dar mal-familja tagħna, fuq il-post tax-xogħol, f’postijiet ta’ divertiment…u dan għandna nagħmluh kemm bil-kelma u wisq iżjed bl-egħmil tagħna. Dan nistgħu nagħmluh billi nagħtu kelma ta’ faraġ lil min għaddej minn xi diffikulta, bil-għajnuna tagħna lil min għandu bżonnha…anke billi twaqqaf lil min ma jagħtix ġieh bi kliemu lill-isem t’Alla, tal-Madonna u tal-qaddisin, billi nsibuhom f’ħin opportun u niġbdulhom l-attenzjoni ta’ x’inhuma jgħidu. San Ġorġ Preca kien jgħid biex meta nisimgħu lil xi ħadd jidgħi għandna nagħmlu talba ta’ tifħir bl-isem imsemmi. “Ikun imfaħħar l-isem t’Alla!”
Meta jibdew jiġu l-affarijiet ħażin f’ħajjitna x’għandna nagħmlu? Nibqgħu nitolbu? Jekk xi ħadd jaqla’ xi għajdut fuqna nibqgħu mmorru? F’kas ta’ mard naqtgħu qalbna?
Dawn huma mumenti diffiċli li aħna lkoll f’xi mument jew ieħor se ngħaddu minnhom u fihom għandna nsejjħu għal għajnuna t’Alla. Waħda mill-membri tħobb tgħid “Ġesu għinni! Tini l-għajnuna inti ħalli nkompli”. Forsi naħsbu li l-qaddisin kienu xi ‘superpower’ iżda nafu li anke qaddisin kbar bħal San Ġwann Pawlu 11, San Ġorġ Preca, Madre Teresa, kienu jgħaddu minn mumenti ta’ qtih il-qalb. Iżda kollha baqgħu għaddejjin bil-missjoni tagħhom.
Membru ieħor qasam magħna li hu meta jkun għaddej minn mumenti ta’ diffikulta, li ma jkunx jista’ jifhem ‘l għala qed iseħħu , jħares lejn in-natura – xi ħadd jifhem l-kobor tal-univers? Jew kif 120 tunnellata titla fis-smewwiet? Fakkarna fil-vers mill-Bibbja “Min ma jsirx tifel żgħir – ma jidħolx fis-saltna t’Alla.” B’din l-istess tip ta’ fiduċja innoċenti tat-tfal irridu nafdaw rwieħna f’kull ċirkustanza li niltaqgħu magħha f’idejn Missierna fis-smewwiet.
Vers simili ta’ dan hu “Għax l-madmad tiegħek ħelu u t-toqol tiegħi ħafif!”Mt 11:25-30 – trid tintreħa f’idejH. Ma rridux noqogħdu jdejna fuq żaqqna iżda rridu nħallu f’idejH bħalma għamel Pietru – sema’ milli qallu Ġesu u qabad il-ħut meta mill-esperjenza tiegħu ta’ sajjied kien ċert li ma kienx se jaqbad.
Hawn inqara vanġelu sinotiku għal dak ta’ San Mark 1: 14-20 minn San Luqa 5. F’dan il-vanġelu nsibu aktar dettalji fuq is-sejħa tad-dixxipli minn Ġesu. U ntwera wkoll “video” dwar l-ewwel laqgħa ta’ San Pietru ma Ġesu.
Sentenza ċkejken minn dan il-film ġibdet l-attenzjoni, ‘Give me an hour and I will give you a whole life” Ġesu qiegħed jistedinna nagħtuh l-ħin tagħna, il-karattru tagħna, il-familja tagħna, u nħallu f’idejH biex imexxina Hu. Bl-iva ta’ San Pietru Ġesu minn sajjied tal-ħut bidlu f’sajjied tal-bnedmin.
F’San Mark 1:15 nsibu “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju.” Il-kelma mitmum hija qawwija ħafna, turi ċerta urġenza – l-affarijiet li tista’ tagħmel llum tħallihomx għal għada – f’kas ta’ problema tas-saħħa naqbdu u mmorru għand it-tabib biex infiequ. L-istess is-sejħa ta’ Ġesu rridu ngħixuha fil-prezent tagħna – mhux dejjem nħallu għal darb’oħra. Ħafna qaddisin kienu jgħixu l-prezent. Mt Teresa kienet tgħin lin-nies fil-prezent tagħha, f’dak il-mument u mhux toqgħod tgħid issa qed inħossni dgħajfa – mkissra – niġi għada – LE kienet tgħix is-sejħa tagħha f’kull ċirkustanza ta’ ħajjitha. Aħna l-insara rridu ngħixu l-Fidi tagħna bi prijorita fuq ħwejjeġ oħra. Ma rridux nħallu mumenti ta’ toqol iwaqqfuna mill-mixja jew mill-ħidma tagħna. Mitmum tfisser li dak li kellu jiġri ġara u żmien il-profeti kien spiċċa. San Ġwann il-Battista għalaq l-era tal-profeti. Dawn kienu jħabbru l-miġja tal-Messija. Il-wasla ta’ Ġesu kienet il-milja ta’ dan it-tħabbir. ISSA aħna rridu nwasslu l-messaġġ ta’ Ġesu lill-ħaddieħor. Ma nistgħux nħallu l-ħidma tagħna bħala nsara għal meta jikbru t-tfal jew għal meta noħorġu bil-penzjoni. Kif jgħid il-Malti “Għada qatt ħadd ma rah.”
Ġesu sejjaħ lid-dixxipli tnejn,tnejn. Il-Knisja hi grupp ta’ nies flimkien. Ir-reliġjon ma nistgħux ngħixuha weħidna. Li nattendu laqgħat bħal Prayer Cafe jew simili jgħinuna nkomplu mexxjin – ma nħossuniex weħidna iżda ngħarfu li qegħdin nimxu din il-mixja tal-fidi ma u bl-għajnuna ta’ l-oħrajn.
Hawnhekk nqrat storja mill-ktieb ‘FTIT TOGĦMA TAJBA’ ta’ Mons. Mikiel Azzopardi
Taħseb li Inti Għaref Iktar Minn Alla?!
Mela darba kien hemm raġel li kien jippretendi li hu għaref ħafna u ma kienx jaħsibha darbtejn biex jikkritika l-għemil tal-oħrajn. Kollox ħażin! Dak li jagħmel hu biss tajjeb! Saħansitra kien jasal biex jikkritika anki l-għemil ta’ Alla stess! Kieku kien hu Alla, l-affarijiet kien jagħmilhom wisq aħjar! Imma ġurnata waħda nduna kemm hu iblah u prużuntuż. Ħalli ngħidilkom xi ġralu. Mela ħareġ passiġġata fil-kampanja, qalb is-siġar u l-għelieqi. Anki hemm sab x’jikkritika! Ġewwa għalqa kienu qed jikbru kwantita kbira ta’ qara’ aħmar. Dan il-prużuntuż qal: Dan hu l-għerf t’Alla! Frott daqshekk kbir, imbagħad ħiereġ minn xitla żgħira kemm kemm taraha. Għall-kuntrarju siġra hekk kbira u qawwija bħalma hi l-balluta tagħmel ġandar hekk żgħir. Imissu sar il-kuntrarju, il-ġandar mix-xitla żgħira u l-qargħa ħamra mill-balluta! U jgerger u jzekzek baqa’ miexi. Meta għejja ried jistrieħ u mtedd jieħu ngħasa għad-dell ta’ balluta kbira. Kif għajnu marret bih qam b’ħasda għax ġandra waqgħet mis-siġra u ġiet preċiż fuq il-ponta ta’ mnieħru. U kif kien hekk maħsud deherlu li sema’ leħen minn wara s-siġra li qallu: “Mur ara kieku flok ġandra kienet qargħa ħamra!” Daqsxejn ta’ ħrafa li niddedikaha lil xi semmigħa li għandhom il-marda li jikkritikaw kollox u lil kulħadd, anki l-għemil t’Alla. Ma nkunux għorrief aktar milli tassew aħna.
Il-laqgħa għalqet b’talb spontanju u bit-talba tal-Missierna.
Avviżi :
- Nfakkru li ġimgħa oħra flok il-laqgħa Prayer Cafe niltaqgħu fil-knisja tal-Madonna tal-Għar Ir-Rabat għal PREMJU ŻAGĦŻUGĦ TAS-SENA 2014. Nħeġġu lil kulħadd jattendi. Sabih li nisimgħu t-tajjeb li jsir miż-żagħżagħ tagħna.
- Is-Sibt 31 ta’ Jannar il-grupp Kerygma se jorganizza WINE AND PIZZA PARTY.
- Nħeġġu biex kulħadd jibda’ jaħseb għal Irtir tar-Randan li se jsir ġewwa S-Seminarju tal-Arċisqof tal-Virtu bejn 6 ta’ Marzu u 8 ta’ Marzu. Nħallu dawn id-dati ħielsa.